IP/09/1109 Brussell, 9 ta’ Lulju 2009 ‘Kun B'saħħtek, kun inti nnifsek’ – Il-Kummissjoni t vara inizjattiva dwar is-saħħa taż-żgħażagħ Li ż-żgħażagħ ikunu involuti b'mod aktar attiv fl-iżvilupp tal-politiki tal-UE dwar is-saħħa huwa l-għan ta' inizjattiva li tnediet illum mill-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, Androulla Vassiliou. L-inizjattiva se tibda b’konferenza dwar is-Saħħa taż-Żgħażagħ fi Brussell fid-9 u fl-10 ta’ Lulju 2009. Aktar minn 200 żagħżugħ u żagħżugħa, minn madwar l-Ewropea kollha, li għandhom bejn it-18 u l-25 sena se jiltaqgħu ma dawk li jfasslu l-politika u ma’ organizzazzjonijiet tas-saħħa biex jiddiskutu dwar kwistjonijiet ewlenin tas-saħħa, bħalma hu l-konsum tal-alkoħol, tabakk u drogi, jew l-attività fiżika u s-saħħa mentali. Se jiġu indirizzati wkoll kwistjonijiet trasversali, inklu żi l-kriżi finanzjarja, inugwaljanzi fis-saħħa, l-edukazzjoni u r-rwol tal-midja. Il-konferenza hija organizzata flimkien mal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ u akkumpanjata minn websajt multilingwi dwar il-portal tas-saħħa tal-UE li tinkludi blog kif ukoll kompetizzjoni tal-arti. Fost il-kelliema ewlenin fil-konferenza se jkun hemm l-Altezza Rjali Tagħha l-Prinċipessa Laurentien tal-Olanda, ir-Rappreżentant Għoli għaż-Żgħażagħ ta’ Franza, Martin Hirsch, il-Viċi Direttur reġjonali għall-Ewropa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Nata Menabde u l-President tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, Tine Radinja. Il-parteċipanti żgħażagħ se jkunu jistgħu jitkellmu fis-sessjonijiet kollha u l-konferenza kollha se tkun tista’ tiġi segwita fuq l-internet biex tilħaq udjenza akbar. Androulla Vassiliou, il-Kummissarju tal-UE responsabbli mis-saħħa qalet, “ Għalkemm is-saħħa taż-żgħażagħ fl-Ewropa tinsab aħjar milli qatt kienet fl-imgħoddi, hemm sinjali ta’ tħassib dwar l-għadd kbir wisq ta’ żgħażagħ li qed jadottaw imġiba li maż-żmien se tnaqqsilhom il-kapaċità tagħhom li jgħixu ħajja sana u produttiva, u għalhekk tipperikola l-ġejjieni tagħhom. L-għan tiegħi huwa li nħeġġeġ liż-żgħażagħ tal-lum jieħdu ħsieb saħħithom, jinvolvu ruħhom fit-tfassil tal-politika u jsemmgħu leħinhom dwar kwistjonijiet tas-saħħa. ” L-inizjattiva dwar is-Saħħa taż-Żgħażagħ timmira li: tinvolvi liż-żgħażagħ aktar mill-qrib fil- politika tal-UE dwar is-saħħa; issaħħaħ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet; tinvolvi aktar setturi fost l-oqsma ta’ politika fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali dwar l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ prevenzjoni mmirati lejn iż-żgħażagħ; tappoġġja l-attivitajiet tal-Istati Membri dwar is-saħħa taż-żgħażagħ. Il-ħtieġa ta’ din l-inizjattiva hi aktar evidenti meta jitqiesu r-riżultati ta’ stħarriġ li twettaq minn Generation Europe u li juri li 52 % ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ ma kinux jafu li jeżistu politiki tal-UE fil-qasam tas-saħħa taż-żgħażagħ. Meta ġew mistoqsija kif jaħsbu li jistgħu jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika tas-saħħa, 41 % talbu li jkun hemm aktar involviment dirett ma’ dawk li jfasslu l-politika u 40 % ssuġġerew li jkun hemm mezzi ta’ komunikazzjoni adattati aħjar. Websajt: ‘Kun B'saħħtek – Kun Inti Nnifsek’ Bħala parti mill-inizjattiva, il-Kummissjoni ħolqot il-websajt “ Kun B’saħħtek – Kun Inti Nnifsek ” aċċessibbli mill-Portal tas-Saħħa tal-UE u disponibbli fi 22 lingwa. Il-websajt tikkonsisti fi tliet partijiet ewlenin: paġna ddedikata lill-konferenza, paġna dwar il-kompetizzjoni tas-Saħħa taż-Żgħażagħ u blog b’testimonjanzi, li jitmexxa mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni tal-arti se jiġu mħabbra waqt il-konferenza tad-9 ta’ Lulju. L-isfond L-UE diġà żviluppat azzjonijiet speċifiċi b’kollaborazzjoni maż-żgħażagħ. Pereżempju, permezz tal-Forum taż-Żgħażagħ, il-kampanji “Help” tal-UE għall-prevenzjoni tat-tabakk li għalihom anki pproduċew manifest taż-żgħażagħ fejn jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-miżuri xierqa biex ikun hemm prevenzjoni aħjar tat-tabakk. Iż-żgħażagħ huma wkoll il-mira ta’ bosta azzjonijiet dwar il-promozzjoni tas-saħħa mibdija mill-membri tal-Pjattaforma għal azzjoni tal-UE dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa. L-Inizjattiva dwar is-saħħa taż-Żgħażagħ beħsiebha tibni fuq dawn l-azzjonijiet. Għal iktar tagħrif tista’ żżur il-websajts li ġejjin: Għal aktar tagħrif dwar l-Inizjattiva dwar is-saħħa taż-Żgħażagħ, il-konferenza u r-rapporti ta’ referenza, jekk jogħġbok żur i l-websajt “Kun B’saħħtek, Kun Inti Nnifsek”: http://health.europa.eu/youth Il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ: http://www.youthforum.org/ Il-Websajt tad-DĠ SANCO dwar il-Fatturi Determinanti tas-Saħħa: http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/healthdeterminants_en.htm MEMO/09/ 326