IP/09/615 Brussell, 22 ta’ April 2009Il-Proċess ta' Bologna – ir-riforma fl-universitajiet fl-għaxar snin li ġejjinFit-28 u fid-29 ta' April, il-Ministri responsabbli mill-edukazzjoni terzjarja minn 46 pajjiż Ewropew se jiltaqgħu f'Leuven u /Louvain-la-Neuve, il-Belġju, biex jagħmlu rendikont tal-kisbiet tal-Proċess ta' Bologna, jistabbilixxu aġenda ġdida, u jiftiehmu fuq prijoritajiet għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Terzjarja għall-għaxar snin li ġejjin sal-2020. Għall-ewwel darba se jkun hemm 'Forum tal-Politika ta' Bologna' bejn is-46 pajjiż li qed jipparteċipaw fil-Proċess u 20 pajjiż minn barra l-Ewropa[1], u dan jirrifletti l-interess kbir minn pajjiżi barra l-Ewropa fir-riformi li qed isiru fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Terzjarja. Il-proċess ta' Bologna kiber minn 29 pajjiż fl-1999 għal 46 pajjiż fl-2009[2] - din hija storja Ewropea ta' suċċess. L-aħħar Rapport ta’ Stocktaking ta’ Bologna, li għandu jiġi ppreżentat lill-Ministri ġewwa Leuven u /Louvain-la-Neuve jikkonkludi li sar progress tajjeb, minkejja li xi ftit irregolari, fl-implimentazzjoni tar-riformi ta’ Bologna. L-aħħar rapport tal-Kummissjoni li jappoġġja lill-proċess jikkonferma din il-konklużjoni pożittiva u jindika li sar progress sostanzjali, inkluż fir-riformi strutturali. Għandu issa jkun hemm fowkus fuq l-immodernizzar tal-politiki nazzjonali u fuq il-kisba tal-implimentazzjoni konkreta tar-riformi tal-istituzzjonijiet Ewropej għall-edukazzjoni terzjarja. Ir-riformi ewlenin ta’ Bologna jiffokaw fuq:l-istruttura tal-laurea ta’ tliet ċikli (baċillerat, master, dottorat), assikurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni terzjarja, kif ukollrikonoxximent tal-kwalifiki u tal-perjodi ta’ studju. Flimkien, dawn l-isforzi għar-riformi ħolqu opportunitajiet ġodda għall-universitajiet u għall-istudenti. It-tnedija tar-Reġistru Ewropew ta’ Assikurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni Terzjarja fis-sena li għaddiet qed tgħin biex issaħħaħ il-viżibbiltà tal-edukazzjoni terzjarja Ewropea u żżid il-kunfidenza fl-istituzzjonijiet u l-programmi fi ħdan l-Ewropa u mad-dinja kollha. Fil-kummenti tiegħu dwar il-laqgħa li jmiss, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, Taħriġ, Kultura u Żagħżagħ, Ján Figel’, qal: "Il-Proċess ta' Bologna wassal għal kumpatibbiltà u komparabbiltà akbar bejn is-sistemi ta' edukazzjoni terzjarja. Fost affarijiet oħra, dan għamel l-Ewropa destinazzjoni aktar attraenti għall-istudenti minn kontinenti oħra. Filwaqt li għad hemm xi jsir għat-twettiq tal-għanijiet li ġew stabbiliti fl-1999, aħna għandna bżonn li nkomplu mexjin 'il quddiem biex nindirizzaw sfidi ġodda, partikolarment fil-kriżi ekonomika attwali. L-edukazzjoni terzjarja għandha rwol ewlieni fl-appoġġ għall-irkupru ekonomiku sostenibbli u fl-istimular tal-innovazzjoni. L-universitajiet għandhom jimmodernizzaw, u r-rikonoxximent mifrux ta' din il-ħtieġa, mhux biss mill-gvernijiet fl-Ewropa imma anki madwar id-dinja, tagħti lill-Proċess ta' Bologna l-appoġġ meħtieġ għas-suċċess." Stħarriġ riċenti tal-Eurobarometru fost studenti fl-edukazzjoni terzjarja juri li l-istudenti jridu aċċess iktar wiesgħa għal edukazzjoni terzjarja u li l-universitajiet għandhom jibdew kooperazzjoni mad-dinja tax-xogħol u ma’ tagħlim li jissokta matul il-ħajja. Per eżempju, perċentwal kbir, 97 %, tal-istudenti stqarrew li kien importanti li l-istudenti jkunu pprovvduti bl-għarfien u bil-ħiliet li għandhom bżonn biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol. Maġġoranza kbira (87 %) qablu