IP/09/86 Brussell, il-21 ta' Jannar 2009Il-Grupp Ewropew dwar l-Etika (EGE) jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkorpora prinċipji etiċi fil-politiki agrikoliIllum il-Grupp Ewropew dwar l-Etika (EGE) iltaqa' ma' Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju responsabbli mill-Iżvilupp Agrikolu u Rurali, biex iressaq ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-opinjoni tal-Grupp dwar l-implikazzjonijiet etiċi tal-iżviluppi moderni fit-teknoloġiji agrikoli. F'Diċembru, fuq talba mill-President Barroso, l-EGE adotta opinjoni dwar l-implikazzjonijiet etiċi tal-iżviluppi moderni fit-teknoloġiji agrikoli, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet ġodda li trid taffaċċa l-agrikoltura tal-UE iktar 'il quddiem. Il-Grupp iddeċieda li jiffoka primarjament fuq it-teknoloġiji u l-metodi agrikoli għall-produzzjoni ewlenija tal-ikel li joriġina mill-pjanti. F'din l-opinjoni l-EGE juri li huwa konxju tal-ħtieġa għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fl-agrikoltura sabiex tkun tista' titma' l-populazzjoni dinjija li dejjem qed tikber. Hu jżid li t-teknoloġiji waħedhom ma jistgħux jipprovdu s-soluzzjonijiet finali għall-isfidi li qed taffaċċa l-agrikoltura moderna fl-UE u madwar id-dinja. Il-Grupp jenfasizza l-ħtieġa għal perspettiva integrata u għal approċċ integrat dwar it-teknoloġija agrikola biex il-proċessi tal-produzzjoni, tal-ħażna u tad-distribuzzjoni jiġu kkunsidrati flimkien meta l-implikazzjonijiet ta' kwalunkwe teknoloġija ġdida jkunu qed jiġu vvalutati b’mod etiku. L-għanijiet ta’ (1) is-sigurtà tal-ikel, (2) is-sikurezza tal-ikel u (3) is-sostenibbiltà tal-ikel huma kkunsidrati bħala l-ogħla prijoritajiet u prinċipji ta' gwida li magħhom għandha timxi kwalunkwe teknoloġija fl-agrikoltura. Jekk jintuża dan il-qafas etiku bħala punt ta' tluq, l-EGE jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar għadd kbir ta' kwistjonijiet bħal ma huma: Ir-reviżjoni tal-valutazzjoni tal-impatt tat-teknoloġiji agrikoli tal-Politika Agrikola Komuni tal-UE; id-dritt għall-ikel; Is-sostenibbiltà tat-teknoloġiji agrikoli; Is-sikurezza tal-ikel; Il-bijodiversità agrikola; Il-protezzjoni tal-ħamrija u tal-ilma; Il-bijofjuwil; L-għelejjel immodifikati ġenetikament; Ir-riċerka fix-xjenzi agrikoli; It-tfassil tal-politika għall-agrikultura tal-uċuħ li jinħartu; Il-kummerċ globali fil-prodotti agrikoli; Is-sistema tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intelletwali; Kompetizzjoni ġusta u "monopolji vertikali"; Il-prezzijiet tal-ikel; L-aspetti soċjali; Il-parteċipazzjoni pubblika; Ir-responsabbiltà taċ-ċittadini tal-UE; L-iskart tal-ikel, eċċ. L-isfond Il-Grupp Ewropew dwar l-Etika (EGE) huwa korp indipendenti, pluralist u multidixxiplinarju, magħmul minn ħmistax-il espert maħtura mill-Kummissjoni sabiex jipprovdu fehmiet dwar kwistjonijiet etiċi. L-Opinjoni adottata, l-istqarrija għall-istampa sħiħa u l-lista tal-membri huma disponibbli mill-websajt tal-EGE: http://ec.europa.eu/european_group_ethics/index_en.htm