IP/09/1060 Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2009 Il-Kummissjoni tappella għal Ewropa Ħielsa mid-Dħaħen tas-Sigaretti sal-2012 Wara konsultazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni Ewropea llum adottat proposta għal Rakkomandazzjoni mill-Kunsill li tappella lill-Istati Membri kollha biex jadottaw leġiżlazzjoni li tħares iċ-ċittadini tagħhom mill-esponiment għad-dħaħen tas-sigaretti sal-2012. It-tabakk jibqa’ l-akbar kawża prinċipali ta’ mewt prematura u ta’ mard fl-Unjoni Ewropea. Skont stimi konservattivi, 79 000 adult, inkluż 19 000 li ma jpejpux, mietu fl-UE-25 fl-2002 minħabba esponiment għad-dħaħen tas-sigaretti fid-dar (72 000) u fuq il-post tax-xogħol tagħhom (7 300). Il-Kummissarju tal-UE responsabbli mis-Saħħa, Androulla Vassiliou, stqarret: “Nemmen b’qalbi kollha li kull ċittadin Ewropew jistħoqqlu jitħares b’mod sħiħ mid-dħaħen tas-sigaretti. Jeżisti sostenn kbir min-naħa tal-pubbliku ġenerali u se naħdmu flimkien mal-Istati Membri sabiex dan isir realtà. “ Bħalissa hemm għaxar pajjiżi tal-UE li għandhom fis-seħħ liġijiet komprensivi rigward il-ħarsien kontra d-dħaħen tas-sigaretti. Fir-Renju Unit u fl-Irlanda jeżistu l-aktar dispożizzjoniiet b’saħħithom kontra d-dħaħen tas-sigaretti, bi projbizzjoni totali fuq it-tipjip f'bini pubbliku fil-magħluq, fuq it-trasport pubbliku u fuq il-postijiet tax-xogħol. Il-Bulgarija hija mistennija tagħmel l-istess fl-2010. Stħarriġ reċenti tal-Eurobarometer jissuġġerixxi li l-politiki dwar il-ħarsien mid-dħaħen tas-sigaretti qegħdin jiksbu dejjem aktar popolarità, b'84 % tal-Ewropej isostnu uffiċċji u postijiet oħra fil-magħluq ħielsa mid-dħaħen tas-sigaretti; 77 % huma favur restoranti ħielsa mid-dħaħen tas-sigaretti, u 61 % jsostnu l-idea ta’ bars u pubs ħielsa mid-dħaħen tas-sigaretti. Ir-Rakkomandazzjoni dwar il-Ħarsien mid-Dħaħen tas-Sigaretti Ir-Rakkomandazzjoni tappella lill-Istati Membri biex jaġixxu fuq tliet fronti ewlenin: Jadottaw u jimplimentaw liġijiet biex iħarsu b’mod sħiħ iċ-ċittadini tagħhom mill-esponiment għad-dħaħen tas-sigaretti f’bini pubbliku fil-magħluq, fuq il-post tax-xogħol u fuq it-trasport pubbliku, kif stipulat fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk, fi żmien tliet snin mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni. Isaħħu l-liġijiet dwar il-ħarsien mid-dħaħen tas-sigaretti b'miżuri ta' sostenn, bħalma huma dawk dwar il-ħarsien tat-tfal, sforzi ta' inkoraġġiment biex wieħed jaqta' t-tipjip, u twissijiet permezz ta’ immaġni fuq il-pakketti tas-sigaretti. Isaħħu l-koperazzjoni fil-livell tal-UE billi jistabbilixxu netwerk ta’ punti nazzjonali ta’ ffukar għall-kontroll tat-tabakk. Kemm hemm pajjiżi li diġà għandhom politiki dwar il-ħarsien mid-dħaħen tas-sigaretti? L-Istati Membri kollha għandhom xi forma ta’ regolament immirat lejn it-tnaqqis tal-esponiment għat-tipjip indirett u l-effetti ta’ ħsara tiegħu fuq is-saħħa. L-ambitu u l-karattru ta’ dawn ir-regolamenti jvarja. Sal-lum, hemm għaxar Stati Membri li jipprovdu għal ħarsien komprensiv mill-esponiment għad-dħaħen tas-sigaretti. Il-projbizzjonijiet totali fuq