IP/09/112 Brussell, 22 ta' Jannar 2009Progress sostanzjali fuq l-innovazzjoni fl-EwropaIt-Tabella ta' Valutazzjoni Ewropea tal-2008 li ġiet ippubblikata llum turi li l-UE għamlet progress sostanzjali fl-innovazzjoni qabel il-kriżi finanzjarja. Id-distakk relattiv fl-innovazzjoni mal-Isati Uniti u l-Ġappun tnaqqas, partikolarment bil-progress qawwi ta’ ħafna mill-Istati Membri l-ġodda bħal Ċipru, ir-Rumanija u l-Bulgarija. Madwar l-UE sar progress partikolari fir-riżorsi umani u d-disponibilità tal-finanzi għall-innovazzjoni. Madankollu, l-investimenti innovattivi min-negozji għadhom relattivament dgħajfa speċjalment meta mqabbla mal-Istati Uniti u l-Ġappun. Bi tkomplija ma’ dan ir-rapport, ir-Rapport tal-2008 dwar ix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Kompetittività jipprovdi analiżi aktar profonda tax-xejriet fir-riċerka u l-iżvilupp pubbliċi u privati, fir-rendiment teknoloġiku u l-progress fl-implimentazzjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. “Fi kriżi mhux il-waqt li tittieħed pawża fl-investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Dawn huma essenzjali għall-Ewropa jekk din trid toħroġ mill-kriżi ekonomika iktar b’saħħitha u biex tindirizza l-isfidi tal-bdil fil-klima u l-globalizzazzjoni. L-UE għandha ħafna assi, partikolarment żona ta’ riċerka dejjem iktar attraenti u rendiment li kontinwament jitjieb fl-innovazzjoni. Iżda għad hemm xi jsir, speċjalment fin-nuqqas ta’ investiment li relattivament jagħmlu n-negozji. L-inizjattivi tal-Kummissjoni biex titjieb l-effiċjenza tar-riċerka tal-UE, biex tiġi stimulata l-innovazzjoni u biex jiġu żviluppati swieq tat-teknoloġija avvanzata, qiegħdin iservu biex l-UE tiġi fuq it-trid it-tajba," enfasizzaw il-Viċi President Günter Verheugen, responsabbli għall-intrapriża u l-politika industrijali, u Janez Potočnik, il-Kummissarju tar-Riċerka. Ir-rapport juri li l-pajjiżi Ewropej jiffurmaw erba’ gruppi f’livelli differenti ta’ rendimenti, u li prattikament il-pajjiżi kollha tejbu r-rendiment tagħhom, għalkemm ir-rata tal-progress tvarja:L-Iżvizzera, l-Iżvezja, il-Finlandja, il-Ġermanja, id-Danimarka u r-Renju Unit huma l-mexxejja fil-qasam tal-innovazzjoni, u r-rendiment tagħhom fl-innovazzjoni jinsab ogħla sewwa mill-medja tal-UE. Minn dawn il-pajjiżi, l-Iżvizzera u l-Ġermanja qed itejbu r-rendiment tagħhom bl-aktar rata mgħaġġla. L-Awstrija, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Belġju, Franza u l-Olanda huma s-segwaċi fil-qasam tal-innovazzjoni, u r-rendiment tagħhom jinsab ogħla mill-medja tal-UE. Ir-rendiment tal-Irlanda kien qed jiżdied bl-ogħla rata f’dan il-grupp, segwita mill-Awstrija. Ċipru, l-Iżlanda, l-Estonja, is-Slovenja, ir-Repubblika Ċeka, in-Norveġja, Spanja, il-Portugall, il-Greċja u l-Italja huma l-innovaturi moderati, u r-rendiment fl-innovazzjoni tagħhom jinsab iktar baxx mill-medja tal-UE. Ix-xejra fir-rendiment fl-innovazzjoni ta’ Ċipru tinsab ogħla sew mill-medja għal dan il-grupp, u hija segwita mill-Portugall. Malta, l-Ungerija, is-Slovakkja, il-Polonja, il-Litwanja, il-Kroazja, ir-Rumanija, il-Latvja, il-Bulgarija u t-Turkija huma l-pajjiżi li qed ilaħħqu u r-rendiment fl-innovazzjoni jinsab ferm inqas mill-medja tal-UE. Ħafna minn dawn il-pajjiżi qiegħdin ilaħħqu. Il-Bulgarija u r-Rumanija kienu qed itejbu r-rendiment tagħhom bl-iktar rata mgħaġġla.Għal sommarji individwali