IP/09/1090 Brussell, is-6 ta' Lulju 2009 Il-President Barroso fil-laqgħa tal-G8 fl-Italja mit-8 sal-10 ta’ Lulju 2009: Infasslu tweġibiet sostenibbli għall-isfidi globali flimkien Il-President Barroso se jirrappreżenta lill-Kummissjoni għall-ħames darba fis-samit tal-G8, li din is-sena se jsir taħt il-presidenza Taljana f'L'Aquila (l-Italja). Il-mexxejja tal-G8 għandhom jindirizzaw b ’ mod partikolari l-ekonomija globali, il-kummerċ, it-tibdil fil-klima u l-enerġija, l-Afrika/l-iżvilupp u s-sigurtà tal-ikel. Mal-mexxejja tal-Iżvezja (li bħalissa għandha l-presidenza tal-Kunsill tal-UE), l-erba ’ membri l-oħra tal-G8 mill-Unjoni Ewropea (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, ir-Renju Unit) kif ukoll l-Istati Uniti, ir-Russja, il-Kanada, u l-Ġappun, il-President Barroso se jisħaq għal rispons internazzjonali kkoordinat għal sfidi komuni rigward l-ekonomija u l-kriżi finanzjarja, il-kummerċ, it-tibdil fil-klima u l-enerġija, l-iżvilupp/l-Afrika u s-sigurtà tal-ikel. Il-President Barroso qal: “Is-samit tal-G 8 ta’ din is-sena qed isir fi żminijiet partikolarment diffiċli. L-Ewropa assumiet rwol ta’ tmexxija fi sfidi li jvarjaw mis-supervi żjoni tas-swieq finanzjarji għall-politiki dwar klima sostenibbli sal-kummerċ dinji. Dan is-samit huwa l-mument għal iktar involviment u impenn. Jeħtieġ li malajr inwettqu r-riforma fis-sistema finanzjarja globali. Jeħtieġ nieħdu azzjoni deċiżiva biex inwaqqfu t-tibdil fil-klima. Hemm bżonn ukoll inġeddu u nwettqu l-impenji tagħna lejn dawk li huma l-ifqar fid-dinja.” Dwar it-tibdil fil-klima, hu mistenni li jsiru diskussjonijiet kemm fil-formazzjoni G8, kif ukoll fil-laqgħa tal-Forum tal-Ekonomiji Ewlenin. Il-President Barroso se jisħaq fuq l-importanza tax-xjenza u li jinżamm il-limitu ta’ 2C ta’ tlugħ fit-temperatura, u se jsejjaħ li jiġi affermat mill-ġdid it-tnaqqis ta’ mill-inqas 50% tal-emissjonijiet globali sal-2050. Barra minn hekk, il-pajjiżi żviluppati kollha għandhom ikunu lesti biex fl-istess perjodu jnaqqsu l-emissjonijiet b’mill-inqas 80% u mill-bidu jiżguraw kontribut sinifikanti lejn dan il-għan permezz ta’ tnaqqis sostanzjali sa nofs iż-żmien, bi sforzi komparabbli mill-pajjiżi żviluppati kollha. Dan imbagħad għandu jinkoraġġixxi d-dispożizzjoni ta’ ekonomiji emerġenti ewlenin sabiex jieħdu azzjoni biex flimkien inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom taħt il-livell li jkun hemm matul l-attività normali ta' xogħol. Għandu jenfasizza wkoll l-opportunitajiet ekonomiċi li jkun hemm jekk nimxu lejn ekonomija li tipproduċi emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Rigward is-sitwazzjoni ekonomika dinjija, il-President Barroso se jsejjaħ lill-G8 biex tibgħat sinjal qawwi li fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika għandha ssir reżistenza għal pressjonijiet protezzjonisti fir-relazzjonijiet ta' kummerċ u ta' investiment. Fid-dawl tal-impatt soċjali qawwi tal-kriżi attwali, se jsejjaħ lill-gvernijiet kollha sabiex “l-ewwel jikkunsidraw in-nies ” u sabiex ifasslu politiki soċjali u tax-xogħol li jgħinu biex jitħarsu n-nies u l-impiegi bil-għan li jiġi nkoraġġit l-irkupru ekonomiku u t-twaqqif ta’ qafas globali ġdid u ekwu. Għandu jagħmel pressjoni sabiex il-laqgħa ta’ L’Aquila tipprovdi momentum lejn konklużjoni mill-aktar fis tal-Aġenda ta’ Doħa għall-Iżvilupp. Il-President Barroso għandu finalment jenfasizza l-importanza kontinwa tas-sigurtà tal-ikel, fejn mill-aħħar laqgħa tal-G8 ’l hawn il-Kummissjoni qablet u bdiet timplimenta l-Faċilità tal-Ikel b’ EUR 1 biljun. Huwa jilqgħa bi pjaċir l-attenzjoni mġedda mis-sħab l-oħra tal-G8 għal din il-problema urġenti. F’termini ta’ parteċipazzjoni, is-samit tal-G8 ta’ din is-sena se jirrifletti r-rieda qawwija tal-mexxejja tal-G8 li jiżviluppaw id-djalogu mas-sħab globali tagħhom u li jrenduh parti integrali u importanti tas-samit filwaqt li jibnu pontijiet lejn proċessi oħrajn li jinsabu għaddejjin, partikolarment in-negozjati tan-NU dwar il-klima u l-G20. Aktar tagħrif: MEMO/09/317 Is-sit tas-samit tal-G8 http://www.g8italia2009.it/G8/G8-G8_Layout_locale-1199882116809_Home.htm Is-sit tal-President Barroso: http://ec.europa.eu/commission_barroso/president/index_en.htm Is-sit Europa http://europa.eu/index_mt.htm