IP/09/774 Brussell, 14 ta' Mejju 2009It-Telekomunikazzjoni: L-Italja mħeġġa tieħu azzjoni dwar il-post tal-oriġini tat-telefonati 112 biex tikkonforma mas-sentenza tal-QortiL-informazzjoni dwar l-oriġini tat-telefonati 112 għada mhix disponibbli għas-servizzi tal-emerġenza fl-Italja, kif meħtieġ bir-regoli tal-UE, minkejja sentenza mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f’Jannar, li tesiġi li l-Italja tagħmel dan. Il-Kummissjoni llum iddeċidiet li tibgħat ittra ta’ tqegħid fil-mora lill-Italja, li fiha titlobha tikkonforma mas-sentenza u sabiex tiżgura li l-informazzjoni dwar il-post tal-oriġini tat-telefonati kollha 112 tkun disponibbli għas-servizzi tal-emerġenza. L-Italja tista' tiġi mmultata jew il-każ jerġa' jasal quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. “Il-forniment ta’ informazzjoni dwar il-post tal-oriġini tat-telefonati lis-servizzi tal-emerġenza huwa kruċjali biex in-numru uniku tal-emerġenza Ewropew, il-112, jaħdem b’mod effikaċi,” qalet il-Kummissarju tal-UE għat-Telekomunikazzjoni, Viviane Reding. “Il-maġġoranza tal-Istati Membri diġà introduċewh u ma hemm l-ebda raġuni għalfejn l-Italja ma tistax timplimenta wkoll dan is-servizz tabilħaqq vitali għaċ-ċittadini tagħha. Il-Kummissjoni għandha ssegwi l-proċediment ta’ ksur kontra l-Italja sabiex tiżgura li s-Sentenza tal-Qorta Ewropea tal-Ġustizzja tissegwa u wkoll għaliex id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn joriġinaw it-telefonati hija għodda tal-emerġenza li tista’ tgħinna nsalvaw il-ħajjiet.” Fil-15 ta’ Jannar 2009, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja iddeċidiet li l-Italja kienet naqset milli tqiegħed tagħrif dwar il-post tal-oriġini tat-telefonati kollha 112 għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet li jittrattaw il-każijiet tal-emerġenza. L-informazzjoni dwar il-post tal-oriġini tat-telefonati 112 miċ-ċellulari għadha mhix disponibbli għas-servizzi tal-emerġenza madwar l-Italja, ħlief fil-provinċja ta’ Salerno. Il-Kummissjoni ħadet nota tal-passi li ħadu l-awtoritajiet Taljani sabiex jiżguraw id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-post tal-oriġini tat-telefonati 112. Madankollu, tappella lill-Gvern Taljan sabiex jaċċellera l-implimentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-post tal-oriġini tat-telefonati kollha li jsiru lill-112 madwar il-pajjiż. Jekk l-Italja ma tweġibx din it-talba għat-titjib fi żmien xahrejn, tissogra li tiġi mmultata talli tkun naqset milli tirrispetta s-sentenza tal-Qorti. Il-forniment ta’ informazzjoni dwar il-post tal-oriġini tat-telefonati lis-servizzi ta' emerġenza għat-telefonati lill-112 jikkontribwixxi għas-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej. Iċ-ċittadini Taljani u ċ-ċittadini Ewropej l-oħra, meta jkunu f'pajjiżhom inkella huma u jivjaġġaw bħala turisti jew għal raġunijiet professjonali f’pajjiżi oħra tal-UE, għandhom ikunu jistgħu jistrieħu fuq il-kapaċità tas-servizzi tal-emerġenza Taljani biex jillokalizzawhom meta jċemplu u huma nfushom ma jkunux jistgħu jagħtu d-dettljali ta' fejn jinsabu biex tintbagħtilhom l-għajnuna. Sfond Skont id-Direttiva tal-UE dwar is-Servizzi Universali (Artikolu 26), l-Istati Membri għandhom obbligu li jiggarantixxu l-funzjonament korrett tan-numru uniku Ewropew għall-emerġenzi, il-112. Dan jinkludi l-iżgurar li l-informazzjoni dwar il-post tal-oriġini tat-telefonati kollha 112 tkun disponibbli għall-awtoritajiet tal-emerġenza. Kollox ma’ kollox, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra 14-il Stat Membru tal-UE fir-rigward tal-post tal-oriġini tat-telefonati 112. 11 minn dawk il-każijiet issa ngħalqu peress li l-Istati Membri rrimedjaw is-sitwazzjoni u l-informazzjoni dwar il-post tal-oriġini saret kompletament disponibbli. Minbarra l-Italja, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f’sentenzi oħra, iddeċidiet ukoll li l-Litwanja u l-Olanda ma kkonformawx mar-rekwiżiti tal-UE rigward il-post tal-oriġini tat-telefonati 112 u dawn il-każijiet ukoll għadhom pendenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fl-imgħoddi fetħet ukoll proċedimenti ta' ksur kontra żewġ Stati Membri oħra talli naqsu milli jiżguraw id-disponibbiltà tal-112 bħala n-numru ta' kuntatt għas-servizzi tal-emerġenza. L-aħħar każ, li kien jirrigwarda l-Bulgarija, ngħalaq fid-29 ta’ Jannar ta’ din is-sena u l-112 issa huwa disponibbli madwar l-UE kollha (IP/08/1968). Fl-aħħarnett, każ ieħor infetaħ kontra l-Italja f’Settembru 2008 fir-rigward tat-trattament tat-telefonati li jsiru lill-112 (IP/08/1342). Il-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 228 tat-Trattat tal-KE, iddeċidiet li tibgħat ittra ta’ tqegħid fil-mora li fiha talbet lill-Italja għall-informazzjoni kollha dwar il-konformità tagħha mas-sentenza ta’ Jannar mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Jekk l-awtoritajiet Taljani jibqgħu ma jikkonformawx, il-Kummissjoni se tibgħat opinjoni motivata lill-gvern Taljan, u fl-aħħar mill-aħħar, tista’ titlob lill-Qorti timponi l-ħlas ta’ multa. Daqqa t'għajn dettaljata lejn il-proċeduri tal-ksur fil-qasam tat-telekomunikazzjoni tinsab fuq: http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/implementation_enforcement/infringement/