tar-rendiment fl-innovazzjoni tas-27 Stat Membru ara l- MEMO/09/18.RENDIMENT FL-INNOVAZZJONI (INDIċI SOMMARJU TAL-INNOVAZZJONI 2008) [ ] Nota: L-Indiċi Sommarju tal-Innovazzjoni (SII – Summary Innovation Index) huwa kompost minn 29 indikatur li jifirxu minn l-aktar rendiment baxx possibbli ta’ 0 għar-rendiment massimu possibbli ta’ 1. L-Indiċi Sommarju tal-Innovazzjoni tal-2008 jirrifletti r-rendiment fl-2006/2007 minħabba invervall fid-disponibilità tad-dejta. Negħlbu d-distakk fl-innovazzjoni mal-Istati Uniti u l-ĠappunL-analiżi tad-dejta fil-livell tal-UE turi li kien hemm titjib sostanzjali kemm f’termini assoluti (meta mqabbel ma’ ħames snin ilu), u kemm meta mqabbel mal-Istati Uniti u mal-Ġappun. Tqabbil ma’ firxa iktar wiesgħa ta’ pajjiżi juri wkoll li l-UE marret relattivament tajjeb meta mqabbel mal-ekonomiji ġodda. Sar progress partikolari fir-riżorsi umani għall-innovazzjoni (gradwati, edukazzjoni terzjarja); fl-aċċess għall-broad-band u d-disponibilità tal-kapital tar-riskju. Madankollu, għad hemm dgħufijiet fl-investiment privat fejn l-UE tinsab wara l-Istati Uniti u l-Ġappun fir-riċerka u l-iżvilupp u l-infiq fl-informatika. Ukoll, minkejja s-sejbiet tar-rapport dwar l-importanza tal-innovazzjoni li mhix teknoloġika, l-infiq mill-kumpaniji tal-UE fuq dawn l-attivitajiet tal-innovazzjoni (eż. taħriġ, ippjanar, marketing, tagħmir ġdid) naqas. L-innovazzjoni bħala riċetta għall-irkupru ekonomikuL-analiżi tal-EIS hija bbażata fuq dejta minn qabel il-kriżi finanzjarja. Madankollu, dawn jenfasizzaw xejriet, punti pożittivi u punti negattivi eżistenti li jeħtieġ jitqiesu fl-indirizzar tal-kundizzjonijiet attwali. Il-progress li għamlet l-UE qabel il-kriżi finanzjarja poġġiet lill-intraprendituri Ewropej f’qagħda aħjar biex jirkupraw permezz tal-innovazzjoni. Madankollu, in-nuqqas persistenti ta’ investiment privat fl-innovazzjoni meta mqabbel mal-kompetituri ewlenin huwa punt negattiv ċar li jeħtieġ jiġi indirizzat, inkluż permezz ta’ appoġġ pubbliku msaħħaħ għal kumpaniji innovattivi bħall-Inizjattiva tas-Swieq Ewlenin (ara IP/08/12) li tkattar id-domanda fis-suq għal prodotti u servizzi ġodda. Ir-Rapport tal-Progress tal-Innovazzjoni, li ġie ppubblikat flimkien mal-EIS, jagħti aktar tagħlimiet u jippreżenta analiżi esperta indipendenti tal-iżviluppi fil-politiki nazzjonali tal-innovazzjoni u l-governanza, li tibni fuq rapporti tal-pajjiżi mħejjija minn esperti indipendenti u li huma disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-inizjattiva PRO INNO. Dan juri xejra lejn appoġġ għal kumpaniji innovattivi ġodda u strateġiji li jindirizzaw l-isfidi l-ġodda bħall-bdil fil-klima u l-produttività tar-riżorsi. Is-sejbiet tar-rapporti se jintużaw mill-Kummissjoni Ewropea biex jgħinu fl-evalwazzjoni tas-suċċess tal-politiki attwali dwar l-innovazzjoni u biex jiġu identifikati l-prijoritajiet futuri. Sfond: L-EIS kien ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija tal-Kummissjoni Ewropea, u tħejja mill-ċentru tat-taħriġ u r-riċerka Ekonomiċi u Soċjali dwar l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (UNU-MERIT) u r-Rapport dwar il-Progress fl-Innovazzjoni tħejja minn konsorzju ta’ esperti mmexxija mill-Università ta’ Ateni u l-Grupp Technopolis. Ir-rapporti sħaħ jinsabu fil-websajt: http://www.proinno-europe.eu/metricsGħal aktar informazzjoni ara l- MEMO/09/18, IP/09/92, MEMO/09/19