IP/09/218 Brussell, il-5 ta' Frar 2009Favur id-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni': l-artikoli rebbieħa tal-unuri UE għal din is-senaIl-premju tal-UE għall-ġurnalisti 'Għad-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni' ngħata llum lil artikolu Franċiż dwar plejers tal-futbol gay, f'rabta ma' artikolu Daniż dwar nisa li jikkonvertu għall-Iżlam. Artikolu Portugiż ħa t-tielet premju filwaqt li l-Premju Roma ntrebaħ minn ġurnalista Grieg. Iċ-ċerimonja tal-għoti ta' premijiet se ssir fi Praga llejla fil-Palazz Kaiserstejnsky. "Il-midja għandha rwol ewlieni fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-preġudizzji u l-isterjotipi," stqarr is-Sur Vladimír Špidla, il-Kummissarju tal-UE għall-Opportunitajiet Indaqs. "Il-valuri tad-diversità u l-koeżjoni soċjali huma wisq aktar importanti fil-kuntest attwali soċjali, ekonomiku u finanzjarju." Fiċ-ċerimonja ta' llum, il-Kummissjoni Ewropea mistennija tonora lil dawk il-ġurnalisti li permezz ta' kitbiethom, jgħinu fit-trawwim ta' għarfien aħjar tal-benefiċċji tad-diversità u li jinkuraġġixxu lill-qarrejja biex jikkunsidraw aktar mill-qrib temi dwar id-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza. Din is-sena, il-Kummissjoni qed tiddedika Premju Speċjali għal artikolu li jikkonċentra fuq kwistjonijiet tar-Roma. Pascale Krémer, ġurnalist ma' Le Monde, tirbaħ l-ewwel premju konġunt bl-artikolu tagħha “Homophobie et football. la leçon de Chooz” (L-omofobija u l-futbol – Il-lezzjoni ta' Chooz) dwar plejers gay f'tim tal-futbol lokali. Dan l-artikolu janalizza kif id-dinja kummerċjalista tal-futbol li tħalli l-qliegħ tgħin biex tipperpetwa d-diskriminazzoni kontra l-gays u l-leżbjani iżda jeżamina wkoll il-miżuri pożittivi meħuda mill-legi tal-futbol madwar l-Ewropa biex jegħlbuha. L-ewwel premju konġunt l-ieħor imur għal Ole Hall, ġurnalist mal-Morgenavisen Jyllands-Posten Daniża. L-artikolu tiegħu “Danske muslimer udsat for chikane” (Il-Musulmani Daniżi huma soġġetti għall-fastidju) jiżvela kif nisa Daniżi li jikkonvertu għall-Iżlam f'daqqa waħda jsibu rwieħhom f'minorità viżibbli ħafna fil-pajjiż tagħhom tal-oriġini minn membri ta' maġġoranza li kienu qabel. Bħala tali, dawn jiffaċċjaw l-istess preġudizzji u ostilità mis-soċjetà bħala Musulmani mwielda minn ġenituri barranin. Christiana Martins u Marisa Antunes jirbħu t-tielet post bl-artikolu tagħhom “Elite à prova de racismo” (Elite mingħajr razziżmu) dwar ċittadini Portugiżi ġejjin minn ambjent ta' minoranza li għamlu suċċess f'ħajjithom u li rebħu fuq ostakoli kulturali. Dan ġie ppubblikat fil-gazzetta Portugiża li toħroġ darba fil-ġimgħa Expresso. Il-premju Speċjali Roma jmur għand Mika Kontourousi, ġurnalist mal-Eleftheros Tipos li kiteb l-artikolu “Η Γιουζγιάν σπάει τα σύνορα της φυλής της” (Yuzyan "tkisser" il-fruntieri tat-tribù tagħha). Dan l-artikolu jiddiskrivi l-problemi li jiffaċċjaw in-nisa Roma meta jippruvaw jimxu lil hinn mir-rwoli tradizzjonali tagħhom fis-soċjetà. Iċ-ċerimonja tal-għotja ta' premijiet se tkun parti minn seminar dwar 'Il-Midja għad-Diversità', organizzat mill-Kummissjoni Ewropea. Dan is-seminar għandu jippreżenta r-riżultati ta' studju pan-Ewropew dwar prattika tajba minn u dwar il-midja fit-trattament tad-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tad-diversità. Għandu jlaqqa' flimkien aktar minn 80 professjonist tal-midja, korpi dwar l-ugwaljanza u Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi minn madwar l-Ewropa. L-iskema tal-Premju Ġurnalista hija waħda minn firxa wiesgħa ta' attivitajiet biex jitqajjem għarfien li qed isiru bħala parti mill-kampanja ta' informazzjoni tal-UE bit-tema: 'Għad-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni.' L-Istampa taż-Żgħażagħ Ewropej u l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Ewropej huma msieħba ta' din l-edizzjoni ta' Premijiet. Il-kitbiet rebbieħa tal-iskema tal-Premju Ġurnalista ntagħżlu minn 'il fuq minn 545 artikolu mis-27 Stat Membru li waslu bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Ottubru 2008. Il-membri tal-ġurija enfasizzaw il-kwalità għolja tal-artikoli li tressqu. L-erba' rebbieħa Ewropej għandhom jirċievu għoti kull wieħed għal vjaġġ ta' riċerka lejn pajjiż tal-UE tal-għażla tagħhom. Ara wkoll il-MEMO/09/51 Aktar tagħrif Il-Premju Ġurnalista 2008 http://journalistaward.stop-discrimination.infoKampanja 'Favur id-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni.' http://www.stop-discrimination.info/361.0.html Studju dwar il-Midja għad-Diversità http://www.media4diversity.eu/