it-tipjip fil-bini pubbliku kollu fil-magħluq u fuq il-postijiet kollha tax-xogħol fil-magħluq, inklużi l-bars u r-restoranti, huma fis-seħħ fl-Irlanda u fir-Renju Unit. Projbizzjoni simili hija mistennija tidħol fis-seħħ fil-Bulgarija f’Ġunju 2010. L-Italja, Malta, l-Iżvezja, il-Latvja, il-Finlandja, is-Slovenja, Franza u l-Olanda introduċew leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien mid-dħaħen tas-sigaretti li jippermettu kmamar speċjali fil-magħluq, apposta għal min ipejjep. Madankollu, fl-Istati Membri l-oħrajn, iċ-ċittadini u l-ħaddiema għadhom mhumiex imħarsa għal kollox mill-esponiment għad-dħaħen tas-sigaretti fuq il-postijiet tax-xogħol fil-magħluq u fil-bini pubbliku fil-magħluq. L-isfond għall-politika tal-UE dwar il-ħarsien mid-dħaħen tas-sigaretti Fil-bidu tad-disgħinijiet, għadd ta’ Direttivi tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol stabbilixxew ċerti restrizzjonijiet dwar it-tipjip fuq ix-xogħol. Riżoluzzjoni tal-Kunsill (1989) u r-Rakkomandazzjoni dwar il-prevenzjoni tat-tipjip (2002) appellaw lill-Istati Membri sabiex jipprovdu ħarsien mill-esponiment għad-Dħaħen tat-Tabakk fl-Ambjent fuq il-postijiet tax-xogħol fil-magħluq, f’bini pubbliku fil-magħluq, u fuq it-trasport pubbliku. Barra mill-miżuri leġiżlattivi, il-kampanji tal-midja kontra t-tabakk: “Ħossok liberu li tgħid le” u “HELP Għal ħajja mingħajr tabakk” enfasizzaw, fost l-oħrajn, il-perikli tat-tipjip passiv. Fl-2007, il-Kummissjoni nediet dibattitu pubbliku dwar l-aħjar mod kif wieħed jippromwovi ambjenti ħielsa mid-dħaħen tas-sigaretti fl-UE permezz tal-Green Paper tagħha “Lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tas-sigaretti: għażliet ta’ politika fuq il-livell tal-UE”. Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk Il-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (l-FCTC) - l-ewwel trattat li qatt sar dwar is-saħħa pubblika - ġiet iffirmata mill-membri kollha tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u sal-lum ġiet ratifikata minn 164 Parti, inkluża l-Komunità u 26 mill-Istati Memebri tagħha. Il-KE tmexxi n-negozjati dwar il-protokoll tal-FCTC dwar il-kummerċ illegali tat-tabakk u għandha rwol attiv fil-proċess ta’ implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. F’Lulju 2007, it-Tieni Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni adottat linji gwida komprensivi dwar il-ħarsien mill-esponiment għat-tipjip indirett li jistabbilixxu "standard tad-deheb" biex jimxu miegħu il-Partijiet. Il-Komunità kkontribwiet għall-iżvilupp tal-linji gwida. Għal aktar tagħrif: Il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjent ħieles mid-dħaħen tas-sigaretti. http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/Tobacco/smoke_free_en.htm Ħarsa ġenerali lejn l-impenji tal-Kummissjoni dwar il-kontroll tat-tabakk: http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/Tobacco/tobacco_en.htm Il-Flash Eurobarometer dwar it-Tabakk (Flash N° 253): http://ec.europa.eu/health/ph_publication/eurobarometers_en.htm Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk http://www.who.int/fctc/en/ MEMO/09/307