IP/09/1116 Brussell, it-13 ta’ Lulju 2009 Il-Kummissjoni Ewropea u l-industrija se jinvestu EUR 3.2 biljun fl-irkupru ekonomiku sabiex fil-futur ikollna ekonomija aktar b'saħħitha, aktar ekoloġika u aktar kompetittiva Il-Kummissjoni Ewropea u l-industrija llum ħabbru l-ewwel minn sensiela ta' sejħiet għal proposti ta' riċerka li permezz tagħhom se jinjettaw EUR 268 miljun fi tliet oqsma prinċipali tas-suq biex jixprunaw l-irkupru ekonomiku u jagħmluh aktar sostenibbli u bbażat aktar fuq l-għarfien. Total ta' EUR 3.2 biljun ġie allokat għal sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) dedikati għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda fis-setturi tal-manifattura, tal-kostruzzjoni u tal-vetturi motorizzati. Dawn il-kollaborazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-industrija se jrawwmu l-kompetittività globali tan-negozji Ewropej, inaqqsu l-konsum eċċessiv tal-enerġija tal-bini fl-Ewropa, li jammonta għal terz tal-emissjonijiet tas-CO 2 fl-UE, u jiżviluppaw forom ġodda u sostenibbli tat-trasport bit-triq. It-tliet sħubijiet ippjanati jiffurmaw parti mill-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku tal-Kummissjoni li ġie approvat mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2008 u li għandu l-għan li jippromwovi l-konverġenza tal-impenn tal-industrija u tal-interess pubbliku favur ir-riċerka. Il-Kummissarju Ewropew għax-Xjenza u r-Riċerka, Janez Potočnik, iddikjara: "issa kulħadd għaraf li l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp mhuwiex lussu meta l-affarijiet ikunu sejrin tajjeb, iżda neċessità għal meta ż-żminijiet ikunu iebsin. Jekk illum l-Ewropa tagħmel investimenti intelliġenti f'setturi strateġiċi, dan għandu jwassal għall-ħolqien ta' impjiegi u tkabbir sostenibbli fil-futur. Permezz ta' dawn is-sħubijiet innovattivi, il-Kummissjoni u l-industrija jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex iħeġġu l-iżvilupp ta' teknoloġiji ekoloġiċi u biex jippożizzjonaw l-Ewropa bħala mexxejja f'dan il-qasam. It-tnedija bikrija tas-sejħiet turi l-kapaċità tagħna li naġixxu flimkien malajr biex nirrispondu għat-talbiet tar-riċerka fil-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku." Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja, qalet: "Investiment konġunt bejn il-Kummissjoni u l-industrija jirrappreżenta pass importanti lejn ekonomija tal-UE bbażata fuq l-għarfien u b'konsum baxx tal-karbonju. Il-ksib tal-eċċellenza fir-riċerka u l-isforzi konġunti huma kruċjali biex l-Ewropa toħroġ mill-kriżi bħala soċjetà b'saħħitha, aktar sostenibbli u aktar kompetittiva. Ir-riċerka fit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni tista' twettaq rwol partikolarment utli fl-iżvilupp tal-għodod li jgħinu fl-irkupru ekonomiku tal-Ewropa u biex jiġu integrati aktar aspetti ekoloġiċi fl-ekonomija Ewropea. "Biex l-Ewropa toqrob aktar lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien u b'konsum baxx tal-karbonju, irid jinstab mezz kif ir-riżultati tar-riċerka jiġu applikati b'mod effikaċi fl-industrija. Il-PPPs juru li l-Kummissjoni Ewropea qed tgħin l-industrija biex tinvesti massa kruċjali ta' riżorsi fir-riċerka fuq medda itwal taż-żmien, saħansitra f'dawn iż-żminijiet ta' kriżi meta t-tentazzjoni għall-industrija hija li taħseb fuq żmien qasir" skont Massimo Matucci, f'isem il-PPP "Fabbriki tal-Futur", Juan Manuel Mieres, li jirrappreżenta l-PPP "Bini effiċjenti fl-Enerġija", u Günter Lugert, għall-PPP "Karozzi Ekoloġiċi". Illum , aktar minn 800 rappreżentant mis-setturi tal-industrija u tar-riċerka tal-Ewropa nġabru flimkien biex iħabbru l-ewwel sensiela ta' sejħiet għal proposti li se jiġu mnedija uffiċjalment fit-30 ta' Lulju, għal proġetti li għandhom idumu sejrin sa nofs l-2010. Se jinjettaw EUR 268 miljun ta' finanzjament għar-riċerka biex jiżviluppaw, fost affarijiet oħra: Teknoloġiji, materjali u proċessi innovattivi tal-manifattura, biex jipproduċu aktar filwaqt li jikkunsmaw anqas materjal, anqas enerġija u jipproduċu anqas skart; bini aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inkluż kostruzzjonijiet ġodda u l-integrazzjoni ta' aktar aspetti ekoloġiċi f'bini eżistenti, u materjali u tekniki ġodda ta' kostruzzjoni karozzi aktar ekoloġiċi u sistemi ta' trasport aktar intelliġenti, inkluż l-elettrifikazzjoni tat-trasport bit triq u dak urban, u r-riċerka fit-teknoloġiji ibridi L-isfond Mill-2010 sal-2013, total ta' EUR 3.2 biljun se jiġu allokati għar-riċerka permezz ta' tliet sħubiji pubbliċi-privati, fejn nofs il-fondi jiġu mill-industrija u n-nofs l-ieħor mill-Kummissjoni Ewropea permezz tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp. L-ewwel sejħiet intertematiċi jiffurmaw parti mill-PPP: Fabbriki tal-Futur (EUR 1.2 biljun) – Inizjattiva li tgħin il-manifatturi tal-UE, speċjalment l-impriżi żgħar u ta' daqs medju, jadattaw għal pressjonijiet globali ta' kompetittività biż-żieda fl-għarfien u bl-użu tat-teknoloġiji tal-futur. Bini Effiċjenti fl-Enerġija (EUR 1 biljun) – Inizjattiva li tippromwovi teknolġiji ekoloġiċi u l-iżvilupp ta' sistemi u materjali fil-bini Ewropew li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Karozzi Ekoloġiċi (EUR 1 biljun) – Inizjattiva li tenfasizza l-iżvilupp ta' sorsijiet ta' enerġija li huma rinnovabbli u li ma jagħmlux ħsara għall-ambjent, is-sikurezza u l-fluwidità fit-traffiku fil-qasam tal-karozzi. 'L-integrazzjoni ta' aktar aspetti ekoloġiċi' hija meħtieġa biex jinkisbu l-miri tal-UE u fil-livell dinji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Għal aktar tagħrif, ikkuntattja lil Għal aktar informazzjoni dwar il-PPPs ara : http://ec.europa.eu/research/industrial_technologies/lists/list_114_en.html Għat-test tal-Istqarrija Konġunta u l-pakkett għall-istampa dwar il-Pjan għall-Irkupru fl-Attivitajiet tar-Riċerka ara: IP/09/520 http://ec.europa.eu/research/index.cfm?pg=newsalert&lg=en&year=2009&na=ppp-310309 Għat-test sħiħ tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2008:0800:FIN:EN:PDF