IP/09/703 Brussell, il-5 ta' Mejju 2009It-triq għall-fejqan: Il-Politika ta’ Koeżjoni se tgħin lill-Ewropa biex toħroġ mill-kriżi, qalu l-Kummissarji Hübner u ŠpidlaIllum, il-Kummissarji Danuta Hübner (Politika Reġjonali) u Vladimír Špidla (Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs) laqgħu b'sodisfazzjon il-finalizzazzjoni ta’ ftehim mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew b’appoġġ għall-pakkett tal-Politika ta’ Koeżjoni bħala rispons għall-kriżi ekonomika. Il-pakkett komprensiv jinkludi firxa ta’ miżuri, mid-dħul massiv f'kontanti taħt sura ta’ ħlasijiet supplimentari bil-quddiem mill-Fondi Strutturali għal proċeduri mgħaġġla biex iħaffu l-implimentazzjoni tal-proġett u l-possibbiltà għall-UE li tikkofinanzja t-titjib effiċjenti fl-enerġija fid-djar. L-Istati Membri diġà rċevew €6.25 biljun supplimentari bi ħlasijiet bil-quddiem - €4.5 bn mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tħallsu f’nofs April, b’€1.5 bn oħra mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) ftit wara.Fil-kummenti tagħha dwar dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissarju Hübner qalet: “Il-Politika ta’ Koeżjoni qiegħda tgħin lill-Ewropa biex toħroġ minn din il-kriżi. Il-Kooperazzjoni eċċellenti bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tal-UE tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, ħallietna naġixxu malajr u b’mod deċisiv. Issa qegħdin inħeġġu lill-Istati Membri u lir-reġjuni sabiex jużaw kemm jistgħu l-possibbiltajiet kollha offerti mill-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea u biex jagħżlu proġetti ta’ kwalità tajba biex jibbenefikaw mis-sostenn tal-UE. Nistennew effetti sekondarji importanti minn dawn il-miżuri għall-ekonomija, b’mod partikolari fis-settur tal-bini. Il-Kummissarju Špidla żied jgħid: “Fuq livell Ewropew, l-ewwel prijorità tagħna f’din il-kriżi huma n-nies – li nżommu n-nies fl-impjiegi tagħhom u li nerġgħu nsibu x-xogħol għal min tilfu fl-inqas ħin possibbli. Il-Fond Soċjali Ewropew qiegħed jgħin eluf ta’ Ewropej biex jitgħallmu ħiliet oħra u jitħarġu u b’hekk itejbu l-opportunitajiet tagħhom għal impjieg. Dan il-ftehim ifisser li l-fond jista’ jagħmel kontribut saħansitra akbar biex igħin lin-nies li tilfu xogħolhom jew li qegħdin jirriskjaw li jitilfuh fil-kriżi. U jippermetti lill-organizzazzjonijiet iż-żgħar li jsostnu aħjar dawk l-aktar vulnerabbli, b’mod eħfef.” Vantaġġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni Fl-aħħar tal-2008, il-Kummissjoni pproponiet sensiela ta’ bidliet fir-regolamenti li jmexxu lill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEIR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni. Il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu għall-bidliet leġiżlattivi fit-2 ta’ April. Illum, il-Ministri tal-Istati Membri, li ltaqgħu għall-Kunsill Ekonomiku u tal-Affarijiet Finanzjarji (ECOFIN), approvaw ukoll il-miżuri, li se jseħħu sal-aħħar ta’ Mejju. L-għan ta’ dħul ta’ €6.25 biljun f'kontanti fis-27 Stat Membru hu li jistimulaw l-implimentazzjoni tal-proġett u jgħinu jħarsu u joħolqu impjiegi ġodda. Il-ħlasijiet bil-quddiem supplimentari jwasslu