IP/09/1188 Brussell, l-24 ta’ Lulju 2009 Il-Kummissjoni tagħti ħarsa lejn il-progress imwettaq fl-iżvilupp sostenibbli F'dawn l-aħħar snin l-UE integrat l-iżvilupp sostenibbli f'firxa wiesgħa tal-politiki tagħha. Partikolarment, l-UE qiegħda fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-promozzjoni ta' ekonomija b'użu baxx ta' karbonju. Fl-istess ħin, fl-UE qed jippersistu drawwiet li mhumiex sostenibbli f'bosta oqsma u jeħtieġ li l-isforzi jiġu intensifikati. Wara tliet snin mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE l-Kummissjoni qed tagħti ħarsa lejn l-iżviluppi fil-livell tal-UE u nediet riflessjoni dwar kif l-istrateġija tal-UE tista' tkompli fil-ġejjieni. Il-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso qal, "Għamilna progress solidu fl-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fl-oqsma ta' politika tal-UE. Din l-analiżi tenfasiżża l-progress li għamilna fit-tliet snin li għaddew u l-oqsma fejn jeħtieġ li jsir aktar xogħol. Il-kriżi ekonomika ħolqot opportunità unika biex tinħoloq ekonomija sostenibbli ġdida permezz ta' tkabbir intelliġenti u ekoloġiku) . Nittama li din ir-reviżjoni tistimola riflessjoni dwar l-aħjar mod kif isir il-progress f'oqsma bħall-konsum tal-enerġija fil-qasam tat-trasport, it-tnaqqis tal-biodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistema tagħna". L-analiżi tikkonferma li sar progress fil-politika tal-UE fis-seba' oqsma ta' prijorità koperti mill-Istrateġija. Eżempji jinkludu l-pakkett tal-UE għall-klima u l-enerġija ta' Diċembru 2008, l-azzjonijiet għal trasport aktar ekoloġiku u għal sistemi ta' trasport aktar intelliġenti, it-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija tal-bini, ir-reviżjonijiet tad-direttivi tal-ekodisinn u l-ekotikketta, it-tfassil tal-qafas integrat ta' politika marittima u tal-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa, ix-xogħol dwar il-migrazzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni. Sar progress ukoll fix-xogħol fl-oqsma relatati tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iffinanzjar. Madankollu, qed jippersistu drawwiet li mhumiex sostenibbli f'bosta oqsma. Bħala eżempju, it-talba għar-riżorsi naturali qed tikber, il-bijodiversità qed tonqos u l-konsum tal-enerġija tat-trasport qed ikompli jiżdied. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali wriet li s-sostenibbiltà hija fattur ewlieni wkoll għas-sistemi finanzjarji tagħna u għall-ekonomija b’mod ġenerali. Il-miżuri għas-sostenn tal-ekonomija reali u għat-tnaqqis tal-impatt soċjali tal-kriżi attwali għandhom ikunu kompatibbli mal-iskopijiet ta' sostenibbiltà għal medda twila ta' żmien u ma' strateġija ta' tkabbir intelliġenti u ekoloġiku. Ir-reviżjoni tistieden riflessjoni dwar kif tista' tevolvi l-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE fil-ġejjieni. Konformità akbar mal-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi u ma' strateġiji relatati oħra tal-EU , is-simplifikazzjoni ulterjuri tal-Istrateġija u monitoraġġ u koordinazzjoni aħjar huma eżempji tal-punti li jistgħu jiġu kkunsidrati. Ir-Rapport adottat illum se jippermetti lill-Kunsill Ewropew jirrevedi l-prijoritajiet u jipprovdi o rjentazzjonijiet għall-ġejjieni tal-Istrategija fil-laqgħa tiegħu li jmiss f'Diċembru. Ir-Rapport se jkun ikkomplementat mir-rapport biennali ta' monitoraġġ tal-Eurostat d war l-Iżvilupp Sostenibbli li se jiġi ppubblikat iktar tard fl-2009. Sfond L- Istrateġija mġedda tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE, adottata f'Ġunju 2006, tindirizza seba' sfidi ewlenin: il-bidla fil-klima u l-enerġija nadifa; it-trasport sostenibbli; il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli; il-preżervazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali; is-saħħa pubblika; l-inklużjoni soċjali, id-demografija u l-migrazzjoni u l-faqar globali. Il-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2007 staqsa lill-Kummissjoni biex tipprovdi t-tieni rapport ta’ progress dwar l-istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli sa’ Ġunju 2009. Din ir-reviżjoni qed issir b’risposta għat-talba tal-Kunsill Ewropew. Ir-Rapport jinsab fi: http://ec.europa.eu/sustainable/welcome/index_en.htm