wkoll li kien importanti għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja li jrawmu innovazzjoni u attitudni intraprenditorjali fost l-istudenti u l-istaff, u li bħala parti mill-programm tal-istudju għandu jkun hemm il-possibiltà li jagħmlu esperjenzi f'postijiet tax-xogħol f'intrapriżi privati. Aktar studenti jridu jistudjaw barra minn pajjiżhom u l-maġġoranza trid aktar informazzjoni dwar il-kwalità tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet ta' studju bbażati fuq l-informazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem mal-Istati Membri u mas-settur tal-edukazzjoni terzjarja biex tgħin fl-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ modernizzazzjoni għall-universitajiet fil-qafas tal-Istrateġija ta’ Lisbona għat-Tkabbir u x-Xogħol. Qed jingħata appoġġ permezz tal-Programm ta’ Tagħlim li Jissokta Matul il-Ħajja (azzjonijiet Erasmus), is-7 Programm ta’ Qafas Ewropew għar-Riċerka u l-Programm għall-Kompetittività u għall-Innovazzjoni, kif ukoll il-Fondi Strutturali u self mill-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB). Il-Kummissjoni tagħti appoġġ ukoll lir-riformi fl-edukazzjoni terzjarja fil-bqija tad-dinja, f'termini konkreti, permezz tal-politika u programmi esterni; appoġġ għall-pajjiżi ġirien tal-UE huwa disponibbli, per eżempju, permezz tal-programm Tempus. Ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi msieħba oħra huma appoġġjati permezz ta’ serje ta’ programmi ta’ kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali: EU-USA/Canada, EDULINK, ALFA għall-Amerika Latina u l-Programm il-ġdid Nyerere għall-Afrika. Finalment, hemm ukoll il-programm Erasmus Mundus, li jipprovdi fondi għall-istudju għal studenti minn madwar id-dinja biex jistudjaw fi programmi integrati fuq livell ta’ masters ġewwa pajjiżi Ewropej differenti. Il-fażi l-ġdida tal-programm tinkludi wkoll studji li jwasslu għad-dottorat. Kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet li mhumiex Ewropej hija ppovduta ukoll fl-appoġġ tal-Kummissjoni lill-attivitajiet ta' riċerka tal-istituzzjonijiet għall-edukazzjoni terzjarja permezz tas-7 Programm ta' Qafas tal-UE għar-Riċerka. L-Azzjonijiet Marie Curie joffru opportunitajiet lil riċerkaturi individwali biex jipparteċipaw f'tim ta' riċerka f'pajjiż ieħor. Għal aktar tagħrif: Kummissjoni Ewropea: MEMO/09/170 [FAQ fuq Bologna], 22 ta' April 2009 Kummissjoni Ewropea: MEMO/09/172 [rapport Eurydice], 22 ta' April 2009 Kummissjoni Ewropea: MEMO/09/171 [Eurobarometru], 22 ta' April 2009 Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni terzjarja Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni terzjarja: Bologna Websajt uffiċċjali tal-Proċess ta' Bologna Konferenza Ministerjali Bologna, Louvain-la-Neuve u Leuven, 28-29 ta' April 2009 [1]Il-pajjiżi li ġew mistiedna huma dawn li ġejjin: il-Marokk, it-Tuneżija, l-Eġittu, l-Etjopja, is-Senegal, it-Tanżanija, l-Afrika ta' Isfel, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Każakstan, il-Kirigistan, l-Indja, iċ-Ċina, il-Ġapan, il-Vjetnam, l-Awstralja, New Zealand, il-Brażil, il-Messiku, l-Istati Uniti u l-Kanada.[2] L-Albanija, l-Andorra, l-Armenja, l-Awstrija, l-Ażerbajġan, il-Belġju, il-Bożnja u Ħerżegovina, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġeorġja, il-Ġermanja, il-Greċja, is-Santa Sede, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Moldova, il-Montenegro, l-Olanda, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Federazzjoni Russa, is-Serbja, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija, l-Ukraina, ir-Renju Unit.