IP/09/405 Brussell, 16 ta’ Marzu 2009Lejn Master's tal-UE iktar wiesgħa fit-traduzzjoniIl-ħolqien tan-netwerk tal-Master's Ewropew fit-Traduzzjoni (EMT) se jkun it-tema ċentrali ta' konferenza internazzjonali organizzata mill-Kummissjoni Ewropea fi Brussel fis-16 u 17 ta' Marzu 2009, fejn aktar minn 100 università u partijiet oħra interessati involuti fit-taħriġ tat-tradutturi se jingħaqdu flimkien biex jaslu għal qbil dwar il-kriterji għall-programmi ta' taħriġ li għandhom isiru parti minn tikketta komuni ta' kwalità EMT. Il-Kummissjoni Ewropea qed tistieden lill-universitajiet li jħarrġu tradutturi professjonali biex jissieħbu f'netwerk Ewropew ta' programmi ta' taħriġ ta' kwalità għolja. "Kurrikula ta' kwalità għolja u attraenti provduta mill-universitajiet fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi jikkontribwixxu għal provvista sigura ta' professjonisti ta' ħila mhux biss għall-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet tal-UE, iżda għas-swieq kollha tat-traduzzjoni," stqarr Leonard Orban, il-Kummissarju Ewropew għall-Multilingwiżmu. Il-Master's Ewropew fit-Traduzzjoni (EMT) għandu jsir punt ta' referenza ta' kwalità għat-taħriġ tat-traduttur li jikkonsisti f'sett ta' kompetenzi li għandhom ikunu akkwistati fil-grad ta' Master's fit-traduzzjoni. L-iskema tnediet fl-2005 bl-inizjattiva tad-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, u ġiet żviluppata f'kooperazzjoni mill-qrib ma' esperti rikonoxxuti fil-professjoni tat-traduzzjoni mid-dinja akkademika. L-ewwel żewġ konferenzi, organizzati f'Ottubru 2006 u f'Marzu 2008, stabbilixxew il-bażi għall-kooperazzjoni billi pproponew sett ta' kompetenzi ewlenin standard fil-kurrukulu tal-istudju tat-traduzzjoni. Il-kompetenzi standard jistgħu jiġu introdotti minn xi università li tipprovdi taħriġ għat-tradutturi u li tixtieq jipparteċipa fin-netwerk EMT. Il-Kummissjoni tagħti l-parir, iżda r-responsabbiltà għat-taħriġ tat-tradutturi tiddependi esklussivament mill-universitajiet. It-twaqqif tan-netwerk se jkun il-qofol tal-erba' snin żvilupp tal-iskema EMT, mibdija mill-Kummissjoni tad-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni. Meta jiġi mwaqqaf, in-netwerk se jgħin biex jiġi 'l quddiem l-iskambju tal-aħjar prattika bejn l-universitajiet parteċipanti u, finalment, isaħħaħ l-istandards tat-tagħlim, il-professjonaliżmu tat-tradutturi futuri, u l-ħolqien ta' suq verament Ewropew għal tradutturi ta' ħila. Tħabbira riċenti[1] mill-Kummissjoni dwar in-nuqqas potenzjali ta' tradutturi f'xi lingwi tikkonferma l-ħtieġa għal provvista stabbli ta' professjonisti minn istituti ta' taħriġ fit-traduzzjoni. Il-konferenza EMT tal-2009 se tiffoka speċifikament fuq:kompetenzi ewlenin meħtieġa għat-tradutturi futuri; taħriġ universitarju u l-possibbiltà tal-impjieg sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet fil-pajjiżi differenti; il-kriterji għad-dħul fin-netwerk EMT; il-vantaġġi u r-responsabbiltajiet tal-membri u l-applikanti tan-netwerk; il-ħidma u l-organizzazzjoni futuri tan-netwerk.L-attendenza fil-konferenza hija biss bi stedina, imma l-avveniment se jiġi mxandar b'mod dirett permezz tal-internet fl-indirizz mogħti hawn taħt, inklużi r-risposti mogħtija għall-mistoqsijiet mibgħuta mit-telespettaturi: http://ec.europa.eu/dgs/translation/external_relations/universities/emt_conference2009_en.htmL-universitajiet li huma interessati li jissieħbu fin-netwerk EMT se jkollhom żmien sat-30 ta' April 2009 biex jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom. Għal aktar tagħrif: Konferenza EMT 2009: http://ec.europa.eu/dgs/translation/external_relations/universities/emt_conference2009_en.htm Sejħa miftuħa għall-applikazzjonijiet: http://ec.europa.eu/dgs/translation/external_relations/universities/emt_network_join_en.htm DĠ għat-Traduzzjoni: http://ec.europa.eu/dgs/translation/index_en.htm L-ilsna fl-UE: http://europa.eu/languages/mt/home [1] MEMO/09/76, 19.2.2009.