IP/09/730 Brussell, 11 ta' Mejju 2009Il-Presidenti tal-Kummissjoni u tal-Parlament jiddiskutu kontribuzzjonijiet etiċi għall-governanza Ewropea u ekonomika globali mal-mexxejja tal-fidi EwropejIllum madwar għoxrin rappreżentant ta’ livell għoli tal-Kristjaneżmu, tal-Ġudaiżmu u tal-Iżlam fl-Ewropa nġabru fil-kwartieri tal-Kummissjoni fuq stedina tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, għal djalogu informali mal-UE. Il-laqgħa kienet ippreseduta b’mod konġunt mill-President tal-Kummissjoni Barroso u mill-President tal-Parlament Ewropew Hans-Gert Pöttering. Il-laqgħa ta’ din is-sena ffokat fuq sfida Ewropea u globali kbira: Il-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-kontribuzzjonijiet etiċi għal governanza Ewropea u ekonomika globali. Din kienet il-ħames laqgħa annwali tal-kapijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE mal-mexxejja reliġjużi. L-inizjattiva kienet tnediet mill-President Barroso fl-2005. Din is-sena, id-diskussjonijiet kienu kkonċentrati fuq "Il-kriżi ekonomika u finanzjarja: Il-kontibuzzjonijiet etiċi għal governanza Ewropea u ekonomika globali". Il-President Barroso ddikjara: "Hekk kif tkompli għaddejja l-kriżi finanzjarja u ekonomika, dejjem qed jidher ċar li wasal il-mument li ssir rikonċiljazzjoni bejn il-governanza ekonomika u l-valuri etiċi fundamentali li fuqhom kien imsejjes il-proġett Ewropew matul dawn l-aħħar 50 sena. Il-Kummissjoni ħadet inizzjattivi importanti f’dan ir-rigward, speċjalment fir-regolamenti tas-suq finanzjarju, bil-għan li tkun imsaħħa r-responsabbiltà u s-sostenibbiltà fl-ekonomiji tagħna. Il-President tal-Parlament Ewropew, Hans-Gert Pöttering, saħaq: "Dawn huma żminijiet ta’ sfidi ekonomiċi enormi għaċ-ċittadini Ewropej u għall-Unjoni Ewropea. Huma fi żminijiet bħal dawn li l-Ewropa bħala komunità msejsa fuq il-valuri, u l-prinċipju prinċipali tal-UE tas-solidarjetà, jeħtieġ li jitpoġġa fuq quddiem nett. Is-soluzzjonijiet komuni li qed infittxu jeħtieġ li jkunu ankrati fid-dinjità umana u li jiġi żgurat li l-oqsma kollha tas-soċjetà jkunu mħarsa: Il-kontribuzzjoni tar-reliġjonijiet u tal-knejjes hi kruċjali biex dan isir. Ta' sikwit huma jkunu mpenjati f'ħidma b'risq il-membri l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà tagħna." Il-parteċipanti fil-laqgħa inkoraġġew l-isforzi tal-UE biex tkun ikkoordinata, stimulata u ggwidata azzjoni biex issaħħaħ ir-regolament finanzjarju, tqajjem mill-ġdid l-ekonomija u tieħu azzjoni għall-impjiegi fl-Ewropa u madwar id-dinja kollha. Huma saħqu wkoll dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ġustizzja soċjali tibqa’ fuq quddiem nett fit-tfassil tal-politika u fakkret li f’mument meta l-qagħad u l-faqar qegħdin dejjem jiżdiedu għal-livelli inkwetanti, is-soċjetajiet tagħna għandhom ikunu kapaċi jaġixxu flimkien fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' miżuri konkreti biex jittaffew l-effetti tal-kriżi fuq iċ-ċittadini. Fl-aħħar nett huma saħqu fuq l-impenn tagħhom biex jgħinu fil-qawmien mill-ġdid tas-sens ta’ solidarjetà fost l-Ewropej kollha ta’ kull twemmin u konvinzjoni u li tkun ispirata aktar etika fl-imġiba tal-operaturi finanzjarji u ekonomiċi. Lista tal-parteċipanti: Ara MEMO/09/227