IP/09/1201 Brussell, is-29 ta’ Lulju 2009 L-Ewropej bi ħġarhom jikkonsidraw l-impatti ambjentali tal-prodotti li jixtru Stħarriġ tal-Eurobarometer ippubblikat illum żvela li erbgħa minn kull ħames Ewropej jgħidu li jikkonsidraw l-impatt ambjentali tal-prodotti li jixtru. Il-konsiderazzjoni ambjentali kienet l-ogħla fil-Greċja fejn aktar minn disgħa minn kull għaxra ta' dawk mistħarrġa qalu li l-impatt tal-prodott fuq l-ambjent għandu rwol importanti fid-deċiżjonijiet li jieħdu meta jixtru. Fl-istess stħarriġ kien hemm qasma ndaqs bejn l-Ewropej dwar id-dikjarazzjonijiet tal-produtturi dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti tagħhom, filwaqt li kważi n-nofs jaħsbu li taħlita ta' żidiet fit-taxxi fuq il-prodotti li jagħmlu ħsara lill-ambjent u tnaqqis fit-taxxi fuq il-prodotti ekoloġiċi jkun l-aħjar mod biex jiġu promossi l-prodotti ekoloġiċi. Kien hemm ukoll sostenn qawwi biex il-bejjiegħa jieħdu sehem fil-promozzjoni tal-prodotti ekoloġiċi u għall-ittikkettar mandatorju tal-karbonju. Il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, Stavros Dimas, qal: "Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għandha tiġi miġġielda fuq il-fronti kollha u kulħadd għandu jikkontribwixxi. Mhijiex ir-responsabbiltà tal-kumpaniji u l-gvernijiet biss; il-konsumaturi għandhom sehem x'jagħtu wkoll. Meta jixtru prodotti ekoloġiċi u li ma jagħmlux ħsara lill-klima, il-konsumaturi individwali jibagħtu messaġġ f'waqtu lill-produtturi, li min-naħa tagħhom iwieġbu billi jipproduċu prodotti aktar ekoloġiċi." L-impatt tal-prodotti fuq l-ambjent huwa importanti Fl-istħarriġ tal-Eurobarometer ippubblikat illum dwar l-attitudni tal-Ewropej lejn il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, il-maġġoranza enormi tal-Ewropej (83 %) qalu li l-impatt ta' prodott fuq l-ambjent huwa aspett importanti fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar ix-xiri. Bi 92 % favur, il-Griegi kienu l-aktar li x'aktarx jikkunsidraw l-impatt ambjentali tal-prodotti li jixtru filwaqt li dawk li x'aktarx l-inqas jagħmlu hekk kienu ċ-Ċeki (62 %). Ideat imħallta dwar id-dikjarazzjonijiet mill-kumpaniji dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti tagħhom Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet mill-produtturi dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti tagħhom, l-ideat tal-Ewropej mistħarrġa kienu maqsuma indaqs, 49 % jafdaw dawn id-dikjarazzjonijiet u 48 % ma jafdawhomx. L-Olandiżi kienu l-aktar li x'aktarx jafdaw dawn id-dikjarazzjonijiet (78 %), filwaqt li l-Bulgari kienu l-anqas li x'aktarx jagħmlu hekk (26 %). Taxxi ogħla fuq il-prodotti li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent u taxxi orħos fuq il-prodotti ekoloġiċi Madwar 46 % taċ-ċittadini tal-UE jaħsbu wkoll li l-aħjar mod biex jiġu promossi l-prodotti ekoloġoċi huwa li jiżdiedu t-taxxi fuq il-prodotti li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent u li jorħsu t-taxxi fuq il-prodotti ekoloġiċi. L-aktar favur ta' din is-sistema ta' tassazzjoni doppja kienu l-Brittanniċi, filwaqt li l-Maltin kienu bil-wisq anqas favur (28 %) u jippreferu minflok li jonqsu t-taxxi fuq il-prodotti ekoloġiċi biss. Ir-rwol importanti tal-bejjiegħa fil-promozzjoni tal-prodotti ekoloġiċi Dawk mistħarrġa kienu favur bil-qawwa li l-bejjiegħa jippromwovu l-prodotti ekoloġiċi. Bejn wieħed u ieħor nofs iċ-ċittadini tal-UE (49 %) jaħsbu li l-bejjiegħa jmisshom iżiedu l-viżibbiltà ta' dawn il-prodotti fuq l-ixkafef tagħhom jew li jkollhom rokna fil-ħanut tagħhom apposta għall-prodotti ekoloġiċi. Terz (31 %) tal-Ewropej qalu li l-aħjar mod biex il-bejjiegħa jippromwovu l-prodotti ekoloġiċi huwa li jipprovdu tagħrif aħjar lill-konsumaturi. Sostenn qawwi għat-tikketti tal-marka tal-karbonju Minkejja li ftit anqas minn nofs l-Ewropej jgħidu li l-ekotikketti għandhom rwol importanti fid-deċiżjonijiet li jieħdu meta jixtru, u wieħed minn kull għaxra biss jgħidu li t-total tal-emissjonijiet tal-gass serra ġġenerati minn prodott għandhom jidhru fuq l-ekotikketti, xi 72 % taċ-ċittadini Ewropej jaħsbu li fil-ġejjieni tikketta li tindika l-marka tal-karbonju ta' prodott għandha tkun mandatorja. L-attitudnijiet dwar dan is-suġġett ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri, biċ-Ċeki l-anqas favur ta' dawn it-tikketti (47 %) u l-Griegi, b'90 % favur, isostnu din l-idea bi ħġarhom. Tikketta tal-marka tal-karbonju tkun turi l-ammont totali ta' gassijiet serra, fosthom id-diossidu tal-karbonju - li joħroġ matul il-ħajja ta' prodott, mill-produzzjoni sar-rimi. Attwalment ma teżisti l-ebda skema bħal din fuq skala Ewropea, imma fil-Kunsill tal-Ambjent ta' Diċembru 2008 il-ministri stiednu lill-Kummissjoni tistudja l-introduzzjoni tal-ittikkettar tal-marka tal-karbonju. Sfond: Pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli F'Lulju 2008 il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta' azzjoni li jinkludi serje ta' proposti dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli li għandu jikkontribwixxi biex titjieb il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u tiżdied id-domanda għal aktar oġġetti u teknoloġiji tal-produzzjoni sostenibbli. L-istess pjan iħeġġeġ ukoll lill-industrija tal-UE biex tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet għall-innovazjzoni. Aktar tagħrif Is-siti dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli: http://ec.europa.eu/environment/eussd/escp_en.htm