IP/09/512 Brussell, 31 ta' Marzu 2009Sejħiet għall-Proposti tat-TEN-T għall-2009: Kważi € 1 biljun disponibbli għall-finanzjament tan-Netwerks Trans-Ewropej tat-TrasportIllum il-Kummissjoni Ewropea nediet is-Sejħiet għall-Proposti tat-TEN-T għall-2009, u għamlet disponibbli kważi € 1 biljun ta' finanzjament għall-proġetti Ewropej għall-infrastruttura tat-trasport. Is-Sejħiet għal din is-sena jinkludu sejħa ta' € 500 miljun fil-qafas tal-Pjan tal-Kummissjoni ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew, bil-għan li tingħata spinta immedjata lill-ekonomija Ewropea billi jiżdied ir-ritmu ta' investimenti fl-infrastruttura. Barra minn hekk, se jkun hemm opportunitajiet ta' finanzjament li jaqa' taħt il-Programm Annwali tat-TEN-T u l-Programm Multiannwali, u l-prijoritajiet tagħhom f'din is-Sejħa jinkludu l-Awtostradi tal-Baħar, is-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti għat-Toroq, u s-Sistema Ewropea għall-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS). L-Aġenzija Eżekuttiva għan-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport (TEN-T EA), li tikkontrolla l-implimentazzjoni finanzjarja u teknika tal-programm tat-TEN-T, hija responsabbli għall-ġestjoni tas-sejħiet għall-proposti u l-evalwazzjoni ta' proposti ta' proġetti ppreżentati f'isem id-DĠ tal-Enerġija u t-Trasport li minnu hija mnissla. Il-Kummissarju Viċi President Antonio Tajani, responsabbli għat-Trasport, qal: "Jiena konvint li l-istimulazzjoni tad-domanda ekonomika permezz ta' programm ambizzjuż tal-infrastruttura Ewropea hija waħda mill-aktar reazzjonijiet tanġibbli u effiċjenti li jista' jkollna għall-kriżi ekonomika attwali. Dan il-programm huwa t-TEN-T, u l-implimentazzjoni tiegħu se jiżgura s-sigurtà tal-impjiegi għal ħafna Ewropej f'setturi importanti bħall-kostruzzjoni, li hija – u minn dejjem kienet – sors maġġur ta' impjieg u kontributur ewlieni għall-PGD. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni, fil-qafas tal-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew, iddeċidiet li tressaq € 500 miljun f'fondi bħala parti mill-opportunitajiet ta' finanzjament tat-TEN-T ta' din is-sena." Is-Sejħiet għall-Proposti ta' din is-sena ġew stabbiliti skont tliet programmi ta' ħidma separati: 1. Taħt il-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew, tressqu € 500 miljun f'fondi tat-TEN-T, bħala reazzjoni għall-kriżi ekonomika u finanzjarja li qed tħabbat wiċċha magħha l-Ewropa. Dan il-programm ad hoc, li ġie adottat din is-sena, isostni l-ħidmiet li jistgħu jibdew fl-2009 jew fl-2010, u l-parti l-kbira tiegħu jista' jiġi implimentat fuq dan il-perjodu ta' sentejn. 2. Il-Programm ta' Ħidma Multiannwali għandu l-għan li jiffinanzja l-ogħla prijoritajiet tan-netwerk tat-TEN-T. Is-Sejħa ta' din is-sena tiffoka fuq tliet oqsma:L-Awtostradi tal-Baħar (Proġett ta' Prijorità 21 tat-TEN-T), proġett li jipprovdi alternattivi vijabbli għal toroq traffikużi ħafna billi jsir trasferiment tal-merkanzija għar-rotot bil-baħar: massimu ta' € 30 miljun Is-Sistema Ewropea għall-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), li tarmonizza s-sistemi Ewropej għas-sinjalazzjoni ferrovjarja: massimu ta' € 240 miljun Is-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti għat-Toroq (ITS Roads), li jużaw l-integrazzjoni tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni sabiex jinħoloq trasport bit-triq aktar effiċjenti u anqas perikoluż: massimu ta' € 100 miljun3. Il-Programm ta' Ħidma Annwali (€ 140 miljun) flessibbli, jikkomplementa l-isforzi żviluppati skont il-Programm ta' Ħidma Multiannwali. Dan jinkludi l-ammont ta' € 60 miljun għall-Istrument tal-Garanzija tas-Self, li jirrappreżenta l-kontribut annwali tal-Kummissjoni. Dan se jkun disponibbli għall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). L-applikanti potenzjali huma mistiedna li jressqu l-proposti tagħhom sal-15 ta' Mejju 2009, li se jiġu evalwati fuq ir-relevanza tagħhom għall-prijoritajiet u l-għanijiet tal-politiki tat-TEN-T, il-maturità tagħhom, l-impatt tagħhom – partikolarment fuq l-ambjent u l-kwalità tagħhom f'termini ta' kompletezza, ċarezza, validità u koerenza. It-TEN-T EA qed tippjana wkoll li tospita "Ġurnata informattiva" fit-22 ta' April 2009 fi Brussell, li se tipprovdi aktar tagħrif dwar is-Sejħiet u l-proċess ta' evalwazzjoni. Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur http://ec.europa.eu/tentea jew ikkuntattja TENT-AGENCY@ec.europa.eu