IP/09/640 Brussell, il-27 ta’ April 2009Il-Kummissjoni Ewropea tniedi kompetizzjoni għall-ħolqien ta’ logo organiku ġdid għall-UEL-ikel organiku jitlaqqa’ ma’ disinn ġdid: Id-Direttorat Ġenerali Ewropew għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali qed jistieden lill-istudenti kollha tal-arti u d-disinn mis-27 Stat Membru tal-UE biex jidħlu għall-kompetizzjoni ta’ logo organiku mifruxa mal-UE kollha. Il-kompetizzjoni se toffri premju li m’hawnx prezzu: F’Lulju 2010, id-disinn rebbieħ se jsir il-logo uffiċjali għall-prodotti organiċi kollha madwar l-Unjoni Ewropea. Lejlet it-tnedija tal-kompetizzjoni, il-Kummissarju Ewropew għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali Mariann Fischer Boel qalet, "Il-Logo il-ġdid għall-prodotti organiċi se jagħti identità lis-settur tal-agrikultura organika tal-UE. Dan għandu jgħin fil-ħolqien ta’ suq wieħed, b’vantaġġi kemm għall-produtturi kif ukoll għall-konsumaturi.” Bl-għan li jkun hemm disinn ta’ logo organiku tal-UE interessanti u kreattiv, l-UE qed tagħti l-opportunità lil talenti Ewropej promettenti biex joħolqu disinn li jista’ jkun stampat fuq miljuni ta’ pakketti ta’ prodotti. Il-logo organiku l-ġdid tal-UE se jkun obbligatorju għall-prodotti organiċi kollha ppakkjati minn qabel li joriġinaw mis-27 Stat Membru tal-UE u jrid jilħaq l-istandards tat-tikkettjar. Barra minn hekk, il-prodotti organiċi kollha li ma jkunux ippakkjati minn qabel, u li joriġinaw mill-UE jew li jkunu impurtati minn pajjiżi terzi se jkunu jistgħu jużaw il-logo tal-UE fuq bażi volontarja. Iċ-ċittadini kollha tal-UE reġistrati f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla għall-arti u d-disinn ibbażata fl-UE huma mħeġġa biex jidħlu għal din il-kompetizzjoni unika u internazzjonali tad-disinn. Se jingħażlu tliet rebbieħa u min jiġi fl-ewwel post jirbaħ premju ta’ 6,000 ewro, fi flus kontanti. Dawk li jiġu fit-tieni u t-tielet post jingħataw 3,500 ewro u 2,500 ewro rispettivament. Is-sottomissjonijiet għandhom jittellgħu fuq l-internet mis-sit speċjali tal-kompetizzjoni www.ec.europa.eu/organic-logo sal-25 ta’ Ġunju 2009. Il-kompetizzjoni tal-Logo Organiku tal-UE se tkun iġġudikata minn ġurija ta’ esperti mill-qasam tal-biedja u l-produzzjoni organika, u minn professjonisti tad-disinn famużi internazzjonalment. Il-membri prominenti tal-ġurija jinkludu lill-Professur, Duttur Onorarju, Direttur Kreattiv u Sieħeb Maniġerjali Erik Spiekermann mill-Ġermanja; lil Riitta Brusila-Räsänen, Professoressa tad-Disinn Grafiku mill-Università ta’ Lapland, il-Finlandja; lil Szymon Skrzypczak, disinjatur żagħżugħ li rebaħ premju, mill-Polonja; lil Elisabeth Mercier, Direttriċi ta’ Agence BIO minn Franza; lil Urs Niggli, Direttur tal-Istitut tar-Riċerka tal-Agrikultura Organika (FiBL) mill-Iżvizzera; lil Tom Václavík, espert tal-promozzjoni ta’ prodotti organiċi mir-Repubblika Ċeka u President tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Bejjiegħa Organiċi bl-Imnut; u Craig Sams, il-Kap tas-Soil Association mir-Renju Unit. Il-ġurija tal-kompetizzjoni se tkun presjeduta minn Rob Vermeulen l-eks-president tal-Pan-European Brand Design Association. Wara d-data tal-għeluq, il-ġurija se tagħżel l-aħjar sottomissjonijiet li mbagħad jitqiegħdu fil-websajt bħala l-kandidati uffiċjali għal-logo l-ġdid. Iċ-ċittadini Ewropej kollha jkunu mistiedna biex jgħinu fl-għażla tad-disinn rebbieħ billi jivvutaw fuq l-internet għall-aktar wieħed li jogħġobhom. Fis-sajf tal-2010, dawk il-parteċipanti li jikklassifikaw fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet post ikunu mistiedna għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet fi Brussell li matulha jingħataw il-premjijiet tagħhom mill-Kummissarju Ewropew għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali. Il-kompetizzjoni qed toffri sfida lill-istudenti biex jiddisinjaw logo oriġinali li jolqot l-għajn u li jirrappreżenta d-diversi aspetti tal-biedja u l-produzzjoni organika. Barra minn hekk, il-ġurija se tevalwa d-disinji skont l-appell universali tagħhom, skont kemm jinftiehmu mingħajr użu ta’ kliem, skond kemm huma ċari fil-preżentazzjoni u skont kemm huma adattati għal kull żmien. It-termini u l-kondizzjonijiet kollha tal-kompetizzjoni qegħdin fil-websajt www.ec.europa.eu/organic-logo.