IP/09/1070 Brussell, it-2 ta’ Lulju 2009 Faċilità mikrofinanzjarja ta' €100 miljun mill-UE biex tgħin lil dawk qiegħda jniedu negozji żgħar Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet li twaqqaf faċilità ġdida ta' mikrofinanzjament li tipprovdi mikrokreditu lin-negozji ż-żgħar u lil dawk li tilfu l-impjieg u jixtiequ jniedu negozji żgħar. Din ikollha baġit inizjali ta' €100 miljun, li jista' jqanqal l-ingranaġġ ta' aktar minn €500 miljun f'inizjattiva bi sħab mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, b'mod partikolari il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI). Il-faċilità l-ġdida hija waħda mill-azzjonijiet imħabbra fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni: ‘Impenn konġunt għax-xogħol’ nhar it-3 ta' Ġunju (ara IP/09/859 u MEMO/09/259 ) Fi kliem il-Kummissarju inkarigat mill-Impjiegi u l-Affarijiet So ċjali Vladimír Špidla, "Din is-sena, il-kriżi ekonomika se twassal għal telf ta' 3.5 miljun impjieg fl-UE. Il-kriżi finanzjarja nixxfet l-għajn ta' kreditu għal dawk li jixtiequ jniedu jew jiżviluppaw in-negozji tagħhom. Fir-riċessjoni li għaddejja bħalissa, irridu noffru bidu ġdid għal dawk qiegħda permezz ta' aċċess iktar faċli għall-kreditu sabiex dawn iwaqqfu jew isawru negozji ġodda. U rridu ngħinu lin-negozji ż-zgħar ħalli jiżviluppaw iktar minkejja l-kriżi. Dan għad jgħin biex jinħolqu impjiegi ġodda. L-UE tista' tipprovdi valur miżjud ta' veru billi timmassimmizza l-influwenza fil-kooperazzjoni mal-Grupp tal-BEI, biex b'hekk tagħti opportunità lil aktar nies sabiex jirrealizzaw il-ħolm tagħhom bħala intraprendituri." Id-daqqa 'l isfel li qalgħet l-ekonomija attwali feġġet fl-għamla ta' kriżi finanzjarja mqanqla minn problemi gravi ta' likwidità: il-banek ma komplewx isellfu lil xulxin u qagħdu lura wkoll milli jsellfu lin-nies sabiex jinvestu fin-negozju u joħolqu x-xogħol. Il-faċilità l-ġdida ta' mikrofinanzjament għandha l-għan li tagħmilha eħfef għal min, fl-isfond attwali ta' disponibilità ta' kreditu batuta, jaf isibha iebsa li jkollu aċċess għal fondi li jgħinuh iwaqqaf negozju. Il-ħaddiema li spiċċaw qiegħda jew jinsabu f'riskju ta' dan u li jridu jwaqqfu n-negozji tagħhom se jkollhom aċċess aħjar għall-fondi u jibbenefikaw minn miżuri addizzjonali ta' appoġġ bħal konsulenza, taħriġ u kkowċjar. Persuni żvantaġġati, fosthom iż-żgħażagħ, li jridu jniedu jew jiżviluppaw iktar in-negozji ż-żgħar tagħhom, jibbenefikaw ukoll minn garanziji u assistenza fit-tħejjija ta' pjan kummerċjali. Baġit inizjali ta' €100 miljun mistenni li jqanqal l-ingranaġġ ta' €500 miljun fi kreditu f'kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-Grupp tal-BEI. Dan jista' jwassal għal madwar 45,000 selfa tul perjodu sa tmien snin. Barra minn hekk, il-possibiltà li jiġu applikati ribassi fuq ir-rati tal-interess tas-self mill-Fond Soċjali Ewropew se jagħmilha eħfef għal dak li jkun sabiex ikollu aċċess għall-fondi. Fl-UE, mikrokreditu jfisser self li ma jisboqx il-€25,000. Dan huwa mfassal għal mikrointrapriżi, li jimpjegaw inqas minn għaxra min-nies (91 % tan-negozji Ewropej), u nies qiegħda jew nies mhux attivi li jixtiequ jaħdmu għal rashom imma ma għandhomx aċċess għas-servizzi bankarji tradizzjonali. 99 % tal-kumpaniji l-ġodda fl-Ewropa huma mikrointrapriżi jew intrapriżi żgħar u terz minnhom jitwaqqfu min-nies qiegħda. Il-proposta tal-Kummissjoni se tiġi diskussa skont il-proċedura tal-kodeċiżjoni mill-Istati Membri tal-UE fi ħdan il-Kunsill tal-Ministri (VMK: votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata) u l-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni tbassar li l-'Faċilità Mikrofinanzjarja ta’ Progress' il-ġdida tibda titħaddem fl-2010. Il-kuntest Bħala parti mir-rispons tal-UE għall-kriżi, il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa u s-Samit dwar l-Impjiegi li ttella' fi Praga f'Mejju identifikaw u ddefinixxew tliet prijoritajiet ewlenin: iż-żamma tal-impjiegi, il-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol u t-tħeġġiġ tal-mobilità. Biex tkompli ssawwar dan l-isforz komuni, fit-3 ta' Ġunju, il-Kummissjoni proponiet 'Impenn Konġunt għax-Xogħol' sabiex tagħti spinta lill-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri kif ukoll bejn l-imsieħba soċjali Ewropej rigward dawn it-tliet prijoritajiet. Il-proposta tal-lum hija waħda mill-inizjattivi msemmija fit-3 ta' Ġunju. Aktar tagħrif Proposta għal Faċilità Ewropea Mikrofinanzjarja u d-dokument mehmuż magħha. http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=547&furtherNews=yes Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impatt soċjali tal-kriżi. http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=736 Impenn Konġunt għax-Xogħol http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=514&furtherNews=yes