IP/09/341 Brussell, 3 ta' Marzu 2009L-UE tniedi kampanja biex titratta d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisaIl-Kummissjoni Ewropea llum nediet kampanja mal-UE kollha ħalli tgħin biex jiġu ttrattati d-differenzi fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa. Fl-ekonomija kollha tal-UE, in-nisa jaqilgħu medja ta’ 17.4 % inqas mill-irġiel. Il-kunċett faċli ta’ ‘pagi l-istess għal xogħol tal-istess valur’ qiegħed fil-qalba tal-kampanja li qed titnieda fil-kuntest tal-Jum Internazzjonali tan-Nisa fit-8 ta' Marzu biex titqajjem kuxjenza dwar id-differenza fil-pagi, x'qed jikkawża dan u kif tista' tiġi ttrattata. “Id-differenza fil-pagi ġejja minn diversi kawżi u teħtieġ ħafna soluzzjonijiet. Biex tiġi ttrattata teħtieġ azzjoni fil-livelli kollha u impenn minn kull min huwa involut, minn dawk li jimpjegaw in-nies u t-trejdjunjins sal-awtoritajiet u kull ċittadin. Il-kampanja tagħna se twassal biex in-nies ikunu iktar konxji dwar għaliex in-nisa fl-Ewropa għadhom jaqilgħu daqshekk inqas mill-irġiel u dwar x’nistgħu nagħmlu dwar dan” qal il-Kummissarju għall-Opportunitajiet Ugwali tal-UE, Vladimír Špidla. “Fil-klima ekonomika tal-lum, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija iktar importanti minn qatt qabel. Huwa biss bis-saħħa tal-ġbir tal-potenzjal tat-talenti kollha tagħna li nistgħu niffaċċjaw din il-kriżi" żied jgħid. Ħlas indaqs għall-istess xogħol huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Stabbilit fit-Trattat ta’ Ruma fl-1957, diġa' kien is-suġġett ta’ direttiva li ħarġet fl-1975 li tipprojbixxi kull diskriminazzjoni fl-aspetti kollha tal-pagi bejn l-irġiel u n-nisa għall-istess xogħol jew għal xogħol tal-istess valur. B’riżultat ta’ dan, il-każijiet ta' diskriminazzjoni diretta ”sempliċi u viżibbli” – differenzi fil-pagi meta mara u raġel qegħdin jagħmlu l-istess xogħol, bl-istess esperjenza u ħiliet, u l-istess prestazzjoni – naqsu ħafna grazzi għall-effettività tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea dwar pagi ugwali. Iżda allura għaliex għad hemm differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa ta' 17.4 % madwar l-UE? Id-differenza fil-pagi bejn is-sessi tirrappreżenta d-differenza bejn il-pagi medji fis-siegħa għan-nisa u l-irġiel qabel it-taxxa madwar l-ekonomija kollha. Hija tirrifletti d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza li għaddejja fis-suq tax-xogħol li, fil-prattika, taffettwa l-iktar lin-nisa. Per eżempju, ix-xogħol tan-nisa għadu jidher bħala ta' valur inqas minn dak li jagħmlu l-irġiel u ħafna drabi n-nisa jaħdmu f’setturi fejn il-pagi huma, fuq medja inqas minn dawk iddominati mill-irġiel, pereżempju f’supermarket, il-kaxxiera nisa normalment jaqilgħu inqas mill-irġiel li jaħdmu fil-maħżen. Id-differenza fil-pagi tnaqqas il-qligħ u l-pensjoni ta’ mara matul ħajjitha u hija l-kawża tal-faqar iktar tard fil-ħajja. 