IP/09/272 Brussell, is-17 ta' Frar 2009Jitnieda l-ewwel premju għall-ġurnalisti tal-UE f'ġieħ is-saħħa, parti mill-kampanja l-Ewropa għall-PazjentiIllum, il-Kummissjoni Ewropea tniedi l-ewwel premju f'ġieħ is-saħħa għall-ġurnalisti tal-UE tal-istampa u artikoli onlajn. Dan il-premju ta’ prestiġju jifforma parti importanti mill-kampanja l-Ewropa għall-Pazjenti li tnediet dan l-aħħar. Il-premju jservi bħala għarfien u promozzjoni ta’ ġurnaliżmu ta’ kwalità għolja f'ġieħ is-saħħa madwar l-Ewropa kollha. Għandu l-għan li jħeġġeġ u jikkontribwixxi lejn id-dibattitu dwar kwistjonijiet ta’ saħħa fl-UE, b'mod speċifiku dawk l-inizjattivi marbuta mal-kampanja l-Ewropa għall-pazjenti. Androulla Vassiliou, il-Kummissarju tal-UE għas-Saħħa, qalet: "Il-premju jagħraf ir-rwol kruċjali u r-responsabbiltà tal-ġurnalisti għal kif iwasslu politika u azzjonijiet tal-UE dwar is-saħħa liċ-ċittadini tal-Ewropa. L-inizjattivi adottati taħt il-kampanja l-Ewropa għall-Pazjenti - bħall-iskrinjar ta’ kanser, sigurtà tal-pazjent, donazzjoni u trapjant ta’ organi, użu ta’ antibijotiċi u kura tas-saħħa transkonfinali jaffettwawna lkoll kemm aħna u jirriflettu l-prijorità tal-Kummissjoni li tqiegħed liċ-ċittadin l-ewwel. Nittama li dan il-premju jħeġġeġ dibattitu fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew." Se jittieħed kont tal-artikoli ppubblikati fl-istampa jew pubblikazzjonijiet onlajn bejn it-2 ta’ Lulju 2008, meta ġiet adottata l-ewwel inizjattiva l-Ewropa għall-Pazjenti, u d-data ta’ għeluq tal-15 ta’ Ġunju 2009. Il-ġurnalisti huma mistiedna jibagħtu l-artikoli tagħhom permezz tal-formola onlajn fuq il-websajt l-Ewropa għall-Pazjenti. Aktar dettalji dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet jinsabu fuq il-websajt. L-għażla tar-rebbieħ se tkun proċedura fuq żewġ stadji. L-ewwel, il-ġuriji nazzjonali taħt il-presidenza tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni u magħmula minn żewġ esperti tas-saħħa u żewġ ġurnalisti jagħżlu l-finalista nazzjonali minn kull Stat Membru. It-tieni stadju jinvolvi l-għażla tar-rebbieħ, u tat-tieni u t-tielet post. Dan jaqa’ f'idejn il-ġurija tal-UE, ippresiedut mid-Direttur Ġenerali Ewropew għas-Saħħa u l-Konsumatur, is-Sur Robert Madelin. L-ismijiet tal-ġurija nazzjonali u tal-UE, meta jiġu kkonfermati, se jkunu ppubblikati fuq il-websajt l-Ewropa għall-Pazjenti.Is-27 finalista jiġu mistiedna fi Brussell fil-ħarifa tal-2009 għal seminar tal-midja dwar kwistjonijiet ta’ saħħa fl-UE u għal ċerimonja tal-għoti ta’ premjijiet ta’ prestiġju mill-Kummissarju Vassiliou. L-ewwel premju se jkun ta’ 5,000 EUR, it-tieni premju ta’ 3,000 EUR u t-tielet premju ta’ 2,000 EUR. Il-premju f'ġieħ is-saħħa għall-ġurnalisti tal-UE u l-Kampanja l-Ewropa għall-Pazjenti jieħdu l-fondi mit-Tieni Programm għas-Saħħa tal-Komunità 2008-2013. Il-premju tal-UE f'ġieħ is-saħħa huwa maħsub bħala avveniment ta’ kull sena filwaqt li l-ambitu tiegħu eventwalent se jitwessa’ biex ikopri wkoll il-medja awdjo-viżiva. Dan jiddependi mis-suċċess u t-tagħlimiet miksuba minn din l-ewwel sena. Biex tibgħat artikolu u tiskopri aktar dwar il-premju tal-UE għall-ġurnalisti f'ġieħ is-saħħa jekk jogħġbok ara l-websajt l-Ewropa għall-Pazjenti: http://ec.europa.eu/health-eu/europe_for_patients/index_en.htm It-tieni Programm ta’ Saħħa għall-Komunità 2008-2013: http://ec.europa.eu/health/ph_programme/pgm2008_2013_en.htm