IP/09/1138 Brussell, 15 ta' Lulju 2009 Il-Kummissjoni tipproponi vjaġġar mingħajr viża għal ċittadini mill-Balkani tal-Punent L-impenn kostanti tal-Kummissjoni Ewropea favur vjaġġar mingħajr viża għan-nies tal-Balkani tal-Punent ġie kkonfermat illum bl-adozzjoni ta' proposta li tippermetti vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja. Il-proposta tal-lum tippermetti li ċ-ċittadini ta' dawn it-tliet pajjiżi jivjaġġaw lejn il-pajjiżi ta' Schengen 1 b'passaporti bijometriċi ġodda. Jeħtieġ li l-proposta tal-Kummissjoni tkun approvata mill-Kunsill wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni tibqa' impenjata li tilliberalizza l-viża għaċ-ċittadini tal-Albanija u l-Bożnja u Ħerżegovina wkoll. Madanakollu, dawn il-pajjiżi għadhom ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet biex jiġu inklużi fil-proposta tal-lum. Jekk jinżamm il-pass tar-riformi u jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha, il-Kummissjoni tbassar li tkun tista' tagħmel proposta ġdida li tinkludi dawn il-pajjiżi sa nofs l-2010. Waqt il-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni l-Viċi-President tal-Kummissjoni responsabbli mill-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, Jacques Barrot, qal: "Il-proposta tagħna tagħti aħbar tassew tajba lin-nies tal-Balkani tal-Punent, b'mod partikolari liċ-ċittadini tal-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, tal-Montenegro u tas-Serbja. Jien naf kemm hu importanti l-ivjaġġar mingħajr viża għalihom. Il-proposta tal-lum hija r-riżultat ta' ħidma sfiqa u soda għall-awtoritajiet u għan-nies ta' dawn il-pajjiżi biex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet. Nifirħilhom għal din il-kisba". Olli Rehn, il-Kummissarju responsabbli mit-Tkabbir żied jgħid, "L-għan tagħna, u l-konvinzjoni qawwija tagħna, huma li l-Albanija u l-Bożnja u Ħerzegovina ma jdumux ma jsegwu l-passi ta' dawn il-pajjiżi. Il-programm għadu validu, u għadu perfettament possibbli jekk l-awtoritajiet tal-pajjiżi japplikaw ir-rieda kollha tagħhom biex iwettquh. Jekk il-progress ikompli b'ritmu mgħaġġel, nemmen li dawn iż-żewġ pajjiżi jilħqu l-pajjiżi ġirien tagħhom f'dan ir-rigward. Jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha, il-Kummissjoni tipprevedi li tagħmel proposta ġdida li tinkludihom sa nofs l-2010." Il-permess ta' vjaġġar mingħajr viża huwa l-pedament tal-politika ta' integrazzjoni tal-UE għall-Balkani tal-Punent. L-iffaċilitar ta' kuntatti bejn il-persuni jsaħħaħ l-opportunitajiet ta' negozju u jagħti l-possibbiltà biex in-nies tar-reġjun isiru jafu aħjar l-UE. Madanakollu, l-ivjaġġar mingħar viża huwa possibbli biss jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti neċessarji marbuta mas-sigurtà. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni nediet djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Abbażi tal-programmi ppreżentati mill-Kummissjoni, il-pajjiżi għamlu progress sinifikanti fir-rigward tat-titjib tas-sigurtà tal-passaporti, fit-tisħiħ tal-kontrolli fuq il-fruntiera, fit-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali għall-ġlieda kontra l-kriminalità u l-korruzzjoni, kif ukoll fir-relazzjonijiet esterni u d-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni qed issegwi t-tħejjijiet tagħhom bir-reqqa. Il-kundizzjonijiet huma l-istess għall-pajjiżi kollha. L-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ssodisfat il-kundizzjonijiet neċessarji kollha. Għas-Serbja u l-Montenegro d-dħul fis-seħħ tal-eżenzjoni mill-viża se jiddependi fuq il-fatt li jiġu ssodisfati l-istandards pendenti tal-programmi rispettivi tagħhom sad-data tal-adozzjoni ta' din il-proposta mill-Kunsill. L-Albanija u l-Bożnja u Ħerzegovina jeħtiġilhom jibqgħu għaddejjin bl-isforzi tagħhom biex jiksbu rakkomandazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni. Fl-Albanija u l-Bożnja u Ħerzegovina għad fadal nuqqasijiet fil-ġlieda kontra l-kriminalità u l-korruzzjoni, fl-indirizzar ta' dgħufijiet fil-proċedura tal-ħruġ ta' passaporti, u fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni. Lanqas ir-residenti tal-Kosovo (taħt l-UNSCR 1244/99) mhumiex se jibbenfikaw mil-liberalizzazzjoni tal-viża għalissa. Ir-rekwiżiti tekniċi għal-liberalizzazzjoni tal-viża għadhom ma ġewx issodisfati fit-territorju tal-Kosovo. F'dan ir-rigward fil-ġejjieni l-Kummissjoni se tissokta b'ħidma mill-qrib kemm mal-awtortajiet tas-Serbja u kif ukoll ma' dawk tal-Kosovo u tesplora l-għażliet għall-indirizzar tal-kwistjoni tal-viżi. Għal aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Viċi-President Barrot, jekk jogħġbok żur il-websajt tiegħu fl-indirizz: http://ec.europa.eu/commission_barroso/barrot/welcome/default_en.htm 1 : L-Istati Membri kollha tal-UE minbarra r-Renju Unit u l-Irlanda; kif ukoll l-Iżvizzera, in-Norveġja u l-Iżlanda.