IP/09/480 Strażburgu, 25 Marzu 2009Jum ir-Rebbiegħa tal-Ewropa 2009: studenti tal-iskejjel mistiedna jieħdu sehem fi djalogu dwar il-ġejjieni tal-EwropaIt-tnedija tal-kampanja ta’ “Jum ir-Rebbiegħa tal-Ewropa” ta’ din is-sena, maħsuba biex tinkoraġġixxi l-istudenti tal-iskejjel biex jieħdu sehem f’attivitajiet biex iqajmu kuxjenza dwar kwistjonijiet Ewropej, saret fil-25 ta’ Marzu fi Strażburgu. Il-Viċi President tal-Kummissjoni Margot Wallström u Katerina Batzeli, il-President tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Kultura u l-Edukazzjoni, iltaqgħu ma’ grupp ta’ studenti li żaru l-Parlament Ewropew biex ifakkru l-okkażjoni. L-avveniment sar lejliet l-elezzjonijiet ta' Ġunju għall-Parlament Ewropew. Jum ir-Rebbiegħa tal-Ewropa hu avveniment ta’ kull sena organizzat minn network ta’ 31 Ministru tal-Edukazzjoni fl-Ewropa, il-European Schoolnet, iffinanzjat mill-Kummissjoni Erwopea. Il-motto ta’ din is-sena hu: “L-ideat imexxu l-Ewropa”, u l-avveniment hu marbut mas-Sena għall-Kreattività u l-Innovazzjoni. Qegħdin jiġu organizzati attivitajiet sat-30 ta’ Ġunju fl-iskejjel madwar l-Istati Membri u f’pajjiżi Ewropej oħrajn, inklużi n-Norveġja, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Iżvizzera. L-attivitajiet jinkludu diskussjonijiet dwar l-Ewropa ma’ kelliema mistiedna, taħditiet on-line ma' Kummissarji u figuri pubbliċi oħrajn, dibattiti, kompetizzjonijiet u proġetti oħra biex iqajmu kuxjenza dwar kwistjonijiet Ewropej. Iż-żgħażagħ huma mistiedna biex jidħlu f’network ta’ djalogu dwar il-ġejjieni tad-demokrazija fl-Ewropa. “Din hija opportunità kbira biex inqajmu l-kuxjenza taż-żgħażagħ dwar l-importanza tal-UE u tal-Parlament tagħha – bħala votanti ta' għada, għandhom bżonn isemmgħu leħinhom illum dwar kwistjonijiet importanti għalihom" qalet Margot Wallström “Li nwasslu l-Ewropa liċ-ċittadini tagħha, u aktar minn hekk lill-ġenerazzjonijiet l-aktar żgħażagħ Ewropej, lill-istudenti, mhix biss prijorità tal-UE iżda l-aktar element bażiku tal-aġenda għall-ġejjieni tal-Ewropa” qalet Katerina Batzeli. “Jum ir-Rebbiegħa tal-Ewropa” huwa mod kif wieħed jinforma, jinvolvi, jattiva s-soċjetà tal-iskola b’mod li l-istudenti jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni.” “Inħarsu ’l quddiem lejn innovazzjoni u kreattività abbundanti miż-żgħażagħ hekk kif dawn ifasslu l-ġejjieni tal-Ewropa”, qal Ján Figel, il-Kummissarju inkarigat mill-edukazzjoni u t-taħriġ. Huwa diġà ħa sehem f’taħdita on-line mal-iskejjel. “Kull sena, għexur ta’ eluf ta’ żgħażagħ Ewropej jieħdu sehem fi programmi Ewropej imfassla speċifikament għalihom. Aċċess għal informazzjoni tajba dwar l-Ewropa u opportunitajiet biex jiġi diskuss il-ġejjieni tagħna jikkostitwixxu taħriġ essenzjali fiċ-ċittadinanza.” Temi ta’ kampanji ta' Jiem ir-Rebbiegħa tal-Ewropa preċedenti inkludew id-djalogu interkulturali, diskussjonijiet dwar il-ġejjieni tagħna, u t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea. S’issa hemm ’il fuq minn 4,000 skola li rreġistraw biex jieħdu sehem fl-attivitajiet, sostnuti minn riżorsi disponibbli permezz tas-sit tal-proġett, disponibbli bi 23 lingwa f’ www.springday2009.net Il-kelliema li jixtiequ jżuru skola jistgħu jirreġistraw l-interess tagħhom f’: http://www.springday2009.net/ww/en/pub/spring2009/misc/back_to_school_apps.cfmIl-lista tal-kelliema mistiedna diġà tinkludi aktar minn 30 MPE, tliet Kummissarji Ewropej u bosta rappreżentanti minn awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, kif ukoll Professuri Universitarji, esperti u studenti li fil-passat ħadu sehem f’Erasmus.