IP/09/ 910 Brussell, it-12 ta’ Ġunju 2009 Il-kliem ikattar l-għarfien: Kompetizzjoni tal-UE għall-ġurnalisti dwar id-diskriminazzjoni u d-diversità Ħmistax fil-mija tal-Ewropej iħossu li saret xi diskriminazzjoni magħhom – din hija raġuni tajba biex il-Kummissjoni Ewropea, għas-sitt sena konsekuttiva, tiftaħ il-kompetizzjoni tagħha għall-ġurnalisti bit-tema "Għad-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni." Il-kompetizzjoni bi premju hija miftuħa kemm għall-ġurnalisti tal-istampa kif ukoll għal dawk li jxandru fuq l-internet. Hija sservi ta' vetrina għat-talenti ta' dawk il-professjonisti tal-mezzi tal-massa li b'kitbiethom jikkontribwixxu għal fehim aħjar tal-benefiċċji tad-diversità u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età, orjentazzjoni sesswali, razza jew oriġini etnika. Il-kompetizzjoni ta' din is-sena tinkludi kategorija speċjali għall-artikli li jiffokaw fuq ir-rabta bejn il-faqar u d-diskriminazzjoni. Il-Kummissarju Ewropew għall-Opportunitajiet Indaqs Vladimír Špidla qal li "id-Diskriminazzjoni tirrappreżenta l-ħala tat-talent u ċ-ċaħda tad-drittijiet fundamentali." "Dan mhux il-mument li nnaqqsu l-isforzi tagħna biex niġġieldu lil dan il-flaġell. Għall-kuntrarju, neħtieġu r-riżorsi umani kollha biex negħlbu l-kriżi u nreġġgħu l-ekonomija tal-Ewropa fit-triq it-tajba. Din il-kompetizzjoni, li issa qegħda ssir għas-sitt sena, tgħin biex tqajjem l-għarfien dwar id-dritt ta' trattament indaqs għal kulħadd filwaqt li sservi ta' wirja tat-talent ġurnalistiku fl-Ewropa." Il-kompetizzjoni hija mmirata lejn il-ġurnalisti Ewropej li, permezz ta' xogħolhom, iqajmu l-għarfien dwar in-numru kbir ta' każi ta' diskriminazzjoni li jolqtu lin-nies fl-UE, kemm fil-postijiet tax-xogħol kif ukoll fil-ħajja ta' kuljum. Tagħmel parti mill-kampanja komunikattiva tal-Kummissjoni Ewropea “Għad-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni.” li tippromwovi d-diversità u t-tixrid ta' tagħrif aħjar dwar id-drittijiet kontra d-diskriminazzjoni fl-Ewropa kollha. Il-kompetizzjoni bi premju hija organizzata bi sħab mal-Assoċjazzjoni ta' Ġurnalisti Ewropej, L-Istampa Żagħżugħa Ewropea, u ċ-Ċentru Ġurnalistiku Ewropew. Ir-rebbieħa tas-sena li għaddiet kienu mill-ġurnal Franċiż Le Monde u l-gazzetta nazzjonali ta' kuljum Daniża, Jyllands-Posten . L-istudju Media4Diversity ippubblikat dan l-aħħar semma l-Premju Ġurnalistiku bħala eżempju ta' prassi tajba li turi “l-effett qawwi tal-inċentivi mibdijin mill-komunità li tfassal il-politika permezz tal-inizjattivi – flimkien mal-miżuri li jagħtu l-fondi għalihom”. Huma eliġibbli biex jieħdu sehem fil-kompetizzjoni l-artikli ppubblikati fl-UE bejn it-30 ta' Novembru 2008 u l-31 ta' Awwissu 2009, kemm dawk stampati kif ukoll dawk li ġew ippubblikati fuq l-internet. Ir-reġistrazzjonijiet isiru fuq http://journalis t award.stop-discrimination.info . Fi tmiem i l-perjodu tar-reġistrazzjoni, jinġabru għadd ta' ġuriji nazzjonali fis-27 Stat Membru tal-UE biex jagħżlu l-artikli rebbieħa. Ġurija Ewropea mbagħad tagħżel l-aħjar tliet artikli u r-rebbieħ/a tal-Premju Ġurnalistiku Ewropew minn fost is-27 rebbieħa nazzjonali. Ir-rebbieħ/a tal-ewwel premju jirċievi/tirċievi EUR 4 500, it-tieni u t-tielet premijiet huma ta' EUR 3 000 u EUR 2 000 rispettivament. Kif sar fis-snin ta' qabel, se jingħata wkoll premju speċjali. Din is-sena, qabel it-tnehdija tas-Sena Ewropea 2010 għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, ikun hemm premju għall-artikli li jiffokaw fuq id-diskriminazzjoni u l-faqar. Biex jiġu kkunsidrati għal dan il-premju speċjali, l-artikli jridu jkunu jiffokaw fuq is-suġġett ta' kif id-diskriminazzjoni, imsejsa fuq raġunijiet ta' oriġini razzjali jew etniku, ta' reliġjon jew twemmin, ta' età jew orjentazzjoni sesswali, tista' twassal għall-faqar, jew kif il-faqar jista' jwassal għad-diskriminazzjoni. Ir-rebbieħ/a ta' dan il-Premju Speċjali jingħata/tingħata EUR 2 500. Il-Kummissjoni Ewropea għandha d-determinazzjoni li teqred id-diskriminazzjoni fis-suriet kollha tagħha. Il-Premju Ġurnalistiku huwa wieħed minn diversi inizjattivi tal-UE li jippromwovu bidla fl-attitudnijiet u fl-imġieba biex jinkiseb dan il-għan importanti. Għal aktar informazzjoni http://journalistaward.stop-discrimination.info http://www.stop-discrimination.info/361.0.html Special Eurobarometer 296 : Discrimination in the European Union – Perceptions, Experiences and attitudes