IP/09/1187 Brussell, l-24 ta’ Lulju 2009 72 % tal-Ewropej għandhom aspettativi għoljin tar-rwol tal-UE biex ittaffi l-qgħad Stħarriġ ġdid ippubblikat illum juri li 61 % tal-Ewropej jaħsbu li wieħed għandu jistenna aktar impatti tal-kriżi ekonomika fuq l-i mpjiegi. Terz minn dawk li jaħdmu huma 'mħassba ħafna' li jistgħu jitilfu xogħolhom fil-kriżi, madankollu 72 % jaħsbu li l-UE għandha impatt pożittiv fil-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u fil-ġlieda kontra l-qgħad, u terz huma konxji mill-Fond Soċjali Ewropew – l-għodda prinċipali tal-UE biex tinvesti fil-ħaddiema u żżommhom impjegati f’xogħolhom. "Mhinix sorpriż bir-riżultati tal-istħarriġ. Wieħed jifhem li l-Ewropej huma kkonċernati bl-impatt tal-kriżi fuq ix-xogħol u l-familji tagħhom.", qal Vladimír Špidla, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs. Huwa żied jgħid: "Huwa għalhekk li ttieħdet azzjoni fuq livell Ewropew sa mill-bidu nett tal-kriżi biex l-impatt fuq l-impjiegi jkun limitat. Riċentement daħħalna l-mikrokreditu għal nies li jixtiequ jibdew in-negozju tagħhom, daħħalna ffinanzjar ta’ 100 % tal-FSE għas-sentejn li ġejjin biex nippermettu t-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema u stedinna lill-Istati Membri joħolqu 5 miljun apprendistat għad-disponibilità ta’ żagħżagħ li joħorġu mill-iskola. Dawn il-miżuri se jgħinu biex l-Ewropej iżommu xogħolhom u jgħinuhom lura f’impjieg jekk jitilfu tagħhom." F’termini tar-rwol tal-UE fl-impjiegi, 52 % tal-Ewropej jikkunsidraw li dan huwa pożittiv, u din il-figura tikber b’mod konsiderevoli meta jkunu indirizzati kwistjonijiet speċifiċi. 78 % jaħsbu li l-UE għandha rwol pożittiv fit-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, 76 % dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, 73 % dwar il-ġlieda kontra forom oħrajn ta’ diskriminazzjoni u 72 % dwar il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u l-ġlieda kontra l-qgħad. Skont ir-riżultati tal-istħarriġ, madwar 3,5 % tal-Ewropej li jaħdmu esperjenzaw, personalment, telf ta’ impjieg minħabba l-kriżi ekonomika. 24 % jafu kollega li tilef ix-xogħol tiegħu u 36 % jafu lil xi ħadd mill-ħbieb jew tal-familja li kien affettwat. Il-pajjiżi milquta l-aktar huma l-Latvja, l-Litwanja, Spanja u l-Irlanda, filwaqt li n-nies fil-Lussemburgu, fil-Greċja u fl-Olanda esperjenzaw relattivament anqas telf ta’ impjiegi. Terz mill-Ewropej li jaħdmu (32 %) huma 'mħassba ħafna' li jistgħu jitilfu xogħolhom fil-futur, filwaqt li aktar nies minn hekk huma mħassba għas-sieħeb/sieħba tagħhom (38 %) jew għat-tfal tagħhom (47 %) li jistgħu jitilfu xogħolhom. Il-livell ta’ tħassib huwa marbut bis-sħiħ mal-inċidenza ta’ telf ta’ impjiegi rrappurtati; iċ-ċittadini ta’ dawk il-pajjiżi li esperjenzaw l-akbar telf ta’ impjiegi huma wkoll l-aktar imħassba dwar it-tnaqqis fl-impjiegi fil-futur. It-tħassib dwar it-telf tal-impjiegi huwa spejgat u aggravat mill-fatt li tal-anqas 6 minn kull 10 Ewropej iħossu li l-agħar tal-kriżi għadu ġej u 28 % biss jaħsbu li l-kriżi laħqet l-agħar stadju tagħha, liema ħsieb huwa preżenti l-aktar fil-pajjiżi Baltiċi (82 % fil-Latvja, 76 % fl-Estonja u 74 % fil-Litwanja jaħsbu li l-agħar impatt għad irid jinħass). Fil-pajjiżi li implimentaw approċċi ta’ flessisigurtà komprensivi, il-bixra hija aktar pożittiva. 45 % tal-Iżvediżi u 36 % tad-Daniżi jaħsbu li l-agħar stadju tal-kriżi hija xi ħaga tal-passat. Jekk ikollhom bżonn isibu xogħol ġdid, ħafna minn dawk li rrispondew jagħżlu xogħol tal-istess tip fl-istess post, jew b’mod alternattiv iwessgħu t-tiftix tagħhom għal post differenti, u b’hekk juru aktar disponibilità li jimxu lejn żona ġdida milli li jaħdmu f’tip ġdid ta’ xogħol . Madwar wieħed minn kull erbgħa ta’ dawk l-Ewropej li qegħdin bla xogħol jgħidu li jieħdu kull tip ta’ xogħol; riżultat li ma nbidilx b’mod sinifikanti mill-2006 ’l hawn. Il-maġġoranza tal-Ewropej jemmnu li, f’dawn iż-żminijiet, l-esperjenza professjonali u l-kwalifiki huma l-aktar żewġ aspetti importanti biex wieħed isib xogħol malajr, segwiti mill-adattabilità. B’kollox, terz mill-Ewropej (33 %) huma konxji mill-Fond Soċjali Ewropej (il-FSE), l-għodda prinċipali tal-UE biex tappoġġa lil dawk li jitilfu l-impjieg tagħhom bħala riżultat tal-kriżi. Il-Fond huwa magħruf l-aktar fis-Slovakkja (59 %), fil-Portugall (58 %) u fi Spanja (53 %) u magħruf l-anqas fid-Danimarka (17 %). Terz minn dawk mistoqsija jħossu li l-allokazzjoni tal-baġit tal-FSE ta’ madwar 10 % tal-baġit tal-UE hija żgħira wisq u 5 % biss qalu li din kienet wisq. Ir-rapport, sommarju u 27 profil tal-pajjiżi individwali issa huma disponibbli. Aktar tagħrif Ewrobarometru Speċjali 316: Il-politika Ewropea għall-impiegi u l-politika soċjali http://ec.europa.eu/public_opinion/index_en.htm Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-dimensjoni soċjali tal-kriżi ekonomika http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=736