IP/09/696 Brussell, l-4 ta' Mejju 2009Governanza tal-Internet: il-Kummissarju Reding issejjaħ għall-privatizzazzjoni u r-responsabbiltà sħiħa tal-ICANN mill-1 ta' OttubruF’filmat li ttella’ dalgħodu fuq is-sit tagħha, Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja, sejħet għal iktar trasparenza u responsabbiltà fil-Governanza tal-Internet sa minn Ottubru 2009. Bħalissa qegħdin jittieħdu deċiżjonijiet ewlenin li għandhom x’jaqsmu mal-Governanza tal-Internet, bħal ngħidu aħna dwar id-dominji tal-ogħla livell u t-tmexxija tad-direttorju prinċipali tal-internet mill-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (ICANN), korporazzjoni privata bla skop ta’ qligħ li hija stabbilita f’Kalifornja. Sa issa, l-ICANN topera skont ftehim mad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti tal-Amerika. Madankollu, dan il-ftehim jiskadi fit-30 ta’ Settembru ta' din is-sena. Illum il-Kummissarju Reding fasslet mudell ġdid ta’ governanza għall-internet li għandu jitħaddem minn dakinhar 'il quddiem. Dan għandu jinkludi l-privatizzazzjoni sħiħa tal-ICANN u li dan ikun responsabbli għall-kollox, ikun akkumpanjat minn korp ġudizzjarju indipendenti, kif ukoll it-twaqqif ta’ “G12 għall-Governanza tal-Internet” – forum multilaterali li fih il-gvernijiet jistgħu jiddiskutu l-politika ġenerali dwar il-governanza tal-internet u kwistjonijiet ta’ sigurtà. “Nemmen li l-President Obama se jkollu l-kuraġġ, id-dehen u r-rispett għan-natura globali tal-internet sabiex f’Settembru jwitti t-triq għal mudell ġdid ta’ Governanza tal-Internet, iktar responsabbli, iktar trasparenti, iktar demokratiku u iktar multilaterali,” qalet il-Kummissarju tal-UE Viviane Reding fil-messaġġ tagħha tal-filmat fuq l-Internet. “Issa huwa l-mument tal-azzjoni. U l-Ewropa għandha tkun lesta tappoġġa l-isforzi tal-President Obama.” Reding saħqet li “t-30 ta' Settembru ta' dis-sena se jkun mument tal-verità, meta jiskadi l-ftehim li hemm bħalissa bejn l-ICANN u l-Gvern tal-Istati Uniti. Dan jiftaħ il-bibien għall-privatizzazzjoni sħiħa tal-ICANN; iqajjem ukoll il-mistoqsija ta’ lil min għandha tirrispondi l-ICANN, mill-1 ta’ Ottubru ’l quddiem.” L-ICANN tittratta wħud mill-iktar kwistjonijiet sensittitivi li għandhom x’jaqsmu mal-Governanza tal-Internet, bħal ngħidu aħna d-dominji tal-ogħla livell jew it-tmexxija tas-sistema ta’ indirizzi fuq l-internet li tiżgura li miljuni ta’ kompjuters jistgħu jaqbdu bejniethom. L-ICANN kienet stabbilita fl-1998 fil-Kalifornja, skont ftehim mal-gvern Amerikan. “Ir-responsabbiltà tal-ICANN hija assolutament meħtieġa,” qalet Reding. Id-deċiżjoni li ttieħdet fl-amministrazzjoni ta’ Clinton sabiex jinbeda l-proċess ta' privatizzazzjoni tal-ismijiet tad-dominji tal-internet u tas-sistema tal-indirizzi kienet waħda tajba. Fl-aħħar mill-aħħar, ħadd ma jista’ jargumenta bis-serjetà li dipartiment tal-gvern ta’ pajjiż wieħed biss ikollu l-kontroll ta' funzjoni tal-internet li jużawha mijiet ta' miljuni ta' nies f‘pajjiżi madwar id-dinja kollha." Il-Kummissarju Reding spjegat ukoll kif jista’ jiġi ffurmat mudell ġdid tal-Governanza tal-Internet wara t-30 ta’ Settembru: Jista’ jinkludi b'mod partikolari dan li ġej:ICANN ipprivatizzata u indipendenti għall-kollox li tkun kompatibbli mal-aqwa normi tal-governanza korporattiva, b’mod partikolari ma’ dawk dwar it-trasparenza finanzjarja u r-responsabbiltà interna, u tkun soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Forum multilaterali li fih il-gvernijiet jistgħu jiddiskutu politiki ġenerali dwar il-governanza tal-internet, bħal “G12 għall-Governanza tal-Internet” – grupp informali ta’ rappreżentanti tal-gvern li jiltaqa’ għall-anqas darbtejn fis-sena u, fejn ikun xieraq, għandhom is-setgħa li jressqu lill-ICANN ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom, adottati b'maġġoranza. Dan il-grupp għandu jagħti r-reazzjoni tiegħu minnufih f’każ li jkun hemm theddid għall-istabbiltà, is-sigurtà u t-trasparenza tal-internet. Sabiex ikun ġeografikament ibbilanċjat, il-“G12 għall-Governanza tal-Internet” għandu jkun kompost minn żewġ rappreżentanti li jkunu ġejjin mill-Amerika ta’ Fuq, tnejn mill-Amerika ta’ Isfel, tnejn mill-Ewropa u tnejn mill-Afrika, tliet rappreżentanti mill-Asja u tlieta oħra mill-Awstralja, kif ukoll il-President tal-ICANN li jkun maħtur bħala membru mingħajr id-dritt tal-vot. L-organizzazzjonijiet internazzjonali li jkollhom il-kompetenzi f'dan il-qasam jistgħu jingħataw l-istatus ta’ osservaturi.Fis-6 ta’ Mejju, il-Kummissjoni Ewropea se tospita l-ewwel seduta pubblika fi Brussell sabiex lill-Komunità tal-Internet fl-Ewropa tagħtiha l-opportunità issemma’ l-aspettattivi tagħha għall-ġejjieni tal-Governanza tal-Internet. SfondGħal bosta snin, l-Unjoni Ewropea kellha rwol ewlieni fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-Governanza tal-Internet. Il-Kummissjoni Ewropea talbet diversi drabi għal sistema tal-governanza tal-internet li tkun fdata għal kollox f’idejn is-settur privat mingħajr interferenza min-naħa tal-gvern fit-tmexxija tagħha ta’ kuljum (ara IP/06/1297) u ilha tappoġġa djalogu miftuħ bejn bosta partijiet interessati dwar il-politika tal-governanza u l-iżvilupp tal-internet. (IP/06/1491). Il-Kummissjoni Ewropea tieħu sehem ukoll fil-Governmental Advisory Committee tal-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (ICANN), li l-għan prinċipali tagħha huwa li tagħti parir lill-ICANN dwar l-aspetti tal-politika pubblika tal-attivitajiet tagħha ta’ koordinament. Il-filmat tal-messaġġ tal-Kummissarju Reding jinsab fuq is-sit: http://ec.europa.eu/commission_barroso/reding/video/index_en.htmIktar tagħrif dwar is-seduta pubblika dwar il-Governanza tal-Internet, li se tiġi organizzata mill-Kummissjoni Ewropea fis-6 ta’ Mejju fi Brussell, se jkun disponibbli fis-sit: http://ec.europa.eu/information_society/policy/internet_gov/index_en.htm