IP/09/1257 Brussell, it-28 ta’ Awwissu 2009 Il-Librerija Diġitali tal-Ewropa tirdoppja fid-daqs iżda turi wkoll in-nuqqas ta' soluzzjoni komuni mill-UE għad-drittijiet tal-awtur fuq l-internet 4.6 miljun kotba, mapep, ritratti, siltiet viżivi u gazzetti diġitalizzati issa jistgħu jiġu aċċessati minn utenti tal-internet fuq Europeana, il-librerija diġitali multilingwi tal-Ewropa ( www.europeana.eu ). Il-ġabra ta' Europeana irduppjat u baqgħet tikber minn meta ġiet imnedija f'Novembru 2008 ( IP/08/1747 ). Illum, il-Kummissjoni Ewropea, f'dokument ta' politika, iddikjarat li l-mira tagħha hija li l-għadd ta' oġġetti diġitalizzati jittella' għal 10 miljuni sal-2010. Il-Kummissjoni fetħet ukoll dibattitu pubbliku dwar l-isfidi futuri għad-diġitizzazzjoni tal-kotba fl-Ewropa: il-potenzjal biex is-settur pubbliku u dak privat jingħaqdu u l-ħtieġa li jkun riformat il-qafas Ewropew tad-drittijiet tal-awtur li attwalment huwa frammentat wisq. "Id-diġitizzazzjoni tal-kotba huwa biċċa xogħol enormi, iżda wkoll waħda li tiftaħ il-kontenut kulturali lil miljuni ta' ċittadini fl-Ewropa u lil hinn minnha. Huwa għalhekk li nilqa' l-ewwel sforzi li għamlu l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kulturali tagħhom biex jimlew l-ixkafef tal-librerija diġitali tal-Ewropa ," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Media. "Madankollu, naħseb li huwa allarmanti li biss 5% tal-kotba diġitalizzati kollha fl-UE huma disponibbli fuq Europeana. Ninnota wkoll li kważi nofs ix-xogħlijiet diġitalizzati tal-Europeana ġew minn pajjiż wieħed biss, filwaqt li l-Istati Membri l-oħra baqgħu lura ferm. Għalija dan juri, fuq kollox, li l-Istati Membri għandhom jieqfu jgħiru għall-progress li jsir f'kontinenti oħra u fl-aħħar mill-aħħar jagħmlu xogħolhom. Dan juri wkoll li l-Europeana waħedha mhix se tkun biżżejjed biex l-Ewropa titqiegħed fuq il-mappa diġitali tad-dinja. Jeħtieġ li naħdmu aħjar flimkien biex il-qafas Ewropew tad-drittijiet tal-awtur ikun adatt għall-era diġitali." Illum, utent jista' jsib mal-4.6 miljun oġġett diġitizzat fuq il-Europeana, imqabbel ma' 2 miljuni disa' xhur ilu. Oġġetti ġodda li żdiedu jinkludu: ġabra ta' 70 ktieb incunabula (kotba stampati bl-użu tal-eqdem tekniki ta' stampar) mil-librerija tal-Katalunja, edizzjoni tal-1572 ta' 'Os Lusíadas' ta' Luís de Camões, il-poeżija nazzjonali tal-Portugal, u filmat ta' Friedrichstraße f'Berlin li jmur lura għall-1913, mill-Association des Cinémathèques Européennes. Madankollu, il-progress sostanzjali li sar bil-Europeana jitfa' dawl ukoll fuq l-isfidi u l-problemi marbuta mal-proċess tad-diġitizzazzjoni. Attwalment, l-Europeana tinkludi l-aktar kotba diġitalizzati li jinsabu fid-dominju pubbliku u li għalhekk m'għadhomx protetti mil-liġi dwar id-drittijiet tal-ikkupjar (li ttul sa 70 sena wara l-mewt tal-awtur). Attwalment l-Europeana, għal raġunijiet legali, ma tinkludix xogħlijiet li m'għadhomx jiġu stampati (madwar 90 % tal-kotba fil-libreriji nazzjonali tal-Ewropa), u lanqas xogħlijiet orfni (stmati li jlaħħqu mal-10-20 % ta' kollezzjonijiet koperti mid-drittijiet tal-awtur), li għadhom koperti mid-drittijiet tal-awtur imma li l-awtur tagħhom ma jistax jiġi identifikat. L-Europeana turi wkoll li l-liċenzjar ta' materjal imħares mid-drittijiet tal-awtur fl-Ewropa għadu jseħħ taħt qafas legali frammentat ħafna. Aktar kmieni din is-sena, kollettur Franċiż kellu jirtira ritratti mill-Europeana, peress li kellu biss id-dritt li jqassam il-materjal fuq it-territorju Franċiż. Biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet kollha, il-Kummissjoni llum nediet konsultazzjoni pubblika dwar il-ġejjieni tal-Europeana u d-diġitizzazzjoni tal-kotba li se tibqa' għaddejja sal- 15 ta' Novembru 2009 . Mistoqsijiet li ressqet il-Kummissjoni jinkludu: Kif jista' jiġi żgurat li l-materjal diġitizzat jista' jsir disponibbli għall-konsumaturi madwar l-UE kollha? Għandu jkun hemm kooperazzjoni aħjar mal-pubblikaturi fir-rigward ta' materjal kopert mid-drittijiet tal-awtur? Tkun idea tajba li jinħolqu reġistri Ewropej għal xogħlijiet orfni u xogħlijiet li m'għadhomx jiġu stampati? Kif għandha tiġi ffinanzjata l-Europeana fil-medda t-twila? Sfond Il-Kummissjoni Ewropea stabilixxiet l-Europeana f'Novembru 2008 ( IP/08/1747 ). Mill-perjodu bejn l-2009 u l-2011, il-programm tal-UE eContent plus se jkopri madwar 80 % tal-baġit ta' € 2.5 miljun li għandha l-Europeana kull sena). L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kulturali se jikkontribwixxu l-bqija. Sal-2013, il-Kummissjoni Ewropea tista' tkompli tappoġġa l-Europeana b'€ 9 miljun mill- Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni. L-uffiċċju tal-Europeana huwa ospitat mil-Librerija Nazzjonali tal-Olanda f'The Hague, u huwa mmexxi mill-Fondazzjoni Ewropea għal-Libreriji Diġitali. Fit-tnedija tiegħu f'Novembru 2008, is-sit tal-Europeana tant kien popolari li għall-bidu ma bediex ilaħħaq mad-domanda ( MEMO/08/733 ). Illum jopera mingħajr intoppi. Pakkett dwar l-Europeana għall-istampa huwa disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/cf/itemlongdetail.cfm?item_id=5181 Europeana - il-Librerija Digitali Ewropea http://www.europeana.eu/ L-Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-libreriji diġitali: http://ec.europa.eu/information_society/activities/digital_libraries/index_en.htm Annex Overview of the contribution of EU Member States to Europeana in % of the total number of objects (4.6 million) – situation end July 2009 – EU countries France 47% Germany 15.4% Netherlands 8% United Kingdom 7.9% Sweden 5.2% Finland 4% Greece 1.6% Italy 1.2% Belgium 1.1% Slovenia 0.7% Spain 0.6% Estonia 0.4% Luxembourg 0.4% Poland 0.3% Romania 0.3% Austria 0.2% Portugal 0.2% Hungary 0.1% Latvia <0.1% Cyprus <0.1% Bulgaria <0.1% Czech Republic <0.1% Denmark <0.1% Ireland <0.1% Lithuania <0.1% Malta <0.1% Slovakia <0.1% Non EU countries Norway 4.3% Switzerland 0.4%