21% tan-nisa ta’ età ta’ 65 u iktar huma fir-riskju tal-faqar meta mqabbel ma’ 16% tal-irġiel. Il-kampanja timmira li tqajjem kuxjenza dwar id-differenza fil-pagi u kif din tista’ tiġi ttrattata. Sabiex jintlaħqu ċ-ċittadini, l-impjegati u l-ħaddiema, il-kampanja għandha tippromwovi prattiki tajba dwar id-differenza fil-pagi minn madwar l-Ewropa u tiddistribwixxi l-għodda għall-kampanja lil dawk li jħaddmu u t-trejdjunjins fil-livell Ewropew u fil-livell nazzjonali. Attivitajiet oħra jinkludu l-websajt tal-kampanja, ir-riklamar fl-istampa Ewropea u kampanja bil-powsters. Dan huwa segwitu għall-komunikazzjoni tal-politika tal-Kummissjoni tal-2007 dwar id-differenzi fil-pagi, li analizzat il-kawżi tad-differenza u identifikat x’azzjonijiet għandhom jittieħdu fil-livell tal-UE. Il-Komunikazzjoni enfasizzat il-ħtieġa li titqajjem kuxjenza dwar id-differenza fil-pagi u dwar kif din tista’ tiġi ttrattata permezz ta’ aġir fil-livelli kollha, billi jiġu involuti l-partijiet kollha interessati u jkun hemm fokus fuq il-fatturi kollha li jikkontribwixxu għal din. Rapport annwali dwar l-ugwaljanza Ir-rapport tal-2009 dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa – ppreżentat ukoll mill-Kummissjoni Ewropea llum – jikkonferma li minkejja li sar xi progress fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, għad hemm differenzi sinifikanti f’diversi oqsma. Filwaqt li r-rata ta’ impiegi tan-nisa ilha tiela’ b’mod kostanti matul is-snin (issa qiegħda 58.3 % għan-nisa kontra s-72.5 % għall-irġiel), in-nisa għadhom jaħdmu part-time iktar mill-irġiel (31.2 % għan-nisa u 7.7 % għall-irġiel) u dawn jippredominaw f’setturi fejn il-pagi huma inqas (iktar minn 40 % tan-nisa jaħdmu fis-saħħa, l-edukazzjoni u l-amministrazzjoni pubblika – darbtejn aktar mill-irġiel f’dawn is-setturi). Madankollu, in-nisa jirrapreżentaw 59 % tal-gradwati ġodda kollha mill-università. In-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet Sadanittant, rapport ġdid mill-esperti mħejji għall-Kummissjoni jikkonferma li n-nisa huma wkoll għandhom rappreżentazzjoni ferm nieqsa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi u fil-politika Ewropea. Il-banek ċentrali tas-27 Stat Membru tal-UE huma mmexxija minn gvernatur raġel. In-nuqqas ta’ nisa f’karigi għolja jidher iktar fl-intrapriżi l-kbar fejn l-irġiel jgħoddu għal kważi 90 % tal-membri tal-bord f’kumpaniji ewlenin (kostitwenti tal-indiċi blue-chip f’kull pajjiż), ċifra li bilkemm tjiebet fis-snin riċenti. Il-proporzjon ta’ membri nisa ta’ parlamenti nazzjonali (kamra tad-deputati) żdied b’madwar nofs f’dawn l-aħħar għaxar snin, minn 16 % fl-1997 għal 24 % fl-2008. Il-Parlament Ewropew qiegħed biss ftit ogħla minn din iċ-ċifra (31 % nisa). Bħala medja, l-irġiel jgħaddu lin-nisa fost ministri fi gvernijiet nazzjonali b’madwar tliet irġiel għal kull mara (25 % nisa, 75 % rġiel). MEMO/09/91 Għal aktar tagħrif: Websajt tal-kampanja dwar id-differenzi fil-pagi http://ec.europa.eu/equalpay Rapport annwali tal-2009 dwar l-ugwaljanza bejn n-nisa u l-irġiel : http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=418&langId=en In-Nisa fil-Politika Ewropea – iż-żmien għall-azzjoni http://ec.europa.eu/employment_social/publications/booklets/equality/pdf/ke8109543_en.pdfStqarrijiet tal-Aħbarijiet fuq Vidjo dwar id-differenzi fil-pagi bejn is-sessi u n-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet http://www.tvlink.org