IP/09/642 Brussell, is-27 ta’ April 2009Ir-Rapport Barca: Il-Kummissarju Danuta Hübner u Fabrizio Barca jippreżentaw proposti ta’ riforma għall-Politika ta’ Koeżjoni tal-UEDanuta Hübner, il-Kummissarju Ewropew għall-Politika Reġjonali, u Fabrizio Barca, id-Direttur Ġenerali fil-Ministeru tal-Finanzi u l-Ekonomija tal-Italja, illum ippreżentaw is-sejbiet tar-“Rapport Barca – aġenda għal Politika ta’ Koeżjoni riformata". Ir-rapport, mitlub mill-Kummissarju, jistabbilixxi r-raġunijiet għall-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal riforma komprensiva bbażata fuq għaxar “pilastri”. Il-proposti ta’ Dr Barca ġew żviluppati f’indipendenza sħiħa mill-Kummissjoni, bil-kontribut ta’ esperti akkademiċi u uffiċjali tal-Istati Membri wara serje ta’ laqgħat matul l-2008. Ir-rapport huwa parti minn proċess ta’ riflessjoni bir-reqqa dwar il-futur tal-politika wara l-2013, li nbeda fl-2007 bir-Raba' Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali. Il-Kummissarju Hübner stqarret: “Ir-Rapport Barca jikkonferma li l-Politika ta’ Koeżjoni hija pilastru ċentrali tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea. Huwa jirrikonoxxi li r-reġjuni kollha għandhom ikunu jistgħu jirrealizzaw il-potenzjal tagħhom f’termini ta’ żvilupp ekonomiku u li ċ-ċittadini kollha għandhom jibbenefikaw mill-politika, irrispettivament minn fejn jgħixu. Ir-rapport jikkonferma li r-riformi li diġà ddaħħlu f’dawn l-aħħar ftit snin kienu tajbin. Jippreżenta wkoll toroq ġodda u kuraġġużi li se jwessgħu l-perspettiva tagħna tat-tiġdid tal-politika." Fabrizio Barca enfasizza: “Ir-reviżjoni tal-fatti u t-teorija mwettqa mir-rapport turi li l-Unjoni jeħtiġilha politika għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali li tkun adatta għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ żoni differenti ħafna. Din għandha tkun kapaċi ttejjeb l-opportunitajiet u tindirizza l-isfidi li jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-UE li jinħolqu mill-unifikazzjoni tas-swieq. Jekk il-Politika ta’ Koeżjoni tiġi riformata, din tkun tista’ twettaq dan kollu permezz ta’ metodoloġiji avvanzati, konċentrazzjoni ikbar fuq ir-riżultati u tmexxija moderna fuq livelli differenti.” Fir-rapport, ir-rakkomandazzjonijiet għar-riforma huma bbażati fuq għaxar “pilastri": 1: Konċentrazzjoni fuq il-prijoritajiet ewlenin Dr Barca jgħid li l-UE għandha tikkonċentra madwar 65 % tal-finanzjamenti tagħha fuq tlieta jew erba’ prijoritajiet ewlenin, u l-ishma tal-Istati Membri u r-reġjuni għandhom ivarjaw skont il-ħtiġijiet u l-istrateġiji. Il-kriterji għall-allokazzjoni tal-finanzjament għandhom jibqgħu fil-biċċa l-kbira kif qegħdin issa (jiġifieri abbażi tal-PGD per capita). Prijorità ewlenija waħda jew tnejn għandhom jindirizzaw l-inklużjoni soċjali biex jippermettu l-iżvilupp ta’ “aġenda soċjali bbażata fuq it-territorju”. 2: Qafas strateġiku ġdid Id-djalogu strateġiku bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri (jew Reġjuni f’ċerti każijiet) għandu jissaħħaħ u msejjes fuq Qafas ta’ Żvilupp Strateġiku Ewropew, li jistipula prinċipji, indikaturi u miri ċari għall-evalwazzjoni tar-riżultati. 3: Relazzjoni kuntrattwali ġdida, implimentazzjoni u rappurtar Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw tip ġdid ta’ ftehim kuntrattwali (Kuntratt ta’ Żvilupp Strateġiku Nazzjonali), iffukat fuq ir-rendiment u l-impenji verifikabbli. 4: Tmexxija msaħħa għall-prijoritajiet ewlenin Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi ġabra ta’ "kundizzjonalitajiet” għall-istituzzjonijiet nazzjonali bħala rekwiżit għall-allokazzjoni tal-fondi lil prijoritajiet speċifiċi u għandha tevalwa l-progress fl-ilħiq tal-miri.5: Promozzjoni ta’ nfiq addizzjonali, innovattiv u flessibbli Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ il-prinċipju ta’ “addizzjonalità”, li jiżgura li l-Istati Membri ma jissostittwixxux l-infiq nazzjonali b’dak tal-UE, billi tiġi stabbilita rabta diretta mal-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir. Jinħtieġ impenn kuntrattwali biex ikun żgurat li l-miżuri jkunu innovattivi u jżidu l-valur. 6: Il-promozzjoni tal-isperimentazzjoni u l-mobilizzazzjoni tal-atturi lokali Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-isperimentazzjoni u bilanċ aħjar bejn il-ħolqien tal-inċentivi għall-involviment lokali fil-politiki u l-prevenzjoni tal-kontroll totali tal-politika mill-gruppi ta’ interess. 7: Il-promozzjoni tal-proċess tat-tagħlim: lejn stima tal-impatt prospettiva Disinn u implimentazzjoni aħjar tal-metodi għall-istima ta’ x’kienu jkunu r-riżultati li kieku ma seħħitx l-intervenzjoni jtejbu l-għarfien ta’ x’jaħdem u fejn, u jkollhom effett dixxipplinarju meta l-azzjonijiet jiġu ddiżinjati. 8: It-tisħiħ tar-rwol tal-Kummissjoni bħala ċentru ta’ kompetenza L-iżvilupp ta’ għarfien iktar speċjalizzat fil-Kummissjoni b'iktar koordinament bejn id-Direttorati Ġenerali biex jikkorrispondi mar-rwol u d-diskrezzjoni akbar tal-Kummissjoni fil-politika. Dan ifisser investiment sinifikanti fir-riżorsi umani u tibdiliet organizzattivi. 9: L-indirizzar tat-treġija u l-kontroll finanzjarju Il-ksib ta’ effiċjenza ikbar fl-amministrazzjoni tal-Fondi Strutturali permezz tal-aġenda attwali ta’ simplifikazzjoni u l-kunsiderazzjoni ta’ modi oħrajn għat-tnaqqis tal-ispejjeż u l-piż imposti fuq il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-benefiċjarji. 10: It-tisħiħ tas-sistema politika ta’ kontrolli u bilanċi ta’ livell għoli Sistema iktar b’saħħitha ta’ kontrolli u bilanċi bejn il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, permezz tal-ħolqien ta’ Kunsill formali għall-Politika ta’ Koeżjoni. It-tħeġġiġ ta’ dibattitu kontinwu dwar il-kontenut, ir-riżultati u l-impatt tal-Politika ta' Koeżjoni. Biex taqra r-rapport bis-sħiħ, kif ukoll id-dokumenti ta’ referenza, ikklikkja hawn: http://ec.europa.eu/regional_policy/policy/future/barca_en.htm