IP/09/ 1197 Brussell, it-28 ta' Lulju 2009 Antitrust: Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni għas-settur tad-distribuzzjoni Il-Kummissjoni Ewropea qed tistieden kummenti dwar il-proposta tagħha għal reviżjoni tar-Regolament u Linji-Gwida għal Eżenzjoni Ġenerali dwar il-ftehimiet ta’ forniment u distribuzzjoni (restrizzjonijiet vertikali). Ir-Regolament fis-seħħ bħalissa jiskadi f’Mejju 2010. Mill-esperjenza tagħha fl-applikazzjoni tar-regoli u l-kummenti tal-partijiet interessati dwarhom, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-regoli qed jiffunzjonaw tajjeb u m’hemmx bżonn ta’ tibdil fundamentali. Is-suġġerimenti ewlenin għall-emendi huma intenzjonati li jqisu l-iżviluppi reċenti fis-suq, partikolarment iż-żjieda fis-saħħa tax-xiri tal-bejjiegħa bl-imnut kbar u l-evoluzzjoni tal-bejgħ permezz tal-Internet. Partijiet interessati huma mistiedna jibgħatu l-kummenti tagħhom sat-28 ta’ Settembru 2009. Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes qalet: “Distribuzzjoni kompetittiva u effiċjenti hija essenzjali għall-benesseri tal-konsumatur u għall-ekonomija tagħna. Ir-reviżjoni li tniedet illum hija mmirata biex tiżgura li l-valutazzjoni tal-ftehimiet dwar forniment u distribuzzjoni skont ir-regoli ta’ kompetizzjoni jqisu l-iżviluppi reċenti fis-suq, jiġifieri żieda fil-qawwa tas-suq fil-livell tax-xerrejja u forom ġodda ta’ distribuzzjoni inklużi l-opportunitajiet li ġab miegħu l-Internet”. Ir-Regolament tal-Kummissjoni għal Eżenzjoni Ġenerali Nru 2790/1999 jiżgura li ftehimiet dwar forniment u distribuzzjoni li jissodisfaw id-dispożizzjoinjiet tiegħu igawdu minn eżenzjoni mill-projbizzjoni tat-Trattat KE dwar prattiċi restrittivi ta' negozji (Artikolu 81 (1). Ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali dwar restrizzjonijiet vertikali fis-seħħ bħalissa jiskadi f’Mejju 2010 Mill-valutazzjoni preliminari li għamlet il-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu, skont l-esperjenza u r-reazzjoni tal-partijiet interessati, irriżulta li r-regoli kurrenti fil-prattika ħadmu tajjeb. Meta ġie adottat fl-1999, ir-Regolament kien intiż biex inaqqas b’mod konsiderevoli il-piż regolatorju fuq l-intrapriżi, partikolarment dawk l-intrapriżi li ma jistgħux jgħollu l-prezzijiet mingħajr ma jitilfu mill-profitt (cjoé dawk li m’humiex b’saħħithom fis-suq), bħall-SMEs, u biex jintroduċi approċċ għall-ivverifikar tar-restrizzjonijiet vertikali bbażat fuq l-effetti. Dawn l-għanijiet u interessi għadhom validi llum. Żewġ żviluppi kbar immarkaw dan il-perjodu ta’ għaxar snin minn meta daħlu fis-seħħ ir-regoli kurrenti: żjieda fis-saħħa tad-distributuri l-kbar fis-suq u l-bejgħ bl-Internet. Biex tikkunsidra dawn l-iżviluppi, il-Kummissjon tipproponi li biex ftehim vertikali jgawdi mill-benefiċċju ta’ eżenzjoni ġenerali, mhuwiex biss is-sehem tas-suq tal-fornitur (kif inhu l-każ bħalissa) li jeħtieġ ma jaqbiżx it-30%, iżda wkoll dak tax-xerrejja. Rigward il-bejgħ bl-Internet, fuq in-naħa l-waħda hemm il-ħtieġa li jitħarsu l-possibiltajiet tal-konsumaturi biex jagħmlu xiri transkonfinali għall-vantaġġ tagħhom, li hu ffaċilitat ħafna mill-Internet. Fuq in-naħa l-oħra, ċerti restrizzjonijiet ta’ bejgħ immirati biex jillimitaw jew itelfu distributuri milli jieħdu vantaġġ inġust ta’ kummerċjalizzazjoni u promozzjoni tad-ditta li jsiru minn oħrajn (cjoé l-parassitiżmu) jista’ jgħin lill-konsumaturi jibbenefikaw minn servizzi aħjar. L-approċċ li qed tissuġġerixxi l-Kummissjoni għalhekk jorqom, fil-kuntest tal-Internet, id-distinzjoni bejn bejgħ magħmul bħala riżultat ta’ kummerċjalizzazzjoni attiva u bejgħ li jirriżulta minn inizjattiva tal-konsumatur (jiġifieri bejn bejgħ attiv u passiv), u jispjega kif ir-Regolament rivedut ikun jittratta kundizzjonijiet imposti fir-rigward tal-bejgħ bl-Internet, bħal ngħidu aħna meta fornitur jagħmel kundizzjoni li d-distributur m’għandux ikollu ħanut fiżiku qabel ma jinvolvi ruħu f’bejgħ bl-Internet. Il-Kummissjoni tistieden lil partijiet terzi interessati biex jibgħatu l-kummenti sat-28 ta’ Settembru 2009. Il-konsultazzjoni tkopri l-kwistjonijiet kollha li jittrattaw ir-Regolament u l-Linji-Gwida, iżda l-Kummissjoni tfittex b'mod partikolari li jidħlulha kummenti dwar it-tħaddim ġenerali tar-regoli kurrenti, il-livell safejn l-iżviluppi reċenti tas-suq għandu jkollhom impatt fuq ir-Regolament u l-approċċ suġġerit mill-Kummissjoni rigward is-saħħa tax-xerrejja fis-suq u r-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ bl-Internet. L-abbozz tar-Regolament u Linji-Gwida għal Eżenzjoni Ġenerali rivedut huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku Europa fl-indirizz: http://ec.europa.eu/competition/consultations/2009_vertical_agreements/index.html