IP/09/1112 Brussell, l-10 ta' Lulju 2009 Kif nistgħu nsarrfu d-"dividend diġitali" f'benefiċċji għall-konsumatur u fi tkabbir ekonomiku li jilħaq il-€ 50 biljun għall-Ewropa? Il-bidla mit-televiżjoni analoga għal dik diġitali fl-Ewropa se tillibera frekwenzi tar-radju biex ikunu jistgħu jintużaw minn servizzi ġodda. L-UE tinsab f'pożizzjoni tajba biex tgawdi minn dan id-"dividend diġitali": il-Ġermanja, il-Finlandja, il-Lussemburgu, l-Iżvezja, l-Olanda u l-Belġju (il-Fjandri) u żoni ewlenin tal-Awstrija diġà tfew it-trażmissjonijiet analogi tat-televiżjoni terrestri, u pajjiżi oħra tal-UE se jkomplu magħhom sal-2012 ( IP/09/266 ). Fil-12 ta' Ġunju, l-Istati Uniti wkoll qalbu għax-xandir diġitali tat-televiżjoni. It-twettiq tal-potenzjal sħiħ tal-qalba mill-analogu għad-diġitali jinsab minn ta' quddiem fl-aġenda ta' politika tal-UE għat-telekomunikazzjonijiet, għax l-ispettru tar-radju li se jsir disponibbli għandu jtejjeb il-mod kif nikkomunikaw kif ukoll l-aċċess għall-kontenut awdjoviżiv. Jekk jintuża sew, l-ispettru l-ġdid għandu jġib miegħu wkoll ekonomiji fil-kobor, filwaqt li jtejjeb il-kompetittività tal-UE billi jżid l-innovazzjoni fit-tagħmir u fis-servizzi ta' bla fil, u jħaffef l-aċċess għall- broadband mobbli. Il-Kummissjoni llum nediet konsultazzjoni biex tiddetermina kif nistgħu naħdmu flimkien aħjar, fil-livell ta' l-UE, sabiex din l-opportunità ta' darba napprofittaw minnha bis-sħiħ. Il-konsultazzjoni se tibqa' għaddejja sal-4 ta' Settembru 2009. Il-Kummissarju għas-Soċjetà tal-Informatika u l-Midja, Viviane Reding, qalet: "Id-dividend diġitali jaslilna f'waqt kruċjali, fejn irridu nqabbdu kull naħa tal-Ewropa mal- broadband ta' veloċità għolja, niżguraw xandir tal-aqwa kwalità, u nwessgħu l-għażla tal-konsumaturi fis-servizzi ta' bla fil tal-ġejjieni. L-Ewropa ma tistax tikseb dan kollu mingħajr ma tadotta strateġija koordinata li tħaddem l-ispettru tar-radju bl-aktar mod effiċjenti. Skont l-għażliet li nagħmlu, l-impatt potenzjali tad-dividend diġitali jista' jiżdied b'biljuni ta' euro. Qabel niffinalizzaw il-proposti tagħna, nixtiequ nifhmu aħjar x'jaħsbu dwar dawk l-għażliet il-pubbliku, ix-xandara, l-operaturi taċ-ċellulari u atturi oħrajn fis-suq." Billi l-ispettru tar-radju liberat jista' jibgħat dejta fuq distanzi twal u lil hinn mill-fruntieri, id-deċiżjonijiet meħudin dwaru fi Stat Membru wieħed jolqtu żoni ta' pajjiżi oħra sa mijiet ta' kilometri 'l bogħod. Mingħajr koordinament, din ir-riżorsa mill-aktar siewja ma tkunx tistax titħaddem bl-aqwa effiċjenza, u ċerti servizzi aktarx li ma jkunux disponibbli f'ċerti naħat tal-Ewropa jew ta' ċerti pajjiżi. Il-biċċa l-kbira mill-użu potenzjali tad-dividend diġitali huma servizzi ta' konsum tal-massa, kemm fit-televiżjoni kif ukoll fil- broadband mobbli. Jekk jiġi żgurat li l-istess tagħmir jista' jopera fl-istess frekwenzi mal-UE kollha, il-benefiċċji ekonomiċi potenzjali jkunu enormi. Dan għandu joħloq ekonomiji fil-kobor sinifikanti għall-manifatturi tat-tagħmir u b'hekk iniżżel il-prezzijiet, sitwazzjoni li mbagħad min-naħa tagħha tixpruna aktar domanda mill-konsumaturi u trendi dawn is-servizzi aktar aċċessibbli. Koordinament xieraq fuq il-livell Ewropew għandu jkompli jżid l-impatt ekonomiku potenzjali tad-dividend diġitali b'€ 20 sa € 50 biljun bejn illum u l-2015. Fit-tul, jista' jintlaħaq ukoll benefiċċju addizzjonali ta' € 30 biljun wara l-2015, permezz ta' aktar koordinament fuq il-livell tal-UE. Billi