IP/09/552 Brussell, 8 ta’ April 2009Il-Kummissjoni tiġġieled il-ħlasijiet tardMinkejja xi titjib li sar matul dawn l-aħħar snin, il-ħlasijiet tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali bejn kumpaniji jew bejn negozji u awtoritajiet pubbliċi għadhom isiru fl-UE. Dan ixekkel l-iżvilupp tan-negozju u saħansitra qed ikun kaġun ta’ fallimenti ta’ kumpaniji li darba kienu vijabbli, b’mod partikulari jekk ikunu Intrapriżi Żgħar jew ta’ Daqs Medju (SMEs). Sfortunatament sa issa l-kultura tal-ħlas ta’ awtoritajiet pubbliċi mhux dejjem hija waħda ta’ min ifaħħarha. Meta titqies il-kriżi attwali, diversi Stati Membri għalhekk bdew jittrattaw din il-kwistjoni f’livell nazzjonali. Fuq il-bażi ta’ impenn fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, il-Kummissjoni llum qed tissuġġerixxi approċċ politiku ġdid biex tittratta s-sitwazzjoni dwar il-ħlasijiet tard u tipproponi bidliet sostanzjali għad-direttiva tas-sena 2000 dwar il-ħlas tard. Il-Kummissjoni qed tissuġġerixxi li awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħtu l-eżempju u għandhom – bħala regola – jħallsu l-kontijiet tagħhom fi żmien 30 ġurnata. B’mod parallel, il-Kummissjoni qed tikkommetti ruħha li tħaffef il-ħlas ta’ oġġetti u servizzi biex b'hekk tkun qed tissodisfa l-miri għall-ħlas ta' kontijiet u, f'għadd ta' każijiet, saħansitra tnaqqas iż-żmien tal-ħlas għal taħt il-perjodu legali attwali. Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Günter Verheugen, responsabbli għall-Intrapriża u l-Industrija, stqarr: “Il-ħlas tard minn amministrazzjonijiet pubbliċi ma għandux jibqa’ jiġi ttollerat. Il-proposta ta’ llum tipprovdi impetu importanti biex tingħeleb il-kriżi ekonomika billi tgħin biex ikunu evitati aktar fallimenti u billi tippromwovi d-dħul u l-ħruġ tal-flus tan-negozji biex tkun imsaħħa l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej fuq medda twila ta’ żmien.” Il-bidliet proposti jirriflettu l-importanza ta’ ħlasijiet fil-pront lin-negozji, u speċjalment lill-SMEs:Bħala regola awtoritajiet pubbliċi għandhom iħallsu fi żmien 30 ġurnata inkella jkollhom iħallsu imgħax, kumpens għal spejjeż ta’ rkupru u kumpens b’rata fissa ta’ 5 % tal-ammont dovut, li jibda jgħodd mill-ewwel ġurnata tad-dewmien. F’każijiet li jkunu tassew ġustifikati l-perjodi ta’ ħlas jistgħu jkunu itwal. Il-libertà li wieħed jagħmel kuntratt se tkun irrispettata f’relazzjonijiet bejn negozju u negozju, iżda fil-każ ta’ dewmien in-negozji se jkunu intitolati li jitolbu imgħax fuq ħlas tard u kumpens għal spejjeż ta’ rkuprar. Ir-regoli dwar kuntratti inġusti bil-kbir se jsiru iktar stretti.Din il-proposta għandha l-mira li ttejjeb id-dħul u l-ħruġ tal-flus tan-negozji Ewropej u li dan huwa partikularment importanti fi żmenijiet ta’ tnaqqis fl-attività ekonomika. Hija għandha l-għan ukoll li tiffaċilita l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern permezz tat-tneħħija ta’ ostakoli relatati għal tranżazzjonijiet kummerċjali transkonfinali. Hija se tikseb dan billi tipprovdi lill-kredituri bi strumenti li jgħinuhom jeżerċitaw b’mod sħiħ u effettiv id-drittijiet tagħhom meta jkunu mħallsa tard u billi tikkonfronta lill-amministraturi pubbliċi b’miżuri li jiskuraġġixxuhom b’mod effettiv milli jħallsu tard. Aktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/enterprise/regulation/late_payments/index.htmL-Att dwar in-Negozji Żgħar