IP/09/635 Brussell, 24 ta’ April 2009Imnedija l-pjattaforma Ewropea biex ikunu kkoordinati aħjar l-isforzi biex tiġi ttratta l-esklużjoni tal-persuni RomaPjattaforma Ewropea ġdida għall-inklużjoni tal-persuni Roma se tiltaqa' għall-ewwel darba llum fi Praga biex ittejjeb il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet nazzjonali biex jindirizzaw l-esklużjoni tal-akbar minoranza etnika tal-Ewropa. Il-laqgħa tlaqqa' l-gvernijiet nazzjonali, l-UE, organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u lis-soċjetà ċivili u għandha l-għan li tistimola l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-esperjenzi dwar politiki ta' inklużjoni li rnexxew tal-persuni Roma. "Il-kriżi ekonomika attwali żżid ir-riskju li l-persuni Roma - li ħafna drabi jgħixu fil-marġini tas-soċjetà - jiġu esklużi għal kollox," wissa Vladimír Špidla, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs. "Għandna bżonn politiki kostruttivi li jagħtu opportunitajiet lill-persuni Roma, mhux politiki ripressivi li jimbuttawhom b'mod ulterjuri lejn il-faqar u l-esklużjoni soċjali. Il-politiki għandhom ikollhom espliċitament fil-mira lill-persuni Roma – iżda bil-għan li jagħtuhom aċċess għall-edukazzjoni konvenzjonali, impjiegi konvenzjonali u housing konvenzjonali. U politiki effettivi għandhom jinqasmu fuq livell transnazzjonali." Il-laqgħa tal-lum, koorganizzata mill-Kummissarju Špidla u mill-Ministru Ċek għad-Drittijiet Umani u l-Minoranzi Nazzjonali, Michael Kocáb, se tanalizza l-progress fl-indirizzar tal-esklużjoni tal-persuni Roma mill-ewwel Samit Ewropew Roma, li sar fi Brussell f'Settembru 2008 (ara IP/08/1326). Din tirriżulta minn sejħa mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali f'Diċembru 2008 biex ikun organizzat skambju ta' prassi u esperjenza tajbin bejn il-pajjiżi fl-UE u biex tiġi stumulata l-kooperazzjoni bejn il-partijiet kollha permezz ta' pjattaforma Ewropea integrata. Il-laqgħa għandha l-għan li tidentifika sett ta' prinċipji bażiċi li huma meħtieġa biex tkun indirizzata b'mod effettiv l-inklużjoni tal-persuni Roma. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea se tiddeskrivi kif għandha ppjanat li tpoġġi fil-mira l-ħtiġijiet tal-poplu Roma permezz ta' strumenti u politiki fuq livell ta' UE fl-2009 u 2010. Se tirrapporta wkoll dwar l-implimentazzjoni ta' proġett pilota ġdid ta' EUR 5 miljun li l-Parlament Ewropew żied mal-Baġit tal-2009. Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport ta' progress aktar sħiħ kmieni fl-2010, li jkun lest għas-Samit tal-persuni Roma li jmiss li se jsir fi Spanja f'April tal-2010. Is-sitwazzjoni ta' bosta miljuni ta' persuni Roma fl-UE u l-pajjiżi ġirien tagħha hija karatterizzata minn diskriminazzjoni u esklużjoni mis-soċjetà ġenerali fuq firxa wiesgħa, b'diskrepanza fir-rati tal-qgħad u l-faqar, livell baxx ta' saħħa u stennija tal-ħajja aktar baxxa. Barra minn hekk, ħafna drabi l-persuni Roma huma vittmi ta' diskriminazzjoni u vjolenza razzista. Sfond L-Unjoni Ewropea għandha firxa wiesgħa ta' strumenti għad-dispożizzjoni tagħha biex titratta d-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali tal-persuni Roma. Id-Direttiva 2000/43/KE tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi ta' razza u oriġini etnika fl-impjieg, l-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali (inklużi l-kura tas-saħħa) u l-aċċess għal oġġetti u servizzi. Il-Fondi Strutturali tal-UE u l-programmi tal-Komunità jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju għal proġetti u politiki filwaqt li mekkaniżmi ta' kooperazzjoni politika fuq livell ta' UE u fuq dak nazzjonali fl-oqsma ta' inklużjoni soċjali, impjieg, edukazzjoni u saħħa jistgħu jintużaw biex jindirizzaw l-esklużjoni tal-persuni Roma permezz ta' taħlita ta' analiżi u azzjoni mmirati u ta' inklużjoni. Ara wkoll MEMO/09/193 Aktar informazzjoni: Is-sit tal-internet tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-Roma http://ec.europa.eu/roma Stqarrija għall-istampa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar l-inklużjoni tar-Roma http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=1586&langId=enProposta għal Prinċipji Bażiċi Komuni http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=491&furtherNews=yes