IP/09/57 Brussell, il-15 ta’ Jannar 2009Is-suq tal-ħalib: Il-Kummissjoni tipproponi miżuri addizzjonali sabiex tgħin lis-settur tal-ħalibWara l-waqgħa fil-prezzijiet tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, il-Kummissarju għall-Agrikoltura Mariann Fischer Boel illum stqarret li ser tintroduċi miżuri ġodda biex tappoġġa s-suq. Il-ġimgħa d-dieħla l-Kummissjoni se tintroduċi mill-ġdid ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-butir, il-ġobon u t-trab tal-ħalib sħiħ u xkumat. Meta x-xiri ta' intervent għall-butir u s-SMP jibda f'Marzu, il-Kummissjoni timpenja ruħha li, fejn meħtieġ, tixtri aktar mill-kwantitajiet predeterminati permezz ta' offerti regolari. F’Novembru, il-Kummissjoni reġgħet introduċiet ħżin privat għall-butir b’effett mill-1 ta' Jannar 2009 - inkluż għall-butir prodott f’Diċembru. Dan introduċa ħżin privat iktar kmieni minn dak li normalment jiġri."Il-gravità tal-waqgħa tal-prezzijiet tal-ħalib tul dawn l-aħħar xhur ħalliet lil ħafna mistagħġba," qalet il-Kummissarju Fischer Boel. "Tkellimt ma’ ħafna produtturi meta kont qed nivvjaġġa lejn Stati Membri differenti u l-ansjetà tagħhom tidher ċara. Issa huwa l-waqt biex l-Unjoni Ewropea tagħtihom daqqa t’id. Miżuri introdotti fil-Kontroll tas-Saħħa jagħtu imbuttatura importanti lis-settur tal-ħalib, imma issa għandna bżonn nagħmlu xi ħaġa għax il-Kontroll tas-Saħħa ser japplika biss mill-istaġun li jmiss. Tassew nemmen li l-miżuri li qed nipproponi llum se jgħinu ferm biex jistabilizzaw is-suq tal-ħalib." Wara ż-żieda mhux mistennija fil-prezz tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib fl-2007 u fil-bidu tal-2008, is-sitwazzjoni tas-settur tal-ħalib issa reġgħet għal kollox lura kif kienet. Bi provvisti ikbar fis-suq dinji u domanda inqas fis-suq intern, il-prezzijiet tas-suq tal-prodotti tal-ħalib kellhom jitraħħsu sew tant li spiċċaw qrib il-livelli ta’ intervent jew saħansitra taħthom. Naturalment, il-prezz imħallas lill-produtturi tal-ħalib miexi bl-istess mod hekk li diġà ġie rreġistrat roħs sostanzjali fil-prezz u probabbli għad irid jiġi reġistrat iktar roħs. F’dak li għandu x’jaqsam mal-intervent, ix-xiri tal-butir u tal-ħalib xkumat tat-trab għandu jissokta fl-1 ta’ Marzu (bil-produzzjoni li tkompli minn Frar tkun eliġibbli) u jibqa' disponibbli sal-aħħar ta' Awwissu. L-ewwel 30 000 tunellata ta’ butir u 109 000 tunellata ta’ ħalib xkumat tat-trab se jinbiegħu għal prezz determinat minn qabel (il-prezz ta’ intervent). Nistennew li din il-kwantità ta’ butir tittieħed kemmxejn malajr u konsegwentament ikun neċessarju li s-suq ikun appoġġjat meta jinqabeż dan il-limitu. Kif kien deċiż fil-Kontroll tas-Saħħa, jistgħu jiġu aċċettati kwantitajiet oħra bi prezzijiet li jiġu ffissati permezz ta’ offerti li joħorġu kull ħmistax. Il-Kummissarju Fischer Boel staqsiet lis-servizzi sabiex iħejju għal deċiżjoni li trid tiġi ppreżentata lill-Kumitat ta’ Ġestjoni sabiex tinfetaħ din il-faċilità, dejjem jekk jintlaħaq il-limitu ta’ 30,000 fuq il-butir jew ta’ 109 000t għall-ħalib xkumat tat-trab, sabiex tiġi evitata kwalunkwe sospensjoni ta’ intervent waqt dan il-perjodu ta’ roħs fil-prezzijiet. Fir-rigward tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, issa huwa l-waqt li dan l-istrument jerġa’ jiġi riattivat. Perjodu twil mhux ħażin ta’ prezzijiet għoljin fis-suq dinji wassalna sabiex nissospendu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni sa minn Ġunju tal-2007. Bil-prezzijiet tas-suq dinji li jinsabu inqas mill-prezzijiet ta’ intervent u tas-suq tal-UE, l-esportaturi tagħna ma għadhomx jistgħu jikkompetu. Din is-sitwazzjoni hija aggravata minħabba d-diffikultajiet li diġà jeżistu għall-esportaturi tagħna li joħorġu mill-kriżi finanzjarja/tal-kreditu. Ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni se jkunu attivati mhux biss għall-butir u għall-ħalib xkumat tat-trab imma wkoll għall-prodotti l-oħra kollha tal-ħalib li kienu eliġibbli fl-imgħoddi, speċjalment il-ħalib sħiħ tat-trab u l-ġobon. Ir-rifużjonijiet għall-butir u għall-ħalib xkumat tat-trab huma ffissati permezz ta’ sejħa li jmiss għat-tfigħ ta’ offerti li għandha tkun deċiża l-ġimgħa d-dieħla. Is-sejħiet għall-offerti se jkunu iktar spissi minn darba sa darbtejn fix-xahar sabiex titjieb l-effiċjenza tas-sistema. Kif kien isir fl-imgħoddi, l-użu tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni se jkun applikat skont id-drittijiet u l-obbligi taħt l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Il-livell speċifiku ta' rifużjonijiet, għandu jiddependi mill-offerti li nirċievu min-negozjanti u għandu jkun iġġudikat skont il-kriterji oġġettivi tas-soltu sabiex ikun żgurat li r-rifużjonijiet jingħataw biss fejn meħtieġ. B’dawn il-miżuri, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tibgħat sinjal ċar lill-produtturi u lill-industrija tal-ħalib li l-Kummissjoni hija lesta tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti tagħna li huma disponibbli sabiex issostni d-dħul mis-suq u tal-produtturi.