IP/09/665 Brussell, id-29 ta’ April 2009Il-Modernizzazzjoni fil-finanzjament tar-riċerka tal-UE miexja sewwaIllum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat rapport tal-progress li jkopri l-ewwel sentejn tas-7 Programm Kwadru tal-UE għall-R&D (FP7), li se jdum sejjer sal-2013. Dan l-akbar programm ta' finanzjament tal-R&D tal-UE li qatt sar, b'baġit ta' €54bn għal 7 snin, qed juri li huwa adattat tajjeb biex iwieġeb għall-ħtiġijiet ekonomiċi u ta' soċjetà tal-UE. L-istruttura u l-istrumenti l-ġodda tiegħu jgħinu biex l-UE tkun tista' tindirizza l-isfidi tagħha. Oqsma ta' prijorità bħall-ambjent, l-enerġija jew in-nanoteknoloġija jikkontrbwixxu għall-kostruzzjoni ta' ekonomija sostenibbli u baxxa fl-emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li pjattaformi ta' teknoloġija mmexxija mill-industrija jgħinu fid-definizzjoni ta' suġġetti li jilqgħu il-bżonnijiet tal-industrija fuq perjodu ta' żmien twil; il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka jappoġġa l-aħjar riċerkaturi tagħna biex jikkompetu fil-livell globali għall-eċċellenza xjentifika. Inizjattivi tat-Teknoloġija Konġunta jinkorporaw inizjattivi pubbliċi-privati fuq skala teknoloġika u finanzjarja li qatt ma kien hemm bħalha. L-FP7 huwa assi qawwi fil-ġlieda tal-UE kontra l-kriżi preżenti, b’baġit li kull sena sal-2013 jikber bi 13%. Ir-rapport jisħaq fuq l-isfidi li għad baqa' għall-FP7, bħall-mobilizzazzjoni tal-Istati Membri l-ġodda, il-parteċipazzjoni tal-SMEs u s-semplifikazzjoni amministrattiva. Il-Kummissarju Ewropew għax-Xjenza u r-Riċerka, Janez Potočnik, qal: "Il-kriżi ekonomika hija opportunità tajba biex neżaminaw il-programmi tagħna fid-dawl tar-realtà. Ninsab ferħan li l-FP7 qed jirnexxi fl-eżami: huwa jagħti injezzjoni ta' flejjes ġodda bħala appoġġ għar-riċerka, b’baġit annwali kważi rdoppja bejn l-2007 u l-2013, u jaġixxi bħala inċentiv għall-Istati Membri u l-industrija biex jagħmlu l-istess. L-FP7 huwa wieħed mill-istrumenti prinċipali biex l-UE tħejji għall-irkupru mill-kriżi u toħroġ minnha b'riżultat li jkun aktar favur l-ambjent u aktar intelliġenti." Domanda bla xkiel għall-finanzjament tal-UE u tnedija b'suċċess ta' strumenti R&D ġodda Fl-ewwel sentejn tal-programm, daħlu madwar 25 000 proposta li laħqu l-istadju finali tal-evalwazzjoni: 5 500 minnhom intgħażlu bħala benefiċjarji ta' għotjiet li flimkien jammontaw għal madwar €10 biljun. Id-domanda kienet waħda għolja għall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka il-ġdid, bil-wasla ta' madwar 11 000 proposta għall-ewwel sejħiet tiegħu. Ingħataw 'il fuq minn 600 għotja lil riċerkaturi ta' eċċellenza tal-UE. B'reazzjoni għall-ħtiġijiet tal-industrija għall-iżvilupp strateġiku tat-teknoloġija, tnedew ħames Sħubijiet Pubbliċi-Privati (JITS). Il-Faċilità ta' Finanzjament il-ġdid għat-Tqassim tar-Riskju (RSFF), ġestita flimkien mal-BEI, approvat self ta' €2 biljun bħala appoġġ għal proġetti ta' R&D b'riskju għoli. It-twettiq taż-Żona Ewropea tar-Riċerka L-għan globali tal-FP7 huwa l-bini tas-Suq Waħdieni tar-riċerka u li jkun ta' appoġġ għall-innovazzjoni. Jappoġġa l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi, jippromwovi "ċirkolazzjoni tal-imħuħ" permezz ta' għotjiet għall-mobbiltà u jtejjeb il-kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE billi jappoġġa infrastrutturi tar-riċerka. Il-programm, li jappoġġa r-riċerka kollaborattiva, ġibed aktar minn terz (36.7%) tal-proposti kollha ppreżentati, u warajh l-iskema għall-mobbiltà tar-riċerkaturi (23.5%). L-ixprunar tal-iżvilupp sostenibbli u l-ekonomija Fl-ewwel sentejn, 44% tal-baġit għar-riċerka kollaborattiva ġiet allokata għar-riċerka interdixxiplinarja bħall-ambjent, l-enerġija, l-agrikoltura, it-trasport, in-nanoteknoloġija u l-ICT, b'appoġġ għall-istrateġija mġedda tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli. Bħala parti mill-pjan tal-UE għall-irkupru ekonomiku, l-FP7 se jappoġġa "l-orjentament favur l-ambjent" tas-setturi tal-karozzi, il-manifattura u l-kostruzzjoni permezz ta' tliet sħubijiet pubbliċi-privati fl-R&D. Il-ftuħ tar-riċerka tal-UE għad-dinja Kooperazzjoni internazzjonali aktar b'saħħitha u aktar strateġika tinsab fost il-prijoritajiet tal-FP7. Pereżempju, pajjiżi ġodda ġew assoċjati fl-FP7, u bihom it-total huwa 12; ġiet iffirmata Sħubija Afrika-UE dwar ix-Xjenza, l-Informazzjoni u l-Ispazju; u t-tnedija tar-Reattur Internazzjonali Esperimentali Termonukleari (ITER) tippromwovi l-kollaborazzjoni xjentifika Internazzjonali. It-tnaqqis tal-burokrazija L-FP7 għamel progress fit-tnaqqis tal-burokrazija, notevolment permezz ta' Fond ta' Garanzija ġdida u Faċilità Unika ta' Reġistrazzjoni. Gew stabbiliti żewġ Aġenziji Eżekuttivi biex jispeċjalizzaw fl-implimentazzjoni effiċjenti tal-programmi tar-riċerka tal-UE: l-Aġenzija Eżekuttiva tar-Riċerka (REA) u l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC). Ittejbu u ġew razzjonalizzati l-proċessi tal-verifika. Il-mixja 'l quddiem Hemm xi kwistjonijiet li jirrikjedu aktar attenzjoni, bħall-parteċipazzjoni pjuttost baxxa tal-SMEs. Il-parteċipazzjoni b'suċċess ta' riċerkaturi minn Stati Membri ġodda tista' tittejjeb. Il-progress dwar is-semplifikazzjoni u l-operat effikaċi ta' strumenti ġodda jista' jkun li jirrikjedi bidla fir-regoli ta' bażi. Għal aktar titjib fl-FP7, il-Kummissjoni se tfittex il-parir ta' grupp indipendenti ta' esperti, li sal-ħarifa tal-2010 se jwettaq Valutazzjoni Interim tal-FP7 . Illum il-Kummissjoni adottat ukoll tweġiba għall-valutazzjoni ex post tal-FP6, li tipprovdi aktar materjal għall-eżerċizzju tal-valutazzjoni interim. Il-link għat-test sħiħ tal-Komunikazzjoni u għar-rapport tal-valutazzjoni tal-FP6: http://ec.europa.eu/research/index.cfm?pg=reports Ara wkoll MEMO/09/209 (Q&A)