IP/09/344 Brussell, it-3 ta’ Marzu 2009Ħames kumpaniji ewlenin ta’ teknoloġija avvanzata jimpenjaw ruħhom li jippromwovu aktar "Cyberellas"Fil-kriżi finanzjarja globali tal-lum, l-impjiegi fis-setturi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) bħat-telekomunikazzjoni u l-internet huma għejun affidabbli ta’ tkabbir u ta’ importanza kruċjali biex l-ekonomija tirkupra. Madankollu, il-kompetittività tal-UE tiddependi fuq li tattira u żżomm ħaddiema tas-sengħa, speċjalment fis-settur tat-teknoloġija avvanzata, inklużi n-nisa. Minkejja li sal-2010, fl-UE huwa mistenni nuqqas ta’ madwar 300 000 inġinier kwalifikat, inqas minn 1 għal kull 5 xjenzati tal-kompjuter huma nisa. Il-Kummissjoni Ewropea rrispondiet fl-2007 billi lill-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni u tal-internet ħeġġithom biex jattiraw aktar "cyberellas" – nisa kwalifikati fl-ICT. B’riżultat ta’ dan, ħames kumpaniji ewlenin tal-ICT illum se jiffirmaw Kodiċi tal-Aqwa Prattiki għan-Nisa u l-ICT. Qed jimpenjaw ruħhom li jqawwu ħidmiethom biex l-impjiegi teknoloġiċi jagħmluhom aktar attraenti għan-nisa u jippromwovu l-potenzjal femminili fis-settur tal-ICT u jużawh aħjar."L-iffirmar ta’ dan il-Kodiċi tal-Aqwa Prattiki huwa l-ewwel pass biex l-impjiegi fit-teknoloġija avvanzata jsiru aktar attraenti għat-tfajliet u biex jiżdiedu n-nisa fis-settur tal-ICT. Nifraħ lil dawk il-kumpaniji li llum għandhom il-kuraġġ u l-konvinzjoni li jimpenjaw ruħhom għal dan il-Kodiċi, li għandu jgħani lis-settur tal-ICT billi jagħmluh aktar attraenti għan-nisa,” qalet il-Kummissarju għat-Telekomunikazzjoni tal-UE, Viviane Reding. "Madankollu, dan is-settur tal-ICT għadu biss fil-bidu li jirrealizza l-iskala tal-kwistjoni u kemm huwa importanti li jħajru n-nisa, u li jxejnu n-nuqqas tas-sengħa li qed niffaċċjaw fl-Ewropa. Is-settur tal-ICT fil-Belġju bħalissa għandu nuqqas ta’ 10 100 ħaddiem kwalifikati fl-IT, fil-Polonja 18 300, fl-Italja 2 800, fi Franza 4 300, fi Spanja 41 800 u fil-Ġermanja saħansitra 87 800! Qed nistieden lil kumpaniji oħrajn tal-ICT biex isegwu dan l-eżempju u jiffirmaw il-Kodiċi għan-Nisa u l-ICT sa tmiem din is-sena." Il-Kummissarju Reding, illum assistiet għall-iffirmar tal-Kodiċi tal-Aqwa Prattiki għan-Nisa u l-ICT minn ħames kumpaniji Ewropej u multinazzjonali: ALCATEL-LUCENT, IMEC, ORANGE-FRANCE TELECOM GROUP, MICROSOFT u MOTOROLA. Dan huwa riżultat ta’ taħditiet fl-industrija li nediethom il-Kummissarju Reding fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa tal-2008 (IP/08/392). Il-Kodiċi għandu l-għan li jattira tfajlliet fil-livell tal-iskola jew l-università għas-settur tat-teknoloġija avvanzata flimkien ma’ li jżomm u jippromwovi nisa li diġà jaħdmu f’dan is-settur billi jistabbilixxi:Laboratorji għat-Tfajliet jew Klabbs tal-Kompjuter għat-Tfajliet fejn it-tfajliet jistgħu jiksbu iktar kunfidenza fl-użu tal-ICT billi joħolqu websajts, jimmiksjaw il-mużika jew jiddisinjaw rivisti onlajn. Il-firmatorji tal-Kodiċi IMEC, Motorola, Orange