IP/09/967 Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2009 It-twettiq elettroniku ta’ proċeduri amministrattivi: il-Kummissjoni Ewropea se tagħti spinta lis-servizzi transkonfinali permezz ta’ teknoloġija aġġornata Il-Kummissjoni Ewropea sejra tissieħeb fil-finanzjament ta’ proġett immexxi mill-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Olanda u l-Polonja biex jgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jtejbu s-servizzi elettroniċi tagħhom għas-settur tas-servizzi. Sa tmiem l-2009, kull Stat Membru tal-UE se jkun stabbilixxa punti uniċi ta’ kuntatt li permezz tagħhom il-kumpaniji jkunu jistgħu jwettqu proċeduri amministrattivi elettronikament. Minbarra li, pereżempju, iħalli lil fornitur ta’ servizzi mill-Belġju jlesti onlajn il-formalitajiet kollha meħtieġa biex ikun jista’ jiftaħ kafè fl-Olanda, il-proġett pilota se jkompli jaħdem biex itejjeb il-kwalità tal-proċeduri elettroniċi. Fuq tul ta’ tliet snin, se jsir investiment ta’ aktar minn €14-il miljun fil-proġett pilota, b’nofs dan l-ammont ġej mill-Programm tal-UE għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni. “ L-investiment fl-aktar teknooloġiji avvanzati tal-informazzjoni huwa l-aqwa għodda biex ngħinu l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, u biex lin-negozji niffaċilitawlhom l-aċċess għas-swieq fl-Istati Membri l-oħra ,” qalet Viviane Reding, il-Kummissarju għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja. “Bl-għoti ta’ servizzi onlajn, u mingħajr wisq burokrazija, in-negozji Ewropej se jkunu jistħu jespandu lejn swieq ġodda, u b’hekk ikabbru l-kummerċ fi ħdan l-UE. Ir-riżultati ta’ dan se jikkontribwixxu għal aktar tkabbir u impjiegi fis-suq uniku. " Is-servizzi huma l-fattur ewlieni li qed jimbotta t-tkabbir ekonomiku u jkattar l-impjiegi fl-UE: jirrappreżentaw 70 % tal-PGD tal-Ewropa. F’dawn l-aħħar snin, kienu s-sors ta’ 95 % tal-imjpiegi kollha li nħolqu. Filwaqt li l-prodotti diġà jinsabu fil-kummerċ ħieles fl-UE, is-Suq Intern tas-Servizzi għadu ma laħaqx il-potenzjal sħiħ tiegħu. Xkiel legali u amministrattiv lill-fornituri ta’ servizzi għadu jagħmilhielhom diffiċli li jistabbilixxu rwieħhom f’pajjiżi oħra, jew li jagħmlu kummerċ transkonfinali. Il-proġett pilota, imniedi mill-Kummissjoni Ewropea f’ħidma mal-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Olanda u l-Polonja, se jiżviluppa soluzzjonijiet tekniċi ġodda biex itejjeb il-kwalità tas-servizzi elettroniċi transkonfinali mogħtija mill-amministrazzjonijiet pubbliċi. Sa tmiem l-2009, f’kull Stat Membru se jinħoloq punt ta’ kuntatt fejn il-kumpaniji jkunu jistgħu jlestu l-proċeduri u l-formalitajiet kollha f’post wieħed. Abbażi ta’ dawn il-punti ta’ kuntatt, il-proġett pilota huwa maħsub biex l-approċċi differenti mħaddma fil-pajjiżi tal-UE jagħmilhom kompatibbli ma’ xulxin. Se jġib ‘il quddiem l-użu ta’ servizzi elettroniċi u l-iżvilupp ta’ rekwiżiti komuni, jistabbilixxi standards komuni għat-tranżazzjonijiet sikuri fl-UE kollha kemm hi, u jkompli jiżviluppa fuq is-sisien tal-aħjar prattika, speċifikazzjonijiet miftuħa u soluzzjonijiet ta’ użu faċli. Sfond: Il-proġett pilota, bl-isem "Simple Procedures Online for Cross-border Services" (SPOCS, Proċeduri Sempliċi Onlajn għas-Servizzi Transkonfinali), huwa proġett pilota fuq skala wiesgħa li wieħed mill-fundaturi tiegħu kien il-Proġett ta’ Appoġġ għall-Politika tal-ICT, li jistimula l-innovazzjoni u l-kompetittività permezz tat-twessigħ tal-adozzjoni u l-aħjar użu tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni miċ-ċittadini, l-azjendi u l-gvernijiet. Il-programm huwa parti mill-Programm tal-UE għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, li għandu l-għan li jinkoraġġixxi l-kompetittività tal-impriżi Ewropej u li għandu baġit ta’ aktar minn €3.6 biljun għaż-żmien mill-2007 u l-2013 ( IP/05/391 ). Skont id-Direttiva tal-UE dwar is-Servizzi , sa tmiem l-2009, l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jistabbilixxu punti uniċi ta’ kuntatt li permezz tagħhom il-fornituri ta’ servizzi jkunu jistgħu faċilment jiksbu t-tagħrif kollu rilevanti u jlestu l-proċeduri kollha meħtieġa elettronikament, bla ma jkollhom joqogħdu jikkuntattjaw diversi entitajiet amministrattivi jew professjonali. Il-proġetti pilota ta’ skala wiesgħa jmexxuhom il-pajjiżi parteċipanti, u jiffukaw fuq li jrawmu soluzzjonijiet imsejsa fit-teknoloġija għas-servizzi transkonfinali fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Jiġu varati biex jinstabu speċifikazzjonijiet komuni li jistgħu jiżviluppaw u jinfirxu aktar, biex b’hekk soluzzjonijiet nazzjonali differenti jkunu jistgħu jikkomunikaw u jinteraġixxu ma’ xulxin, b’tali mod li ċ-ċittadini u l-azjendi jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji kollha tas-S Uniku. Il-proġett jissejjes fuq ix-xogħol li wettquh qabel proġetti oħra ta' skala wiesgħa, li liċ-ċittadini Ewropej iħalluhom jużaw l-identità elettronika tagħhom u jutilizzaw is-servizzi pubbliċi jkunu fejn ikunu fl-Ewropa, ( IP/08/824 ) kif ukoll proġett li lill-azjendi jħallihom jikkompetu onlajn għal kuntratti tas-settur pubbliku mal-Ewropa kollha kemm hi ( IP/08/785 ). Fl-2008, il-Kummissjoni varat ukoll il-proġett Servizzi Intelliġenti Miftuħa (SOS, Smart Open Services) fuq il-qsim transkonfinali tal-informazzjoni medika ( IP/08/1075 ). Gvern-e: http://ec.europa.eu/egovernment Proġett ta’ Appoġġ għall-Politika tal-ICT http://ec.europa.eu/information_society/activities/ict_psp Programm tal-UE għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni http://ec.europa.eu/cip/index_en.htm Direttiva talk-UE dwar is-Servizzi: http://ec.europa.eu/internal_market/services/services-dir/index_en.htm