IP/09/792 Brussell, il-15 ta' Mejju 2009Il-pajjiżi kollha tal-UE jiċċelebraw il-Jum Marittimu Ewropew f'Ruma, 18-20 ta' MejjuIl-baħar minn dejjem kellu rwol importanti fil-prosperità tal-Ewropa. Il-kontinent tagħna għandu kważi 70 000 km ta' kosta u 22 mis-27 Stat Membru tal-UE huma pajjiżi kostali jew gżejjer. Ir-reġjuni marittimi tagħna jospitaw 40% mill-poplazzjoni tagħna, jiġġeneraw 40% tal-ekonomija u jimpjegaw madwar 5 miljun ħaddiem. Minħabba dawn ir-raġunijiet, l-20 ta'Mejju huwa l-"Jum Marittimu Ewropew" fl-UE. Din is-sena, b'kooperazzjoni mal-gvern Taljan, il-Kummissjoni qed torganizza konferenza ta' tlett ijiem bejn it-18 u l-20 ta' Mejju f'Ruma. Dan l-avveniment importanti jlaqqa' flimkien il-partijiet interessati, amministrazzjonijiet u persuni oħra interessati li ġejjin mill-Unjoni Ewropea, u din id-darba anke minn pajjiżi terzi, partikolarment mir-reġjun tal-Mediterran, biex jiddiskutu l-isfidi globali li jkollha tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa marittima fil-preżent. Il-Jum Marittimu Ewropew kien stabbilit bħala waħda mill-azzjonijiet ewlenin tal-Politika Marittima Integrata, varata fl-2007. "Fl-20 ta’ Mejju niċċelebraw il-Jum Marittimu Ewropew annwali f'Ruma", qal il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso. "Iċ-Ċittadini Ewropej huma dejjem aktar konxji mill-importanza tal-wirt u l-ġejjieni marittimu komuni tagħna. Il-Politika Marittima Integrata tagħna tirrifletti viżjoni ċara kif nindirizzaw l-isfidi tal-prosperità, is-sostenibbiltà u s-sigurtà marittima u hija marbuta mill-qrib mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u mal-irkupru tal-kompetittività ekonomika tal-Ewropa.” Skont Joe Borg, l-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, "Il-Politika Marittima Integrata tpoġġi lis-setturi marittimi u r-reġjuni kostali, li tradizzjonalment jinstabu f'pożizzjoni periferika, fiċ-ċentru ta' politika ġdida, dinamika u inklussiva għat-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli. L-UE u l-Istati Membri tagħha huma konvinti li hemm bżonn li l-ispeċifitajiet ta' oċeani, ibħra u kosti jiġu indirizzati b'mod koordinat u koerenti. F'Ruma, l-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati se jiddiskutu approċċi ġodda għal ġestjoni sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-reġjuni kostali tagħna, miġbura kollha taħt l-umbrella ta' strateġija ta' politika integrata." Il-Konferenza għal-partijiet interessati tal-Jum Marittimu Ewropew f'Ruma se tlaqqa' flimkien partijiet interessati mis-soċjetà tan-negozju u dik ċivili, persuni inkarigati mit-teħid tad-deċiżjonijiet u ġurnalisti minn madwar l-Ewropa u anke lil hinn minnha, biex jiddiskutu firxa wiesgħa ta' politiki u prattiki, it-tmexxija marittima, it-teknoloġiji emerġenti, il-ġenerazzjoni tal-enerġija, l-ippjanar tal-ispazju marittimu, is-sistemi ta' sorveljanza tal-ibħra, it-turiżmu kostali sostenibbli, ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd u oħrajn. L-ideat li se jiġu ttrattati fil-konferenza se jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-Politika Marittima Integrata tal-ġejjieni. F'Ruma wkoll, kemm qabel kif ukoll wara li tispiċċa l-konferenza, l-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati se jtellgħu diversi workshops u preżentazzjonijiet dwar temi marbuta mal-aġenda tal-konferenza. Minbarra l-Konferenza ċentrali f'Ruma, se jseħħu madwar 40 avveniment fl-Istati Membri madwar l-Unjoni Ewropea. Dawn l-avvenimenti lokali jvarjaw minn konferenzi għal workshops kif ukoll ġranet meta l-bibien ta' portijiet u proġetti ambjentali jinfetħu għall-pubbliku. Il-programm tal-konferenza f'Ruma jinkludi diskorsi mill-Priministru Taljan Silvio Berlusconi, il-Presidenza Ċeka tal-Unjoni Ewropea, il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso, u l-Viċi President tal-Parlament Ewropew Rodi Kratsa-Tsagaropoulou. Il-Kummissarju Ewropew tal-Affarijiet Marittimi u Sajd, Joe Borg, flimkien mal-Ministru Taljan għall-Infrastruttura u t-Trasport, Altero Matteoli se jospitaw il-Konferenza. Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan, Franco Frattini, se jindirizza l-konferenza wkoll. Il-Kummissjoni Ewropea se tkun rappreżentata anke mill-Viċi President inkarigat mill-politika għall-intrapriża u l-Industrija, Günter Verheugen u mill-Viċi President inkarigat mit-Trasport, Antonio Tajani. Sensiela ta' diskussjonijiet minn bord ta' kelliema se jevalwaw is-suċċessi tal-Politika Marittima Integrata li twettqu minn mindu din kienet varata u se jiddiskutu wkoll id-direzzjoni għall-ġejjieni. Minn mindu l-Kummissjoni Ewropea f'Ottubru 2007 għamlet il-proposta għal Politika Marittima Integrata u l-approvazzjoni sussegwenti tagħha mill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern f'Diċembru 2007, sar progress reali lejn il-bini ta' qafas koerenti biex jippromwovi sinerġiji u jsolvi kunflitti potenzjali bejn oqsma differenti ta' politika marbutin mal-baħar. Skont il-Pjan ta' Azzjoni ppubblikat f'Ottubru 2007, il-Kummissjoni diġà ressqet pakkett ta' proposti biex, pereżempju, tagħti spinta lir-riċerka marittima u l-iżvilupp fil-portijiet tal-UE, tippromwovi l-ippjanar tal-ispazju marittimu u spazju tat-trasport marittimu mingħajr konfini, u biex iżżid il-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta. Proposti oħra identifikaw strateġiji biex isir adattament għat-tibdil fil-klima, jipprovdu appoġġ għal min jaħdem fuq il-baħar u għall-ħaddiema tat-trasport marittimu, jew biex jitfasslu approċċi għal tmexxija marittima integrata. Fis-settur tas-sajd, il-Kummissjoni ressqet leġiżlazzjoni ġdida biex tikkumbatti s-sajd illegali, biex ittejjeb il-kontroll u l-inforzar u varat ukoll eżerċizzju ta' kosultazzjoni mifrux madwar l-UE dwar ir-riforma fundamentali tal-Politka Komuni tas-Sajd. Links Siewja Jum Marittimu: http://ec.europa.eu/maritimeday Avvenimenti għal partijiet interessati li se jsiru apparti f'Ruma: http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/maritimeday/side_events_en.html Avvenimenti għal partijiet interessati li se jsiru fl-Istati Membri:http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/maritimeday/events_in_member_states_en.html Dikjarazzjoni Konġunta Tripartitika ta' Mejju 2008: http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/pdf/maritime_policy_action/20080520_original-signatures-declaratio_en.pdf MEMO/09/240