IP/09/1136 Brussell, l-14 ta’ Lulju 2009 Il-Kummissjoni taġġorna l-lista tal-linji tal-ajru pprojbiti mill-ispazju tal-ajru Ewropew Il-Kummissjoni Ewropea lbieraħ fl-għaxija adottat il-ħdax-il aġġornament tal-lista Komunitarja ta’ linji tal-ajru li huma pprojbiti fl-Unjoni Ewropea, li bih żdiedu l-linji tal-ajru ta’ żewġ pajjiżi oħra. B’dan l-aġġornament tneħħiet il-projbizzjoni imposta fuq ħames linji tal-ajru, b’riżultat ta’ titjib sodisfaċenti fis-sikurezza. “Ma nistgħu nippermettu l-ebda kompromess fis-sikurezza tal-ajru, ikollna nibqgħu b'sebgħa għajnejn; iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jivvjaġġaw sikuri kullimkien fid-dinja,” qal il-Viċipresident tal-Kummissjoni Antonio Tajani, u kkonkluda billi qal: “m’aħniex se naċċettaw li l-linji tal-ajru jtiru bi standards differenti meta joperaw ġewwa u barra l-Ewropa – wasal iż-żmien li l-komunità internazzjonali tevalwa l-politika tagħha dwar is-sikurezza; dawk il-linji tal-ajru li mhumiex sikuri m’għandhom jitħallew itiru mkien. Din il-lista kkontribwiet ferm biex smewwiet l-Ewropa jsiru aktar sikuri. Għandha nimxu pass pass lejn strateġija internazzjonali msejsa fuq il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi madwar id-dinja”. Il-lista l-ġdida tieħu post dik li kien hemm qabilha, u tista' diġà tiġi kkonsultata mis-sit tal-Kummissjoni fuq l-internet ( http://ec.europa.eu/transport/air-ban/ ). Il-konklużjonijiet ewlenin li għandna nisiltu minn dan l-aħħar aġġornament tal-lista huma tnejn: a) il-lista sservi ta’ inċentiv b’saħħtu biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet fis-sikurezza; it-tneħħija minn fuq il-lista hija tabilħaqq possibbli, meta l-partijiet ikkonċernati jieħdu passi korrettivi sodi biex jikkonformaw mal-istandards kollha rilevanti tas-sikurezza; b) il-kunċett ta’ lista Komunitarja qiegħed jidher dejjem aktar li jservi ta’ strument preventiv aktar milli wieħed ta’ kastig biex tiġi mħarsa s-sikurezza tal-avjazzjoni. Dan jidher mill-ħafna każijiet li fihom il-Komunità indirizzat b’suċċess theddidiet potenzjali għas-sikurezza, ferm qabel ma kellha għalfejn tieħu l-miżura drastika li timponi r-restrizzjonijiet. Fil-qasam tas-sikurezza, seħħ titjib sinifikanti mill-awtorità tal-avjazzjoni ċivili tal-Indoneżja, li ġiet rikonoxxuta għall-kisbiet tagħha. Minn meta ġiet imposta l-projbizzjoni f’Lulju 2007, seba’ kumpaniji tat-trasport bl-Ajru - Garuda Indonesia, Airfast Indonesia, Mandala Airlines u Premiair jistgħu jitneħħew minn fuq il-lista, għaliex l-awtorità tagħhom tiżgura li jirrispettaw l-istandards internazzjonali tas-sikurezza. It-trasportatur Tajlandiż One Two Go tneħħa minn fuq il-lista għaliex iċ-ċertifikat tiegħu ġie revokat mill-awtoritajiet Tajlandiżi tal-avjazzjoni. Ġie rikonoxxut ukoll il-progress li għamlu l-awtorità tal-avjazzjoni ċivili ta’ Angola u t-trasportatur tal-ajru TAAG Angola Airlines biex jissolvew progressivament kwalunkwe nuqqasijiet fis-sikurezza. F’dak il-kuntest, il-ftehim ta’ kooperazzjoni u għajnuna ffirmat bejn l-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili ta' Angola u tal-Portugall ippermetta lil-linja tal-ajru terġa' topera lejn il-Portugal, b’ċerti inġenji tal-ajru biss, u taħt kundizzjonijiet