IP/09/593 Brussell, l-20 ta' April 2009Pjattaforma għad-djalogu: 'Forum Ewropew għall-Integrazzjoni' u 'Sit Ewropew fuq l-Internet dwar l-Integrazzjoni' interattiv: żewġ għodod ġodda biex l-integrazzjoni taħdem.Il-Kummissjoni llum varat żewġ għodod ġodda għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea: Il-Forum Ewropew għall-Integrazzjoni, organizzat b'koperazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, fejn l-istituzzjonijiet tal-UE, dawk li għandhom interess u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili se jiskambjaw fehmiet dwar kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-integrazzjoni. Barra dan, is-Sit Ewropew fuq l-Internet dwar l-Integrazzjoni, li dalwaqt se jsir 'Integrazzjoni li tista' tintlaħaq faċilment' – forniment ta' kontenut ta' kwalità għolja minn madwar l-Ewropa u l-bini ta' komunità informatika ta' nies li jaħdmu għall-integrazzjoni. Il-Viċi President Barrot, responsabbli mill-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà qal: "Nemmen li biex il-linji politiċi dwar l-integrazzjoni jirnexxu huwa essenzjali li nikkonsultaw lil xulxin. Huwa għalhekk li ninsab partikularment sodisfatt li llum qed niġbru flimkien lil dawk kollha li għandhom interess u lill-organizzazzjonijiet li huma attivi fil-qasam tal-integrazzjoni fl-okkażjoni tal-laqgħa inawgurali tal-Forum Ewropew għall-Integrazzjoni u l-varatura tas-Sit Ewropew fuq l-Internet dwar l-Integrazzjoni. Il-Forum huwa pjattaforma 'fiżika' għal djalogu dwar l-isfidi ta' bħalissa u l-prijoritajiet tal-ġejjieni għal-linji politiċi dwar l-integrazzjoni. Is-Sit fuq l-Internet huwa "pjattaforma virtwali", borża tal-għodda informatika għal dawk kollha li huma impenjati mal-migranti. Huwa tabilħaqq strument interattiv fejn jinqasmu ma' ħaddieħor il-prattiki tajba, jiġu skoperti opportunitajiet ta' finanzjament u jinstabu sħab għal proġetti. Is-sit se jgħin biex tinbena komunità informatika ġdida ta' dawk li jaħdmu fuq l-integrazzjoni." Mario Sepi, il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, stqarr li "Il-proċess ta' integrazzjoni s'issa kien proċess twil, xi drabi kkaratterizzat minn dewmien, riluttanza u l-użu tal-veto, iżda kien ikkaratterizzat ukoll minn passi sostanzjali 'l quddiem. Huwa proċess b'żewġ direzzjonijiet imsejjes fuq id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-immigranti u tas-soċjetà li tilqagħhom. Huwa għalhekk li bqajna nimbuttaw għal linja politika vera u proprja ta' integrazzjoni parteċipattiva, mhux l-inqas minħabba li d-djalogu kontinwu tagħna mas-soċjetà ċivili wera biċ-ċar l-aspettattivi kbar ħafna tagħha f'dan ir-rigward. Mhix kumbinazzjoni li l-fehmiet kollha tagħna baqgħu mhux minsusa mill-intiena skifuża tal-ksenofobija; il-programm tagħna għall-Ewropa: Il-proposti tas-Soċjetà Ċivili huma turija ċara ta' dan." Forum Ewropew għall-Integrazzjoni: pjattaforma għal djalogu dwar l-integrazzjoni Il-Forum Ewropew għall-Integrazzjoni se jipprovdi opportunità biex ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jesprimu fehmiethom dwar kwistjonijiet ta' integrazzjoni, b'mod partikulari dawk li għandhom x'jaqsmu mal-"aġenda tal-UE dwar l-integrazzjoni". Fl-istess ħin, il-Forum se jippermetti li l-Istituzzjonijiet Ewropej jieħdu rwol proattiv f'dan il-qasam. Bħala pjattaforma ġdida għal djalogu dwar l-integrazzjoni, organizzata b'koperazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Forum huwa okkażjoni importanti biex jiddiskutu flimkien mar-rappreżentanti tal-Istituzzjonijiet Ewropew dwar l-isfidi ta' bħalissa u dwar il-prijoritajiet għall-ġejjieni. Fil-laqgħa inawgurali tal-lum se jiġu indirizzati l-irwol u l-metodi tal-Forum biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-aġenda tal-ġejjieni tal-UE għall-integrazzjoni, kif ukoll kwistjonijiet topiċi rilevanti, bħalma huma l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika ta' bħalissa fuq l-integrazzjoni tal-immigranti. Għall-Forum se jattendu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma impenjati fil-qasam tal-integrazzjoni fuq livell Ewropew, inklużi s-sħab soċjali, kif ukoll l-Istituzzjonijiet Ewropej. Se jkunu preżenti wkoll pjattaformi nazzjonali dwar l-integrazzjoni, flimkien ma' rappreżentanti tan-netwerk tal-Punti Nazzjonali ta' Kuntatt dwar l-Integrazzjoni. Is-Sit Ewropew fuq l-Internet dwar l-Integrazzjoni: Integrazzjoni li tista' tintlaħaq faċilment Il-Forum huwa wkoll l-okkażjoni biex jiġi varat uffiċjalment is-Sit Ewropew fuq l-Internet dwar l-Integrazzjoni (www.integration.eu). Is-Sit Ewropew fuq l-Internet dwar l-Integrazzjoni għandu l-għan li jinkoraġġixxi linji politiċi u prattiki favur l-integrazzjoni permezz tal-qsim ta' strateġiji li jirnexxu u li jappoġġja l-koperazzjoni fost dawk li għandhom interess fil-qasam u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili madwar l-UE. Is-sit huwa miftuh għal kulħadd u jippermetti lil min iżuru jaqsam prattiki tajbin, jiskopri opportunitajiet ta' finanzjament u jfittex għal sħab fi proġetti, iżomm ruħu aġġornat dwar l-aħħar żviluppi fil-livell tal-UE, f'dak nazzjonali u f'dak lokali, u jibqa' f'kuntatt ma' membri tal-komunità ta' integrazzjoni tal-UE. Billi jagħmilha ta' pont bejn dawk li jaħdmu għall-integrazzjoni u dawk li jfasslu l-linji politiċi, is-Sit Ewropew fuq l-Internet dwar l-Integrazzjoni malajr se jsir 'Integrazzjoni li tista' tintlaħaq faċilment' – forniment ta' kontenut ta' kwalità għolja minn madwar l-Ewropa u inkoraġġiment għall-komunità ta' nies li jaħdmu għall-integrazzjoni. Dan li ġej jista' jinstab fis-sit fuq l-Internet (www.integration.eu):Ġabra ta' "l-aħjar prattiki" innovattivi dwar l-integrazzjoni, ippreżentata b'mod ċar u komparabbli; Għodod komunitarji bħalma hija l-'għodda biex issib sieħeb għal proġett', li tappoġġja l-ħolqien ta' netwerks u l-iżvilupp ta' proġetti komuni; Tagħrif dwar opportunitajiet ta' finanzjament; Librerija vasta ta' dokumentazzjoni li fiha rapporti, ktibiet dwar linji politiċi, leġiżlazzjoni u evalwazzjonijiet tal-impatt;- Forums għad-diskussjoni. Karti b'tagħrif rigward pajjiżi individwali, bl-aħħar tagħrif rigward il-leġiżlazzjoni u l-programmi ta' linji politiċi; Maħżen ta' links għal siti fuq l-Internet esterni; Aħbarijiet u avvenimenti aġġornati b'mod