t-televiżjoni diġitali ser tissostiwixxi għalkollox dik analoga sal-2012, u billi ħafna Stati Membri jixtiequ jużaw mingħajr dewmien il-potenzjal tas-soluzzjonijiet ta' bla fil sabiex jiksbu aċċess sħiħ għall- broadband , huwa urġenti li l-pajjiżi tal-UE jiftiehmu dwar strateġija komuni llum qabel għada. Il-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta' pjan dettaljat għall-UE: sensiela ta' azzjonijiet komuni u kkoordinati kif spjegati fil-konsultazzjoni tal-lum. Biex jiġi żgurat li l-ambjent regolatorju jibqa' ċar u prevedibbli għar-regolaturi kif ukoll għall-industrija li tfittex li tagħmel l-aqwa użu tad-dividend diġitali, il-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra wkoll pjan li jarmonizza l-medda tat-800 MHz, li hija partikolarment adattata għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda tal- broadband mobbli. Il-pjan dettaljat tal-UE għandu jispjega l-benefiċċji tal-koordinament tal-ispettru filwaqt li jagħti lill-Istati Membri l-flessibbiltà biex jindirizzaw karatteristiċi speċifiċi lokali u nazzjonali, pereżempju fejn jidħol ix-xandir. Il-pjan dettaljat għandu jżid ukoll id-disponibbiltà ġenerali tal-ispettru tar-radju lil hinn minn kemm tista' tinkiseb mill-Istati Membri individwali. Għandu jippermetti wkoll it-twassil ta' servizzi orħos u aktar interoperabbli. Il-Kummissjoni ser tressaq proposta finali kemm jista' jkun malajr wara l-għeluq ta' din il-konsultazzjoni. L-isfond It-televiżjoni analoga okkupat taqsima wiesgħa tal-ispettru tar-radju, iżda billi t-televiżjoni diġitali tuża l-ispettru b'mod ħafna aktar effiċjenti, qed isir disponibbli spettru 'frisk' għal użi ġodda. Id-"dividend diġitali" liberat mill-qalba għad-diġitali huwa attraenti ħafna, għax is-sinjali f'din il-medda jivvjaġġjaw 'il bogħod sew u t-tagħmir jista' jintuża faċilment fil-bini. B'konsegwenza ta' dan, hemm ħafna kandidati potenzjali għall-aċċess ta' din il-parti tal-ispettru tar-radju, minbarra x-xandara tat-televixin. F'Novembru 2007, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni li tfisser il-ħtieġa ta' koordinament xieraq fil-livell tal-UE dwar l-ispettru tar-radju, kif ukoll l-istrateġiji possibbli biex dan jinkiseb. Il-konsultazzjoni tal-lum hija l-aktar dokument importanti ta' segwitu għal dik il-Komunikazzjoni, u ssegwi d-diskussjonijiet mar-regolaturi u mal-partijiet interessati ta' kull pajjiż, kif ukoll studju soċjoekonomiku li għadu għaddej li jindaga fl-impatt potenzjali ta' xenarji differenti għall-użu tad-dividend diġitali. Il-konsultazzjoni dwar id-dividend diġitali, li tnediet illum: http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/radio_spectrum/topics/reorg/pubcons_digdiv_200907/index_en.htm Dettalji dwar l-istudju li għaddej bħalissa, ta' Analysys Mason, DotEcon u Hogan & Hartson, dwar l-isfruttament tad-dividend diġitali (mistenni li joħroġ f'Settembru): http://www.analysysmason.com/EC_digital_dividend_study Tagħrif dwar il-pjanijiet għall-qalba lejn id-diġitali, skont l-Istat Membru: http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/current/broadcasting/switchover/national_plans/index_en.htm Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dividend diġitali: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52007DC0700:MT:NOT Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tħaffif tat-tranżizzjoni mix-xandir analogu għal dak diġitali: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52005DC0204:EN:NOT SPEECH/09/336