IP/09/1021 Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2009 Il-kampanja ‘Milk – Drink it up’ (‘Ixorbu l-Ħalib!’) għaddejja ġmielha : Il-Kummissarju Ewropew Mariann Fiscer Boel tħabbar ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni tal-fotografija ‘Il-qawwa tal-ħalib!’ Mariann Fischer Boel, membru tal-Kummissjoni Ewropea li tieħu ħsieb l-Agrikoltura u l-Iżvilupp rurali, illum ħabbret it-tliet rebbieħa tal-kompetizzjoni ‘Il-Qawwa tal-ħalib’ waqt żjara li għamlet fi skola ġewwa Pariġi. Din il-kompetizzjoni hija parti mill-kampanja Ewropea ‘Milk – Drink it up’ (‘Ixorbu l-ħalib!’) li l-għan tagħha hu li tgħarraf lill-Ewropej fuq il-benefiċċji li wieħed jikseb jekk jikkonsma l-ħalib u prodotti tal-ħalib bħala alternattiva tajba favur is-saħħa għal ikel u xorb ieħor b’valur nutrittiv baxx. ‘Illum l-ikel tagħna mhux biss jaffettwa l-istat fiżiku tagħna iżda wkoll dak mentali. It-22 miljun żagħżugħ u żagħżugħa fl-Ewropa li għandhom problema ta' piż żejjed jew obeżità jistgħu jixhdu dan . L-Unjoni Ewropea diġà ddedikat iktar minn EUR 55 miljun biex tiffinanzja l-programm Ewropew ta’ din is-sena ‘Il-Ħalib għall-iskejjel’, fissret il-Kummissarju Fischer Boel. ‘Il-kompetizzjoni tal-fotografija hija parti mill-isforzi tagħna ta’ sensibilizzazzjoni favur l-ikel tajjeb fost it-tfal u l-adolexxenti. Għal dan il-għan, jiena ninsab tassew kuntenta li qed nara tant żgħażagħ juru l-bravura kreattiva tagħhom biex juruna kemm għandhom għal qalbhom il-prodotti tal-ħalib.‘ Ir-ritratti li li ntagħżlu minn fuq l-internet minn utenti madwar l-UE kollha ġew ippreżentati mill-Kummissarju fl-okkażjoni taż-żjara tagħha fl-iskola tal-furnara ġewwa Pariġi. Il-kompetizzjoni tal-fotografija ‘Il-Qawwa tal-ħalib’ qajjmet il-kreattività taż-żgħażagħ Ewropej dwar it-tema tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib. 710 żagħżugħ u żagħżugħa fotografi kkontestaw għal wieħed mill-iktar premijiet attraenti – console Wii Sport – li jagħtihom il-possilbiltà jikkombinaw l-attività fiżika fil-famija u l-interess għat-teknoloġija. Ir-rebbieħa kuntenti huma Benedek Horvath, Andrea Cremona u Teresa Videva . Din iż-żjara ġewwa Pariġi hija parti mill-kampanja ‘Drink it up!’ fejn il-Kummissarju għall-Agrikultura ħadet sehem tul dawn l-aħħar xhur f’bosta workshops flimkien maż-żgħażagħ sabiex iħejju ikliet friski u bbilanċjati abbażi ta’ prodotti tal-ħalib, frott u ħaxix. L-obeżità: fenomenu li qed jiżdied fl-Ewropa L-ikel bnin huwa wieħed mill-fatturi ewlenin attwali ta’ tħassib li jirrigwarda liż-żgħażagħ u l-obeżità u partikularment minħabba tendenza li tibqa’ fattur ta’ tħassib – bejn 20 % u 35 % tat-tfal u adolexxenti Ewropej għandhom din il-problema, skont Stati Membri differenti. Sabiex titratta din il-kwistjoni, l-Unjoni Ewropea diġà immobilizzat iktar minn EUR 55 miljun għall-programm Ewropew 'Il-Ħalib għall-iskejjel' matul is-sena skolastika li waslet biex tintemm, u barra minn hekk huma previsti EUR 90 miljun għas-sena skolastika li jmiss għall-programm ‘Frott u Ħaxix għall-iskejjel’. Il-miżuri Ewropej huma ta’ appoġġ finanzjarju u pedagoġiku u l-għan tagħhom hu li jgħinu lit-tfal biex jiksbu malajr id-drawwiet tajbin ta’ ikel bnin u biex jieħdu sehem f’attivitajiet fiżiċi li jistgħu jikkontribwixxu ħafna sabiex iħarsuhom minn problemi ta’ saħħa bħalma huma r-riskji ta’ mard kardjovaskulari, id-dijabete u f'età iktar avvanzata, każijiet ta’ mard ċerebrali. Iktar tagħrif fuq il-programmi Ewropej It-tagħrif kollu li jirrigwarda l-programm Ewropew ‘Il-Ħalib għall-iskejjel’ huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku http://www.drinkitup.europa.eu/ Biex tkun taf dwar il-programm il-ġdid ‘Frott u Ħaxix għall-iskejjel’   : http://ec.europa.eu/agriculture/markets/fruitveg/sfs/index_en.htm Għal tagħrif ulterjuri fuq il-politika tan-nutrizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, araw is-sit : http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/nutrition/nutrition_en.htm