IP/09/348 Brussell, il-4 ta' Marzu 2009Ippubblikat ir-Rapport Ġenerali dwar l-attività tal-Unjoni Ewropea fl-2008Il-Kummissjoni ppubblikat ir-Rapport Ġenerali dwar l-attività tal-Unjoni Ewropea, iddedikat għall-ħajja tal-Unjoni Ewropea matul l-2008. Fost il-fatti li kkaratterizzaw dawn it-tnax-il xahar, il-kriżi finanzjarja internazzjonali, it-tibdil fil-klima u għadd ta' kunflitti internazzjonali kienu fil-mira ta' reazzjoni Ewropea, veloċi u effiċjenti, li poġġiet lill-Unjoni Ewropea fl-ewwel filliera tax-xena politika dinjija. Il-proċess ta' ratifika tat-Trattat ta' Liżbona, li xxekkel wara r-rebħa tal-"le" fir-referendum fl-Irlanda li sar fir-Rebbiegħa u tnieda mill-ġdid waqt il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru, kien l-avveniment istituzzjonali tas-sena. Fl-okkażjoni tal-pubblikazzjon tar-Rapport Ġenerali 2008, il-President Barroso rrimarka "li wara ħamsin sena ta' ħajja, l-istituzzjonijiet Ewropej taw prova tal-ħila tagħhom li jirreaġixxu bil-ħeffa quddiem l-isfidi dinjija u xhieda ta' dan kienet l-2008. Filwaqt li din is-sena qed tfakkar l-għaxar snin tagħha, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja wkoll tat xhieda tal-protezzjoni li jfisser l-euro fil-konfront ta' kriżi finanzjarja ta' livell dinji". Ir-Rapport Ġenerali jkopri l-ħidmiet tal-istituzzjonijiet u l-organi kollha tal-Unjoni u għandu l-għan li joffri stampa globali tal-fatti notevoli, u x-xejriet ewlenin li kkaratterizzaw il-ħajja tal-UE fl-2008. Is-sena 2008 kienet sena mimlija sfidi importanti, li għalihom l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kellhom reazzjonijiet komuni. L-Unjoni Ewropea ħadet ir-rwol ta' tmexxija biex titnieda riforma reali u sħiħa tas-sistema finanzjarja internazzjonali. Sabiex jittaffa l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomiji tal-Ewropa ġew adottati miżuri urġenti biex jiġu kkoordinati r-reazzjonijiet Ewropej għal din il-kriżi globali. Il-pjan Ewropew għall-irkupru ekonomiku, li jipprevedi miżuri fuq perjodu ta' żmien qasir li jistimulaw id-domanda, għandu l-għan biex b'dan il-mod iħares l-impjiegi u biex jgħin ħalli terġa tkun tista' tinkiseb il-fiduċja. Barra minn dan jipprevedi miżuri immirati u temporanji għal irkupru baġitarju ta' EUR 200 biljun, jiġifieri 1.5% tal-prodott gross domestiku (PGD) tal-Unjoni. L-Istituzzjonijiet, barra min dan, impenjaw ruħhom bis-sħiħ fl-2008 dwar il-kwistjoni l-oħra l-kbira tas-sena: it-tfassil ta' politika Ewropea tal-enerġija li tkun tieħu f'kunsiderazzjoni t-tibdil fil-klima. Filfatt, waqt il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru ntlaħaq qbil dwar il-pakkett ambizzjuż ta' miżuri dwar l-enerġija u l-klima, bil-ħsieb li l-Unjoni tingħata l-mezzi biex tnaqqas b'mill-anqas 20 fil-mija l-emissjonijiet tal-gass bl-effett tas-serra, u biex minn issa sal-2020 is-sehem tal-enerġija li tiġġedded fil-konsum kollu tal-enerġija jitla' għal 20 fil-mija. Żvilupp ieħor importanti fl-2008 kien it-tmexxija tal-proċess ta' ratifika tat-Trattat ta' Liżbona. Fl-uniku Stat li rrikorra għar-referendum, l-Irlanda, kien hemm vot negattiv ta' 53.4% fit-12 ta' Ġunju. Minkejja dan, instabet soluzzjoni: l-Unjoni se tikkjarifika permezz ta' dikjarazzjonijiet jorbtu legalment l-aspetti fit-Trattat li minnhom joriġinaw il-preokkupazzjonijiet li dehru fl-Irlanda, fejn se jsir referendum ieħor matul l-2009 u qabel it-tmiem tal-Kummissjoni attwali. Il-politika barranija kellha post importanti fix-xena Ewropea fl-2008, mill-proġett ta' Unjoni għall-Mediterran, sas-sħubija Orjentali mal-pajjiżi tal-Ewropea tal-Lvant u l-iżvilupp ta' "sinerġija tal-Baħar l-Iswed". Barra minn dan, ir-riżoluzzjoni tal-konflitt miftuħ li ħakem lill-Ġeorġja u l-problema tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija saru prijoritajiet għall-Unjoni. B'tul ta' madwar 250 paġna, id-dettalji tar-Rapport dwar l-oqsma ta' attività huma elaborati skont l-erba' għanijiet strateġiċi ddefiniti mill-Kummissjoni fil-bidu tal-mandat tagħha: il-prosperità, is-solidarjetà, is-sigurtà u r-rwol tal-Unjoni bħala msieħba dinjija. Tliet kapitli oħra huma, barra minn dan, iddedikati rispettivament għall-ħajja tal-istituzzjonijiet u tal-korpi, għall-baġit u għall-attivitajiet finanzjarji kif ukoll għall-qafas politiku u ekonomiku ġenerali tal-attivitajiet komunitarji. Dan tal-aħħar jenfasizza, fost affarijiet oħra, il-progress li sar fl-2008 f'oqsma, daqstant ieħor fundamentali, li huma l-ħidma għal regolamentazzjoni aħjar u t-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi kbar fuq l-impriżi. Ir-Rapport Ġenerali, ippubblikat fit-22 lingwa uffiċjai tal-Unjoni, huwa aċċessibbli fuq l-internet permezz tas-server Europa: http://europa.eu/generalreport/fr/welcome.htm. Dalwaqt għandu jkun disponibbli fid-diversi uffiċċji tal-bejgħ tal-pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.