IP/09/951 Brussell, is-18 ta’ Ġunju 2009 Sejħa tal-Kummissjoni Ewropea għal governanza miftuħa, indipendenti u responsabbli tal-internet Il-Kummissjoni Ewropea, il-fergħa eżekuttiva tal-Unjoni Ewropea, illum sejħet, f'dokument strateġiku, għal aktar trasp arenza u responsabbiltà multilaterali fil-governanza tal-internet. Preżentament hemm 1.5 biljun utent tal-internet madwar id-dinja, li 300 miljun minnhom jinsabu fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Attwalment, entità privata bbażata fl-Istati Uniti, - Internet Corporation for Assigned Names and Numbers ( ICANN ), hija responsabbli għall-koordinazzjoni ta' elementi ewlenin tal-internet Il-Kummissjoni taqbel li l-kumpanijii privati għandhom jibqgħu minn ta' quddiem fil-ġestjoni ta' kuljum tal-operati tal-internet, dejjem sakemm ikunu responsabbli għal għemilhom u indipendenti. Il-Kummissjoni temmen ukoll li d-deċiżjonijiet dwar l-internet, speċjalment dawk dwar il-ftuħ u s-sigurtà, għandhom jittieħdu b'mod trasparenti u responsabbli għaliex jaffettwaw lil kulħadd madwar id-dinja. Attwalment l-ICANN topera skont Ftehim ta' Proġett Konġunt mad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti li jiskadi fit-30 ta' Settembru 2009. Fil-fehma tal-Kummissjoni Ewropea, il-ftehimiet ta' governanza tal-internet fil-ġejjieni għandhom jirriflettu r-rwol ewlieni li n-netwerk globali sar għandu għall-pajjiżi kollha. Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja qalet: "Il-Korporazzjoni tal-Internet għal Ismijiet u n-Numri Assenjati qed tersaq lejn punt storiku fl-iżvilupp tagħha. Se ssir organizzazzjoni indipendenti għal kollox, responsabbli għall-Komunità globali tal-internet? L-Ewropej jistennew li jsir hekk, u aħna ser nistinkaw għal dan. Nitlob lill-Istati Uniti jaħdmu flimkien mal-Unjoni Ewropea biex dan jinkiseb." Bl-iskadenza tal-Ftehim ta' Proġett Konġunt bejn l-ICANN u l-gvern tal-Istati Uniti mistennija f'Settembru 2009, il-Kummissjoni illum stqarret li din l-inizjattiva tas-settur privat għandha tkompli bit-tmexxija tagħha, iżda għandha topera fi ħdan linji gwidi ċari definiti permezz ta' djalogu internazzjonali. Pereżempju, jekk l-ICANN tikkontrolla l-introduzzjoni tal-ismijiet tad-domain personalizzat (li jippermetti lil websajt tibdel ".com" ma' ".kollox"), għandha tistabbilixxi linji gwida ċari u topera b'mod miftuħ. L-UE temmen ukoll li l-ftehimiet ta' governanza tal-internet fil-ġejjieni għandhom jissodisfaw il-prinċipji ewlenin, partikolarment ir-rispett għad-drittijiet umani u l-libertà ta' espressjoni kif ukoll il-ħtieġa ta' preservazzjoni ta' stabbiltà u sigurtà tal-internet. F'Komunikazzjoni intitolata 'Il-governanza tal-internet: il-passi li jmiss', il-Kummissjoni llum għamlet proposti biex il-governanza tal-internet tkun aktar miftuħa, trasparenti u inklużiva. Għan ewlieni huwa dak tarresponsabbiltà – li jinkludi kemm ir-responsabbiltà interna (l-entitajiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-organizzazzjonijiet ġenerali tal-ICANN) kif ukoll dik esterna (responsabbiltà multilaterali li tinvolvi lill-pajjiżi kollha tad-dinja) Dan ifisser ukoll li dawk affettwati minn deċiżjonijiet ta' korpi ta' governanza għandu jkollhom il-possibiltà li jappellaw quddiem tribunal indipendenti. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li n-netwerk għandu jitmexxa minn entitajiet privati skont prinċipji maqbula minn awtoritajiet pubbliċi iżda mingħajr l-interferenza tal-gvern fl-operazzjonijiet ta' kuljum. Il-gvern tal-Istati Uniti huwa l-uniku entità li qatt kellha kontroll formali tal-politiki u l-attivitajiet tal-ICANN sa mill-bidu tagħha fl-1998. Hekk kif issa qed jintemm il-Ftehim ta' Proġett Konġunt, il-Kummissjoni temmen li l-ICANN għandha ssir universalment responsabbli , mhux għal gvern wieħed biss iżda għall-komunità globali tal-internet. Dan hu partikolarment rilevanti meta wieħed iqis li l-biljun utent tal-internet li jmiss se jiġu primarjament mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw Illum il-Kummissjoni stqarret li l-UE għandha tibda d-diskussjonijiet mas-sħab internazzjonali dwar dawn il-kwistjonijiet, partikolarment dwar kif ittejjeb ir-reżistenza tal-internet kontra falliment aċċidentali jew attakk deliberat. Il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-politika jridu jaffermaw mill-ġdid l-inizjattiva privata u jiżguraw li l-internet jibqa' magna ta' innovazzjoni, ta' libertà tal-kelma u ta' żvilupp ekonomiku. Sfond L-UE minn dejjem kienet minn ta' quddiem fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-governanza tal-internet. Partikolarment, l-UE kienet involuta fit-twaqqif tal-ICANN fl-1988. Intlaħaq qbil bejn il-gvernijiet, is-settur privat u s-soċjetà ċivili dwar għadd ta' prinċipji importanti dwar kif jeħtieġ li jiġi ġestit u kkoordinat l-internet fl-interess tal-pubbliku fil-kuntest tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni bejn 2003 u l-2005. Il-ħtieġa li jiġu żgurati s-sigurtà u l-istabbiltà tal-internet kienet prijorità ewlenija li l-UE stinkat għalija, kif kienet il-ħtieġa għal tmexxija tas-settur privat u li jkun hemm involviment inklussiv b'mod sħiħ ta’ diversi partijiet interessati fit-tfassil ta' politika ewlenija. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Il-governanza tal-Internet:" il-passi li jmiss" hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/information_society/policy/internet_gov/index_en.htm Il-Kummissarju Viviane Reding riċentament spjegat il-viżjoni tagħha għal ġejjieni tal-governanza tal-internet f'messaġġ permezz ta' filmat (ara IP/09/696 ): http://ec.europa.eu/commission_barroso/reding/video/text/message_20090504.pdf Illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat ukoll il-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar evoluzzjoni importanti oħra tal-internet – 'l-Internet tal-oġġetti': ara  IP/09/952 . Annex Growth of Internet users by regions of the world 1990-2008, in millions of users Source: International Telecommunication Union