IP/09/276 Brussell, it-18 ta' Frar 2009Il-hotline tal-UE 116000 għat-tfal mitlufin bdiet taħdem f’ħames Stati MembriSentejn ilu, il-Kummissjoni Ewropea rriżervat il-116000 bħala l-hotline komuni għat-tfal mitlufin (IP/07/188) għall-UE kollha kemm hi, u appellat lill-Istati Membri biex jadottawh u jimplimentawh. Filwaqt li s-sena l-oħra in-numru kien qed jaħdem biss fl-Ungerija (IP/08/1129), wara appelli ripetuti mill-Kummissjoni, illum l-Istati Membri kollha tal-UE għamlu mezz li n-numru jkun pubblikament disponibbli għall-fornituri tal-hotline. In-numru ġie assenjat ukoll lil fornituri tas-servizzi f’disa’ Stati Membri, meta mqabbla ma’ sebgħa, is-sena l-oħra. Il-116000 huwa servizz li issa jaħdem f’ħames pajjiżi (il-Greċja, l-Ungerija, l-Olanda, il-Portugall u r-Rumanija). Dalwaqt se jibda jopera wkoll f’żewġ pajjiżi oħra (il-Belġju u s-Slovakkja). Wara li ssorveljat mill-qrib il-passi li ttieħdu biex l-116000 jiġi rriservat mill-Pajjiżi tal-UE, kif meħtieġ skont il-liġi tal-UE, il-Kummissjoni għal darb’oħra tappella biex l-Istati Membri jappoġġaw u jiggwidaw operaturi potenzjali tal-hotline 116000 sabiex il-ġenituri u t-tfal ikunu jistgħu jċemplu dan in-numru meta jeħtieġuh, ikunu fejn ikunu fl-Ewropa. “Hija aħbar tajba li l-hotline għat-tfal mitlufin 116000 issa qiegħed jaħdem fil-Greċja, l-Ungerija, l-Olanda, il-Portugall u r-Rumanija. Madankollu, kont nistenna li Stati Membri oħra jieħdu approċċ aktar ambizzjuż. La hemm lok u lanqas ħin għall-kompjaċenza fejn tidħol is-sikurezza ta' uliedna," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għat-Telekomunikazzjoni. “Qiegħda nappella lill-Istati Membri biex jerfgħu ir-responsabbiltajiet tagħhom u jinfurmaw lill-fornituri tas-servizzi dwar id-disponibbiltà tan-numru 116 sabiex inkunu nistgħu nibdew inħaddmu dawn il-hotlines madwar l-UE kollha kemm hi. Lil hinn mill-obbligi legali – li se nibqa’ ninforza bis-saħħa – jeżisti obbligu morali lejn il-ġenituri u t-tfal Ewropej.” Illum, il-hotline tal-UE 116000 għat-tfal mitlufin jaħdem f’ħames pajjiżi tal-UE (il-Greċja, l-Ungerija, l-Olanda, il-Portugall u r-Rumanija). F’dawn il-pajjiżi, in-numru ġie assenjat għal fornituri tas-servizzi li jkollhom ikunu kapaċi jittrattaw it-telefonati kif xieraq, b’xejn, 24 siegħa, sebat ijiem fil-ġimgħa, madwar il-pajjiż kollu. Fl-Ungerija, mill-introduzzjoni tal-116000 ‘l hawn, kien hemm madwar 40,000 telefonata potenzjali kull xahar, li minnhom il-hotline Ungeriż, Kék Vonal jista’ jwieġeb madwar 6-7 kull xahar. Is-sena l-oħra, il-116000 wera xi jsarraf f’każ transkonfinali ta’ ħtif tat-tfal mill-ġenituri. Fil-Belġju, missier ħa l-bniet tiegħu tal-etajiet ta’ sebgħa, għaxra u erbatax-il sena u ħbihom għal disa’ xhur u nofs, f’kundizzjonijiet ta’ faqar kbir u ta’ periklu. F’Settembru 2008, wara talba mill-hotlines 116000 Belġjani u Portugiżi għat-tfal mitlufin, l-aħbarijiet ta’ filgħaxija fuq l-istazzjon tat-TV Portugiż RTP-TV fetħu b’appell għall-informazzjoni dwar dawn it-tfal mitlufin u kkonkludew billi wrew il-116000 fuq l-iskrin kollu. Ftit minuti wara x-xandira, il-każ ġie solvut. L-implimentazzjoni tal-116000 kullimkien fl-Ewropa twassal biex il-kampanji ta’ tiftix u l-kooperazzjoni internazzjonali jkunu eħfef u aktar effikaċi. Il-hotlines ikunu jistgħu jaġixxu b’mod aktar ikkoordinat sabiex jiġu solvuti l-każijiet transkonfinali fejn it-tfal jisparixxu. L-implimentazzjoni taż-żewġ numri l-oħra, il-116111 (numru biex it-tfal iċemplu għall-għajnuna) u l-116123 (linji ta' appoġġ emozzjonali), li ġew riżervati f'Ottubru 2007, ukoll miexja sew. Sittax-il Stat Membru (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Latvja, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Iżvezja u s-Slovakkja) allokaw il-11611, filwaqt li s-sena l-oħra dawn kienu jgħoddu għaxra biss. L-allokazzjoni tan-numri għaddejja f’żewġ pajjiżi (Ċipru u Spanja). Filwaqt li s-sena l-oħra l-116111 kien jaħdem biss fl-Ungerija, issa dan qed jopera f’disa’ Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja) u dalwaqt se jkun qed jopera f’ħames pajjiżi oħra (il-Greċja, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Latvja u l-Iżvezja). Il-116123, il-hotline tal-appoġġ emozzjonali, ġie assenjat lill-operaturi tal-linji tal-għajnuna f’seba’ Stati Membri (l-Awstrija, il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Irlanda, l-Olanda, l-Iżvezja, is-Slovenja). L-allokazzjoni tan-numri għaddejja f’Ċipru. Il-116123 jaħdem fl-Awstrija u dalwaqt se jibda jopera fi tliet pajjiżi oħra (il-Ġermanja, l-Iżvezja u s-Slovenja). F’Lulju li għadda, rapport tal-progress mill-Kummissjoni wera li l-Istati Membri sa issa ftit għamlu sforzi biex jinfurmaw lill-fornituri potenzjali tas-servizzi dwar in-numri 116, u appella biex jimpenjaw irwieħhom aktar (IP/08/1129).. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jħaffu l-pass billi jipprovdu lill-fornituri potenzjali tas-servizzi, li s-soltu ftit ikunu jafu dwar kwistjonijiet tat-telekomunikazzjoni, bi gwida dwar kif jingħatalhom in-numru, u jagħtuhom punt ta' kuntatt wieħed ġewwa Ministeru jew awtorità regolatorja nazzjonali. Sfond F'Lulju 2006, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tirriżerva numru komuni tat-telefown għar-rappurtar ta’ tfal mitlufin (116000) u ieħor biex it-tfal ikunu jistgħu jċemplu għall-għajnuna (116111). Dan isegwi l-adozzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (IP/06/927). Fil-15 ta' Frar 2007 u fit-30 ta' Ottubru 2007 rispettivament, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirriżerva l-116000 (IP/07/188) u l-116111 fl-Istati Membri kollha. Id-deċiżjoni torbot lill-pajjiżi tal-UE li jagħmlu pubblikament disponibbli "in-numri 116", iżda ma tobbligahomx jassenjaw in-numri lil fornitur tas-servizzi jew biex jiżguraw il-forniment tas-servizzi. Aktar tagħrif dwar il-116: http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/current/pan_european/index_en.htm