mill-aktar stretti. Dan l-aġġornament jenfasizza wkoll l-eżistenza ta' djalogu kontinwu ma’ ċerti Stati rigward is-sikurezza tat-trasportaturi tal-ajru tagħhom. F'dan il-kuntest, minħabba l-provi li jixhdu t-titjib tal-istandards ta' sikurezza, il-Kummissjoni sejra tikkontrolla mill-qrib diversi trasportaturi tal-ajru Russi li fuqhom l-awtoritajiet Russi imponew restrizzjonijiet operattivi. Barra minn hekk, dan l-aġġornament jagħraf l-isforzi li saru mill-awtoritajiet tal-Indoneżja, il-Gabon, l-Ukraina u l-Angola responsabbli mill-avjazzjoni ċivili biex biex jaqdu aħjar dmirijiethom fil-qasam tas-sorveljanza, u biex jikkooperaw mill-qrib mal-Kummissjoni bil-għan li tittejjeb is-sikurezza. Nuqqasijiet fis-sikurezza li ġew identifikati fis-sistema ta’ sorveljanza mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni taż-Żambja u tal-Każakstan wasslu għal projbizzjoni fuq l-operazzjonijiet tat-trasportaturi kollha tal-ajru minn dawn iż-żewġ pajjiżi, bl-eċċezzjoni tat-trasportatur tal-ajru tal-Każakstan, Air Astana, li l-operazzjonijiet tiegħu lejn il-Komunità huma ffriżati taħt restrizzjonijiet stretti. Madankollu, it-trasportaturi tal-ajru kollha koperti minn dan l-aġġornament u minn aġġornamenti preċedenti se jibqgħu suġġetti għal spezzjonijiet tar-rampa prijoritarji fl-ajruporti Komunitarji, bil-għan li jiġi garantit li dawn jibqgħu dejjem jirrispettaw l-istandards applikabbli ta' sikurezza. B’hekk, illum, il-lista Komunitarja għandha 9 trasportaturi individwali li l-operazzjonijiet tagħhom huma kompletament ipprojbiti fl-Unjoni Ewropea – Air Koryo mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (DPRK), Air West mis-Sudan, Ariana Afghan Airlines mill-Afganistan, Siem Reap Airways International mill-Kambodja, Silverback Cargo Freighters mir-Rwanda, Motor Sich, Ukraine Cargo Airways, Ukrainian Mediterranean Airlines u Volare mill-Ukraina; it-trasportaturi kollha (246) minn 12-il pajjiż – Angola, Benin, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC), il-Ginea Ekwatorjali, il-Gabon (bl-eċċezzjoni ta’ tliet trasportaturi li joperaw taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), l-Indoneżja (bl-eċċezzjoni tal-erba’ trasportaturi li tneħħew mil-lista), il-Każakstan (bl-eċċezzjoni ta’ trasportatur wieħed li jopera taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), ir-Repubblika Kirgiża, il-Liberja, is-Sjerra Leone, is-Sważiland u ż-Żambja; 7 trasportaturi bl-ajru li jitħallew joperaw taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet - TAAG Angola Airlines, Air Astana mill-Każakstan, Gabon Airlines, Afrijet u SN2AG mill-Gabon, Air Bangladesh u Air Service Comores. Il-verifiki tas-sikurezza tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) jikkostitwixxu pilastru u wieħed mill-kriterji komuni li jintużaw biex tkun imposta l-projbizzjoni fuq l-operazzjonijiet. Huwa għalhekk essenzjali li l-kooperazzjoni mal-ICAO f’dan il-qasam tittejjeb. Dan kien is-suġġett ewlieni f'laqgħa fid-9 ta' Lulju bejn il-Viċipresident Tajani u l-President tal-Kunsill tal-ICAO, is-Sur Kobeh. Rapport aktar tard din is-sena dwar il-funzjonament tar-regoli se jkun fih ukoll proposti biex id-dimensjoni internazzjonali tissaħħaħ.