IP/09/371 Brussel, l-10 ta' Marzu 2009Rapport tal-Kummissjoni: il-problema dinjija tad-drogi, għaxar snin waraI-Kummissjoni Ewropea llum nediet rapport dwar is-swieq tad-droga illegali fid-dinja sa mill-1998. Ir-rapport juri li matul l-aħħar għaxar snin ġew żviluppati linji ta' politika dwar id-drogi fid-dinja kollha, speċjalment fuq livell nazzjonali, hekk kif żdiedu l-isforzi biex jiġu megħjuna persuni ddrogati u ġew adottati linji ta' politika aktar ħarxa kontra t-traffikanti tad-droga. Iżda fir-realta’x’inhu r-riżultat ta’ dan kollu? L-istudju li dwaru hu bbażat ir-rapport ma skopra l-ebda evidenza li l-problema globali tad-droga naqset matul il-perjodu mill-1998 sal-2007. Kollox ma’ kollox is-sitwazzjoni tjiebet xi ftit f’uħud mill-pajjiżi aktar sinjuri, filwaqt li f’oħrajn ħżienet, u għal uħud minnhom marret għall-agħar b’mod sostanzjali, u fosthom hemm ftit pajjiż żviluppati jew pajjiżi tranżitorji. Fi kliem ieħor, il-problema tad-droga fid-dinja tidher li bejn wieħed u ieħor baqgħet l-istess bħal fl-1998: jekk xejn, is-sitwazzjoni saret iktar ikkumplikata: il-prezzijiet tad-drogi f’bosta pajjiżi tal-Punent roħsu minn dawk tal-1998 b’madwar 10% sa 30%, minkejja sentenzi aktar ħorox lill-bejjiegħa ta’ eż. Il-kokajina u l-erojina f’uħud minn dawn is-swieq. Fl-istess ħin, ma hemm l-ebda evidenza li sar aktar diffiċli biex wieħed jiksed id-drogi. L-użu tal-Kannabis sar parti "normali" mill-ħajja taż-żagħżagħ f’bosta pajjiżi tal-Punent, b’min tal-inqas 50% tan-nies li twieldu wara l-1980 ppruvawha. Madanakollu l-maġġoranza tagħhom ma jibqgħux jiħduha wara li jsiru adulti. L-istudju jiżvela wkoll li linji ta' politika speċifiċi kontra l-produzzjoni tad-droga jista’ jaffettwa ż-żoni fejn il-drogi jiġu prodotti. Pereżempju, fl-aħħar għaxar snin parti mill-produzzjoni tal-kokaina marret mill-Peru u l-Bolivja lejn il-Kolumbja. Il-pubblikazzjoni tar-rapport qed taħbat mal-Laqgħa ta’ Livell Għoli li qed issir fi Vjenna din il-ġimgħa bħala parti mis-sessjoni annwali tal-Kummissjoni tan-NU dwar id-Drogi Narkotiċi (KDN). Ministri minn madwar id-dinja kollha ser jiffinalizzaw perjodu ta’ riflessjoni dwar l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Politika tal-problema tad-drogi fid-dinja adottata mill-għoxrin Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (SSAĠNU) dwar id-drogi fl-1998. (Dikjarazzjoni bil-għan li tnaqqas b’mod sinifikanti l-problema globali tad-drogi illegali sal-2008 permezz ta’ kooperazzjoni u miżuri internazzjonali fil-qasam tat-tnaqqis fid-domanda u l-provvista tad-droga). Din il-ġimgħa għandha tiġi adottata Dikjarazzjoni Politika ġdida għall-perjodu 2009-2019 fuq il-bażi ta’ dik il-valutazzjoni. Il-Viċi-President Jacques Barrot, il-Kummissarju responsabbli għal-Libertà, il-Ġustizzja u s-Sigurtà ddikjara: "Ma nistgħux nillimitaw irwieħna fi Vjenna biex nikkwantifikaw l-għanijiet. Issa rridu nfittxu kif insolvu l-fenomenu tad-droga fid-dinja, ibbażat fuq evidenza fattwali" L-istudju pprova jagħti stima realistika tad-daqs totali tas-suq tad-drogi illegali f’terminu tad-dħul annwali li kien iġġenerat. Ir-riżultat jiżvela li dawn l-estimi ġenerali huma ferm diffiċli li jsiru, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ dejta ta’ min jorbot fuqha dwar il-produzzjoni, il-konsum u l-kummerċ tad-droga fil-parti l-kbira tad-dinja. Minkejja dan, l-istudju żviluppa stimi, pereżempju għas-swieq tal-kannabis, il-kokaina u l-eroina għall-Ewropa tal-Punent, l-Istati Uniti u l-Oċeanja. L-aħjar stima (2005) għad-dħul totali f’dawn it-tliet reġjuni għall-kannabis hu ta’ kważi EUR 70 Biljun, li hu madwar nofs l-istima tal-UNODC ta’ madwar EUR 125 Biljun. Konklużjoni importanti hi l-fatt li l-linji ta' politika biex tonqos il-ħsara, li għadhom kontroversjali f’uħud milll-pajjiżi, qed jiżdiedu f’għadd dejjem jikber ta’ pajjiżi oħrajn li jarawhom bħala mod effettiv biex jitnaqqas il-mard konness mad-droga, id-diżordni soċjali u l-imwiet. Ir-rapport joffri wkoll informazzjoni dwar il-prinċipji ekonomiċi tas-suq globali tad-drogi illegali, b’estimi tal-ispejjeż tal-produzzjoni u tal-valur miżjud matul il-kors tat-traffikar mill-produzzjoni inizzjali għall-bejgħ finali bl-imnut. Id-distribuzzjoni tad-dħul fost dawk involuti fil-kummerċ tad-droga hu analizzat u jiżvela stampa li, b'mod sorprendenti, xejn ma hi notevoli, b’minoranza relattivament żgħira biss li hi maħsuba li qed taqla' għadd sinifikattiv ta’ flus. Fl-aħħarnett, konklużjoni ewlenija tal-istudju hi li dan juri dgħjufija fis-sistema internazzjonali għall-ġbir tad-dejta u l-informazzjoni dwar il-problema tad-droga fid-dinja. Fejn l-UE kienet investiet ammont kbir ta’ flus biex jittejbu aktar l-attivitajiet ta’ sorveljanza tad-droga permezz taċ-Ċentru Ewropew ta’ Sorveljanza għad-Drogi u għall-Vizzju tad-Droga (ĊESDVD), dawn il-mekkaniżmi ta’ informazzjoni ma jistgħux jintlaħqu b’mod realistiku fuq livell dinji. Ir-rapport tal-istudju ser ikun disponibbli għall-parteċipanti tal-Laqgħa ta’ Livell Għoli tal-KDN u ser jiġi ppreżentat nhar it-Tlieta 10 ta’ Marzu fis-2 pm, mis-Sur-Lars-Erik Lundin ( Kap tad-Delegazzjoni tal-UE fi Vjenna) u Carel Edwards (Kap tal-Unità tal-Politika Kontra d-Drogi, DĠ JLS), waqt konferenza stampa mid-Delegazzjoni tal-UE fi Vjenna ospitata f’Argentinierstrasse 26/kantuniera ma’ Taubstummengasse, Sala Mezzanine, A-1040 Vjenna (Metro U1, ħruġ Taubstummengasse).. Persuna ta’ kuntatt : Anne-Marie Huber +43.1.51618329 jew + 43.699.1966579. Ir-rapport jinsab fi: http://ec.europa.eu/justice_home/doc_centre/drugs/doc_drugs_intro_en.htm