IP/09/310 Brussell, 24 ta' Frar 2009Il-Kummissjoni żżid il-flessibbiltà tal-fondi strutturali bi tweġiba għall-kriżi finanzjarjaBi tweġiba għall-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-Kummissarju tal-Politika Reġjonali, Danuta Hübner ħabbret pakkett ta' deċiżjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea li għandhom l-għan li jagħtu lill-Istati Membri aktar flessibbiltà fl-użu li jagħmlu tal-fondi strutturali. Il-bidliet se jestendu d-data tal-għeluq għall-pajjiżi tal-UE biex jużaw l-allokazzjonijiet tagħhom mill-perjodu ta' finanzjament 2000-2006 u jassiguraw li kull ewro disponibbli jkun jista' jintuża għall-effett massimu tiegħu. F'kummenti li tat dwar id-deċiżjonijiet biex tkun estiża d-data tal-għeluq għal proġetti u pagamenti b'sitt xhur sat-30 ta' Ġunju 2009, il-Kummissarju Hübner qalet: "L-isforzi kollha tagħna qed ikunu mobilizzati biex ikun assigurat li kull ewro mill-fondi strutturali jintefaq b'mod effiċjenti. Aħna qed naddattaw il-Politika ta' Koeżjoni biex tittratta r-realtajiet ekonomiċi ġodda u biex tippermetti lill-Istati Membri li jisfruttaw kemm jistgħu l-investiment tal-UE bħala rimedju eċċellenti għal kontra l-kriżi." Estiża d-data tal-għeluq għal erba' fondi strutturali Wara stedina mill-Kummissjoni, l-Istati Membri talbu estenzjoni għall-perjodu ta' eliġibbiltà għall-finanzjament għal 385 mill-555 programm tal-Politika ta' Koeżjoni tal-2000-2006, fejn il-fondi kienu għadhom ma ġewx użati kollha. Il-perjodu eliġibbli għall-estenzjoni jikkonċerna l-erba' fondi strutturali li kienu fis-seħħ dak iż-żmien: Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew ta' Gwida u Garanzija Agrikola (EAGGF) u l-Istrument Finanzjarju għal Gwida fis-Sajd (FIFG). Din il-flessibbiltà se tgħin lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jimplimentaw u jiffinalizzaw aktar proġetti. Il-Kummissjoni qed tħeġġiġhom biex jiffukaw fuq setturi u miżuri li 'jroddu lura ħafna', bħal investiment fl-effiċjenza fl-enerġija biex jinħolqu impjiegi li jirrispettaw l-ambjent u tkun iffrankata l-enerġija, u appoġġ għal teknoloġiji nodfa biex jingħataw spinta setturi bħall-industriji tal-kostruzzjoni u tal-karozzi. Flessibbiltà ħames darbiet aktar Il-Kummissjoni adottat ukoll miżura biex tagħti lill-Istati Membri u lir-reġjuni aktar flessibbiltà fl-allokazzjoni ta' finanzjament għal prijoritajiet differenti. Sa issa, l-awtoritajiet amministrattivi kellhom marġini ta' 2 % ta' flessibbiltà jekk ikunu jridu jittrasferixxu l-finanzjament bejn dawk li jissejħu 'assi ta' prijorità' li jiddefinixxu l-oqsma strateġiċi ta' nfiq ta' kull programm operattiv tal-Politika ta' Koeżjoni. "Il-qagħda li ninsabu fiha bħalissa hija differenti mill-ambjent ekonomiku fis-sena 2000, meta kienu miftiehma l-prijoritajiet. B'għarfien għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-Istati Membri, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżid b'ħames darbiet aktar il-flessibbiltà bejn il-prijoritajiet, minn 2 sa 10 %. Dan se jgħin lill-Istati Membri biex jimmiraw il-finanzjament li baqa' fejn l-impatt huwa l-akbar," ikkummentat il-Kummissarju Hübner. Nota għall-edituri Il-Kummissjoni qed teżamina l-possibbiltajiet kollha biex iżżid u tħaffef l-investiment tal-Komunità u biex tiffaċilita t-trasferimenti finanzjarji lill-Istati Membri u. bħala konsegwenza, lill-benefiċjarji finali tal-fondi strutturali. F'dan il-kuntest, kienu adottati jew jinsabu biex ikunu adottati għadd ta' proposti leġiżlattivi u miżuri mhux leġiżlattivi li jikkonċernaw kemm il-perjodu ta' programmazzjoni ta' qabel u dak attwali (2007-2013) (ara MEMO/08/740). Il-finanzjament totali allokat lill-Istati Membri fil-perjodu baġitarju 2000-2006 kien ta' EUR 257 biljun. Sa issa, tħallsu EUR 225 biljun – 87.5 % tat-total. L-Istati Membri issa jistgħu jagħmlu ħlasijiet għal dan il-perjodu sat-30 ta' Ġunju 2009. Id-data tal-għeluq għall-ħlasijiet tal-Fond ta' Koeżjoni mill-perjodu 2000-2006 hija fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-aħħar tal-2010. http://ec.europa.eu/regional_policy/funds/recovery/