u Microsoft diġà qed iħaddmu attwalment Laboratorji għat-Teknoloġija u għat-Tfajliet jew kampijiet teknoloġiċi matul is-sajf. Klabbs bħal dawn jeżistu wkoll fir-Renju Unit, u l-Ġermanja Programmi ta’ mentoring matul il-liv tal-maternità li lil nisa li jkunu qed jieħdu liv parentali jgħinuhom jibqgħu aġġornati mal-iżviluppi teknoloġiċi l-iżjed riċenti, per eżempju bħal li qed toffri il-Motorola. Għajnuna prattika fil-bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol. Kumpaniji bħall-IMEC diġà qed joffru sigħat tax-xogħol flessibbli u ħidma mid-dar. Fora u netwerks tal-ICT għan-nisa li joffru appoġġ fi tfittix għal impjieg, flimkien ma’ pariri u mentoring relatati. Alcatel Lucent qed tippromwovi appoġġ fil-karriera għal nisa b’potenzjal għoli biex ikunu jistgħu javvanzawhom malajr fil-karriera. Microsoft u Motorola wkoll implimentaw kompletament programmi ta’ tmexxija għan-nisa. Miri għar-rekrutaġġ u l-promozzjoni ta’ professjonisti tal-ICT femminili fil-livelli kolllha u monitoraġġ tal-ilħiq ta’ dawn il-miri. Orange, firmatorju tal-Kodiċi, qed ikattar ir-rekrutaġġ tan-nisa billi jżomm il-proċess miftuħ sakemm tal-anqas mara waħda tkun applikat. Il-Kummissjoni Ewropea se tissorvellja bir-reqqa l-implimentazzjoni ta’ dan il-Kodiċi u se tivvalutah fi żmien sena. "Prattiki tajbin bħal dawn jeħtieġ li magħhom ikollhom miri sodi. Mezz prattiku biex dan isir huwa li titkattar ir-rappreżentazzjoni ta’ nisa fil-Bordijiet tal-kumpaniji tal-ICT", qalet il-Kummissarju Reding. "Illum 7 % biss mill-membri tal-bordijiet fil-116 kumpanija ewlenija tal-ICT huma nisa. Ejja mela nistabbilixxu mira għalina li nirdoppjawha sal-2015." Sfond: Biex tkabbar il-kuxjenza tal-potenzjal femminili Ewropew għall-ICT, fl-2007, il-Kummissarju Reding nediet “L-Inizjattiva tal-Osservazzjoni fix-xogħol” ("Shadowing Initiative") (IP/07/305) li illum qed tiġi organizzata kull sena. F’Ġurnata ta’ Osservazzjoni, tfajliet żagħżagħ jakkumpanjaw mara li rnexxiet f’settur tal-ICT (tal-inġinerija, l-eżekuttiv jew il-politika) matul ġurnata tipika ta’ xogħol, jiltaqgħu ma’ esperti fl-ICT irġiel u nisa u jduqu l-esperjenza li jista’ jkollhom jekk jaħdmu fis-settur tal-ICT. Fl-2008, iktar minn 100 tfajla ħadet sehem f’din l-inizjattiva ta’ osservazzjoni (IP/08/392). F’Ottubru 2008, fil-Laqgħa Globali tal-Forum tan-Nisa għall-Ekonomija u s-Soċjetà f’Deauville, il-Kummissarju Reding iltaqgħet ma’ mexxejja oħrajn femminili mill-industrija u l-politika u ħeġġet aktar nisa biex jiksbu s-sengħa tal-ICT ('Cyberellas', MEMO/08/631).Illum, l-iffirmar tal-Kodiċi tal-Aqwa Prattiki għan-Nisa u l-ICT kien akkumpanjat bil-konferenza “Cyberellas are IT" fi Brussell fejn il-Kummissarju Reding ippreżentat vidjo qasir dwar l-eżerċizzju ta’ osservazzjoni li seħħ f’Lyon f’Novembru 2008. Il-vidjo “L-ICT eċċitanti” ("ICT is wicked") se jitqassam fl-iskejjel madwar l-Ewropa u jinstab onlajn f’: http://212.68.215.195/europa/shadowingday09.wmvAktar tagħrif jista’ jinkiseb fuq www.ec.europa.eu/itgirls