IP/09/1261 Brussell, l-1 ta’ Settembru 2009 Il-kompetizzjoni tat-tradutturi żgħażagħ tal-UE tidħol fit-tielet sena tagħha Xorti tajba għat-tielet darba fil-kompetizzjoni tal-Kummissjoni għal tradutturi ¿għa¿agħ Illum tibda t-tielet kompetizzjoni Juvenes Translatores għall-iskejjel sekondarji tal-UE bil-ftuħ tal-perjodu ta’ reġistrazzjoni “Juvenes Translatores”, li bil-Latin tfisser “tradutturi żgħażagħ”, se jkollhom il-possibbiltà li jipprovaw jittraduċu test f’lingwa tal-għażla tagħhom u jirbħu premju. Din il-kompetizzjoni li dejjem qed issir iżjed popolari se żżomm l-istess stil li ġie ppruvat li kien ta’ suċċess fit-tnejn ta’ qabel. L-iskejjel sekondarji kollha li jixtiequ jipparteċipaw jistgħu jirreġistraw mill-1 ta’ Settembru sal-20 ta’ Ottubru. ”Kompetizzjoni li bdiet bħala proġett bi prova żviluppat f’avveniment tant mistenni tas-sena skolastika”, skont il-Kummissarju għall-Multilingwiżmu, Leonard Orban. “L-għan ta’ din il-kompetizzjoni hu li l-istudenti jingħataw l-opportunità li jużaw il-kapaċitajiet tal-lingwa li jkunu tgħallmu, biex jipprovaw “jaħdmu” bħala tradutturi, u biex titqajjem kuxjenza tal-arti tat-traduzzjoni. Ir-rispons mill-iskejjel u l-parteċipanti fil-kompetizzjonijiet ta’ qabel juri li l-miri kienu ntlaħqu. “Aħna kuntenti b’mod partikolari li wħud mir-rebbieħa llum qed jistudjaw it-traduzzjoni l-università”, qal il-Kummissarju Orban. Fl-ewwel fażi, skejjel sekondarji mill-Istati Membri kollha huma mistiedna biex jirreġistraw pemezz tal-formola tal-applikazzjoni onlajn disponibbli fil-websajt tal-kompetizzjoni http://ec.europa.eu/translatores Għadd ta’ skejjel minn kull Stat Membru li jkunu rreġistraw se jintgħażlu b’mod każwali mill-kompjuter . Minħabba li n-numru ta’ skejjel huwa limitat, il-bażi għall-għażla hu l-għadd tal-voti li kull Stat Membru għandu fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mmultiplikat bi tnejn (ara t-tabella hawn taħt). Franza, il-Ġermanja, l-Italja, ir-Renju Unit 58 Il-Polonja, Spanja 54 Ir-Rumanija 28 L-Olanda 26 Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Ungerija, il-Portugall 24 L-Awstrija, il-Bulgarija, l-Iżvezja 20 Id-Danimarka, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Litwanja, is-Slovakkja 14 Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Lussemburgu, is-Slovenja 8 Malta 6 Fit-tieni fażi, kull skola għandha tressaq l-ismijiet ta’ mhux aktar minn ħames studenti li twieldu fl-1992 . Fl-istess ħin, l-istudenti għandhom jagħżlu l-lingwa li se jittraduċu minnha u għal-liema lingwa biħsiebhom jittraduċu. L-għażla hija libera minn kwalunkwe waħda fost it-23 lingwa uffiċjali tal-UE (pereżempju, mill-Pollakk għar-Rumen jew mill-Malti għall-Finlandiż). Il- kompetizzjoni se ssir fl-24 ta’ Novembru 2009 , bit-traduzzjonijiet li se jsiru fl-istess ħin fl-Istati Membri kollha taħt is-superviżjoni tal-iskejjel. Il-kontestanti se jkollhom sagħtejn biex jittraduċu test mibgħut lill-iskejjel ftit qabel tibda l-kompetizzjoni. Il-kontestanti jistgħu jużaw id-dizzjunarji, iżda l-ebda mezz elettroniku. Wara l-kompetizzjoni, it-traduzzjonijiet se jkunu kkoreġuti minn panel li jikkonsisti fi tradutturi professjonali mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni, u l-ġurija tal-kompetizzjoni se tagħżel l-aħjar traduzzjoni minn kull Stat Membru. Ir-rebbieħa kollha se jiġu mistiedna għal ċeremonja ta’ premjazzjoni ġewwa Brussell fil-preżenza tal-Kummissarju Ewropew għall-Multilingwiżmu. Waqt il-mawra tagħhom fi Brussell ir-rebbieħa se jsiru jafu lil xulxin u se jiltaqgħu wkoll ma’ għadd ta’ tradutturi tal-UE. Is-Sit tal-Juvenes Translatores: http://ec.europa.eu/translatores Il-lingwi fl-UE: http://europa.eu/languages/mt/home Id-DĠ għat-Traduzzjoni: http://ec.europa.eu/dgs/translation/