għal total ta' madwar €30 biljun mill-2007 ‘l hawn (ara l-allokazzjonijiet mill-Istat Membru fl-anness) li jirrappreżentaw daqs 9% tal-baġit totali ta’ €347 biljun għall-Politika ta’ Koeżjoni għall-2007-2013. Il-pakkett jinkludi dawn il-bidliet l-oħra :Possibbiltà ta' fondi immedjati għal “proġetti kbar” (dawk fejn l-ispiża totali għal kull proġett taqbeż il-€50 miljun, jew €25 miljun fil-każ ta’ proġetti ambjentali) mingħajr il-ħtieġa ta’ approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni Ewropea. Madwar 900 proġetti kbar għandhom jiġu implimentati bejn l-2007 u l-2013 madwar l-Ewropa, li jirrappreżentaw investiment totali ta’ €120 biljun (mill-FEIR u l-Fond ta’ Koeżjoni). Simplifikazzjoni tas-sistema għall-ħlas bil-quddiem li jsir f'isem il-benefiċjarji skont l-iskemi ta’ għajnuna statali. Fil-prattika, dan ifisser li l-ħlasijiet bil-quddiem tal-għajnuna statali mħallsa lill-benefiċjarji issa jistgħu jilħqu 100% tal-ammont meqjus. Simplifikazzjoni ta’ sistema ta’ ħlas lura biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji u biex jitħaffu l-ħlasijiet. Issa, il-Kummissjoni tista’ tħallas lura spejjeż ġenerali bażiċi fuq rata fissa jew tagħmel ħlasijiet ta’ somma f’daqqa għal proġetti żgħar, pereżempju l-appoġġ ta’ gruppi vulnerabbli. Tħaffif tat-tmexxija tal-iskemi ta’ inġinerija finanzjarja (FEIR/FSE) li jikkombinaw għotjiet u self. JEREMIE (Riżorsi Ewropej Konġunti għall-Impriżi Mikro sa daqs Medju) jippermetti lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), milquta ħażin mir-riċessjoni ekonomika, biex ikollhom aċċess eħfef għall-finanzi. Il-Bank Ewropew għall-Investimenti u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp jistgħu jgħinu fit-tħejjija ta’ proġetti kbar permezz ta’ JASPERS (Għajnuna Konġunta fl-Appoġġ ta’ Proġetti fir-Reġjuni Ewropej). Appoġġ speċifiku se jingħata wkoll lill-fornituri tal-mikro-kreditu mhux bankarji, permezz tal-inizjattiva JASMINE (Azzjoni Konġunta għas-sostenn tal-istituzzjonijiet mikrofinanzjarji fl-Ewropa). Il-possibbiltà offerta lill-Istati Membri kollha biex jużaw il-fondi FEIR (sa 4% tal-allokazzjoni tagħhom) għal titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u miżuri ta’ enerġija li tiġġedded fid-djar. Dan ifisser li l-EU tista’ tikkofinanzja skemi nazzjonali jew reġjonali biex tħeġġeġ l-istallazzjoni ta' ħġieġ doppju, iżolament tal-ħitan jew panewijiet li jassorbu l-enerġija mix-xemx. Leġiżlazzjoni preċedenti tat biss lill-Istati Membri ġodda possibbiltajiet limitati biex jużaw l-appoġġ mill-FEIR għad-djar.F’Diċembru, diġà ġiet miftehma emenda oħra, li tistipula li r-regoli li jmexxu il-“proġetti li jiġġeneraw id-dħul” bħall-awtostradi fejn titħallas taxxa għall-użu tat-triq għandhom japplikaw biss għall-FEIR jew proġetti tal-Fond ta’ Koeżjoni fejn l-ispejjeż totali jaqbżu l-miljun ewro. Nota għall-edituri Aktar tagħrif hu disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/regional_policy/funds/recovery/L-UE tindirizza d-dimensjoni soċjali tal-kriżi ekonomika: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=736IL-PJAN EWROPEW GĦALL-IRKUPRU EKONOMIKU ĦLASIJIET BIL-QUDDIEM MILL-FEIR/FSE APRIL 2009[ ]