IP/09/659 Brussell, il-29 ta' April 2009Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tadotta Pakkett ta' Simplifikazzjoni biex taċċelera d-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-IstatIl-Kummissjoni Ewropea adottat Pakkett ta' Simplifikazzjoni għall-għajnuna mill-Istat b'Kodiċi tal-Aħjar Prassi u Avviż ta' Proċedura Simplifikata. It-tnejn għandhom l-għan li jtejbu l-effettività, it-trasparenza u l-previdibbiltà tal-proċeduri tal-għajnuna mill-Istat f'kull stadju ta' investigazzjoni, biex b'hekk jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni volontarja bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. B'mod partikolari, iż-żewġ testi jipproponi li l-Istati Membri jżidu l-kuntatti tagħhom qabel in-notifika tal-miżuri ta' għajnuna, sabiex jeliminaw diffikultajiet potenzjali fi stadju bikri tal-proċess, u jinkludu sensiela ta' għodda għall-ippjanar imtejba biex jiġu affaċjati kemm il-każijiet diffiċli u dawk sempliċi. L-adozzjoni tal-Pakkett ta' Simplifikazzjoni hija pass importanti fil-programm ta' riforma mħabbar mill-Kummissjoni fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat tagħha (ara l-IP/05/680). Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes qalet: "Il-Pakkett ta' Simplifikazzjoni għall-għajnuna mill-Istat se jkun ta' benefiċċju għan-negozju billi jiffaċilita deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari permezz ta' kooperazzjoni aktar bikrija u aħjar bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Fl-adozzjoni tal-Kodiċi tal-Aħjar Prassi u l-Avviż ta' Proċedura Simplifikata, il-Kummissjoni wettqet il-wegħda tagħha li timmodernizza u tissimplifika l-proċeduri tal-għajnuna mill-Istat, kif inhu stabbilit fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat. Il-Pakkett ta' Simplifikazzjoni għandu l-għan li jiffaċilita u b'hekk jaċċelera t-trattament tat-tipi differenti ta' proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat: miżuri sempliċi notifikati lill-Kummissjoni, każijiet kumplessi li jqajmu kwistjonijiet ġodda, ilmenti. Dan huwa skont l-għan imħabbar fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat mill-2005 (IP/05/680), li sejjaħ għal proċeduri aktar effettivi, sempliċi u prevedibbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Il-Pakkett ġie diskuss b'mod estensiv mal-Istati Membri u ma' partijiet interessati barra l-Istituzzjonijiet (ara l-IP/08/1950) u ta lok għal reazzjoni li, fil-biċċa l-kbira tagħha, kienet pożittiva. Il-Kodiċi tal-Aħjar Prassi jagħti d-dettalji dwar kif il-proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jitwettqu fil-prattika, b'mod partikolari rigward id-dewmien, it-trasparenza u l-prevedibbiltà tagħhom. Il-Kodiċi jinkludi numru ta' arranġamenti volontarji bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jinkisbu proċeduri aktar effiċjenti u prevedibbli, f'kull stadju ta' investigazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Se japplika għall-każijiet kollha li mhumiex koperti mir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (ara l-IP/08/1110) jew suġġetti għall-Avviż dwar il-Proċedura Simplifikata. Il-Kodiċi tal-Aħjar Prassi huwa bbażat fuq impenn konġunt tal-Kummissjoni u l-Istati Membri. Min-naħa l-waħda, il-Kummissjoni se toffri kuntatti ta' qabel in-notifika fuq bażi aktar regolari, biex ittejjeb il-kwalità u l-kompletezza tan-notifiki. Se jkun hemm skeda miftiehma dwar l-mod kif jitmexxew każijiet partikolarment innovattivi, kumplessi jew urġenti. Il-Kummissjoni se tagħmel ukoll l-almu tagħha biex tiġbor it-talbiet tagħha għal informazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri huma mistiedna jwieġbu aktar malajr u b'mod aktar komplet it-talbiet li jsiru mill-Kummissjoni li jkollhom x'jaqsmu mal-każijiet. Għal dan l-iskop, il-Kodiċi jipproponi infurzar metikoluż tal-mezzi proċedurali eżistenti biex l-Istati Membri jkunu inkoraġġiti jirreaġixxu minnufih u biex il-proċeduri jibqgħu għaddejjin. Il-Kodiċi tal-Aħjar Prassi għandu wkoll l-għan li jtejjeb il-proċedura biex jiġu trattati l-ilmenti, inklużi skadenzi indikattivi u informazzjoni aħjar għal dawk li jagħmlu lment. Il-Proċedura Simplifikata għandha l-għan li ttejjeb it-trattament tal-Kummissjoni ta' każijiet sempliċi, bħal dawk li huma kjarament fuq il-linji ta' strumenti orizzontali eżistenti jew skont prassi deċiżjonali stabbilita tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni trid tiżgura li l-għajnuna kjarament kompatibbli tkun approvata malajr kemm jista' jkun meta l-Istati Membri jipprovdu notifika sħiħa. Għal dan l-iskop, l-Avviż jinkludi wkoll lista illustrattiva ta' miżuri ta' għajnuna, li tinkludi ċerti għajnuniet għall-SMEs, għajnuna ambjentali, għajnuna għall-innovazzjoni u għajnuna għas-salvataġġ u ristrutturazzjoni, li fil-prinċipju huma adattati għal trattament simplifikat. Din il-proċedura l-ġdida mhux biss għandha tkun aktar mgħaġġla, iżda wkoll aktar trasparenti: il-partijiet interessati se jiggwadanjaw opportunità ġdida biex jikkummentaw fuq il-miżuri ta' għajnuna mill-Istat ippjanata, billi se tiġi ppublikata minn qabel sinteżi tal-miżuri notifikati mill-Istat Membru taħt il-Proċedura Simplifikata fuq il-websajt tal-Kummissjoni. L-ebda waħda minn dawn l-inizjattivi ma għandha l-għan li tapplika għall-miżuri notifikati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika preżenti, li għaliha ġew stabbiliti proċeduri interni ad hoc li jippermettu lill-Kummissjoni tittratta l-miżuri notifikati b'urġenza estrema. Il-Kodiċi u l-Avviż huma disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq il-websajt tal-Kummissjoni f': http://ec.europa.eu/competition/state_aid/reform/reform.html Se jkunu disponibbli verżjonijiet lingwistiki oħrajn fi żmien qasir. Għal aktar informazzjoni, ara l-MEMO/09/208.