IP/09/ 954 Brussell, 18 ta’ Ġunju 2009 Kompetizzjoni fl-UE għal logo għall-prodotti organiċi: id-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni tal-logos titressaq għas-6 ta’ Lulju 2009 Fl-aħħar ftit ġranet qabel id-data ta’ skadenza, id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni Ewropea qed jagħmel l-aħħar sejħa għall-kompetizzjoni fl-UE kollha kemm hi għal logo għall-prodotti organiċi. L-istudenti tad-disinn mis-27 Stat Membru tal-UE qed jiġu mistiedna jippreżentaw id-disinji tagħhom, biċ-ċans li jirbħu premjijiet kbar ta’ flus u li jiksbu fama bħala d-disinjaturi li ħolqu l-logo uffiċjali l-ġdid tal-UE għall-prodotti organiċi. Ġie deċiż li l-aħħar data li fiha jistgħu jsiru r-reġistrazzjonijiet tkun is-6 ta' Lulju 2009. Fil-kompetizzjoni għal logo uffiċjali tal-UE għall-prodotti organiċi jistgħu jipparteċipaw iċ-ċittadini kollha tal-UE ta’ kull età li huma reġistrati f'istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ta’ livell għoli fl-arti jew disinn u li jinsabu fl-UE jew dawk iċ-ċittadini li dan l-aħħar kisbu gradi universitarji f’suġġetti rilevanti. Din il-kompetizzjoni ta’ disinn diġà rnexxiela tikseb għadd kbir ta’ applikazzjonijiet minn fost is-27 Stat Membru tal-UE. Sal-lum, din l-isfida ntlaqgħet minn aktar minn 500 student li ppreżentaw id-disinji uniċi u kreattivi ħafna tagħhom li jissombilizzaw l-ikel organiku u l-agrikoltura organika tal-Ewropa. Minħabba li d-data ta’ skadenza se tiżdied b'ħamest ijiem, aktar studenti se jingħataw iċ-ċans li jipparteċipaw u jippreżentaw id-disinji tagħhom. l-applikazzjonijiet jistgħu jittellgħu fuq il-websajt speċifiku tal-kompetizzjoni www.ec.europa.eu/organic-logo . Inħatret ġurija internazzjonali, magħmula minn esperti fl-agrikoltura u l-produzzjoni organika u minn disinjaturi professjonali magħrufa, biex tevalwa l-applikazzjonijiet kollha li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kompetizzjoni. Fost il-membri magħrufin ħafna tal-ġurija nsibu lil Riitta Brusila-Räsänen , Professur tad-Disinn Grafiku mill-Università ta’ Lapland (il-Finlandja); il-Professur Erik Spiekermann mill-Ġermanja, Duttur Onorarju, Direttur Kreattiv u Sieħeb fit-Tmexxija; Elisabeth Mercier , minn Franza, Direttur tal-Aġenzija BIO; Urs Niggli , mill-Iżvizzera, Direttur tal-Istitut ta’ Riċerka dwar l-Agrikoltura Organika (FiBL); Szymon Skrzypczak , disinjatur żagħżugħ Pollakk u rebbieħ ta’ premjijiet; Tom Václavík , mir-Repubblika Ċeka, espert tal-marketing għal prodotti organiċi u President tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta’ Bejjiegħa ta’ Prodotti Organiċi; u Craig Sams , mir-Renju Unit, li huwa l-President taċ-Chair of the Soil Association. Rob Vermeulen , li kien il-president tal- Pan-European Brand Design Association se jippresedi lill-ġurija tal-kompetizzjoni. Il-proġetti preżentati se jiġu ġġudikati fuq kemm jappellaw għal kulħadd, fuq kemm jinftiehmu mingħajr l-użu ta’ kliem, fuq iċ-ċarezza tal-preżentazzjoni tagħhom u fuq kemm idumu jgħoddu għaż-żminijiet. Wara li fl-aħħar laqgħa uffiċjali tal-ġurija, li għandha ssir fl-20 ta’ Lulju 2009, jintgħażlu l-aktar logos oriġinali u li jolqtu l-għajn, dawn il-logos jintwerew fuq il-websajt tal-kompetizzjoni www.ec.europa.eu/organic-logo . Element li jagħti laqta aktar eċċitanti lil din il-kompetizzjoni hu li ċ-ċittadini Ewropej kollha jkollhom iċ-ċans jiddeċiedu min ikun ir-rebbieħ tagħha billi fl-aħħar tas-sena jivvutaw permezz tal-internet. Jintgħażlu tliet rebbieħa ta’ premjijiet. Ir-rebbieħ(a) tal-ewwel premju, minbarra li l-logo tiegħu/tagħha jintgħażel bħala d-disinn li għandu jintuża fuq il-prodotti organiċi tal-UE, jingħata/tingħata wkoll premju ta’ €6 000 fi flus. It-tieni u t-tielet premju huma ta’ €3 500 u €2 500  rispettivament. Ir-rebbieħa jitħabbru f’Lulju 2010 u jiġu mistiedna għaċ-ċerimonja tal-għoti ta’ premjijiet li se ssir fi Brussell, fejn jirċievu l-premjijiet tagħhom mill-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. Tagħrif ieħor dwar il-logo il-ġdid tal-UE għall-prodotti organiċi. Il-Kummissjoni Ewropea trid li jkollha logo ġdid għall-prodotti organiċi ppakkjati bil-lest li joriġinaw mis-27 Stat Membru tal-UE, u li jkunu konformi mal-istandards ta' produzzjoni kif definiti mill-UE. Il-logo il-ġdid tal-UE għall-prodotti organiċi se jibda jintuża minn Lulju 2010, u se jkun obbligatorju għall-prodotti organiċi ppakkjati bil-lest li joriġinaw mis-27 Stat Membru u li jkunu konformi mal-istandards tat-tikkettar. Barra minn hekk, il-logo tal-UE jista’ jintuża fuq bażi volontarja għall-prodotti organiċi mhux ippakkjati bil-lest kollha li joriġinaw mill-UE jew li jiġu importati minn pajjiżi terzi.