IP/09/1290 Brussell, id-9 ta’ Settembru 2009 Insalvaw aktar ħajjiet fuq it-toroq tal-Ewropa: l-operaturi tat-telefonija mobbli jidħlu għall-adozzjoni tat-teknoloġija eCall Illum l-eCall, is-sistema tal-Ewropa għas-sejħiet tal-emerġenza mill-karozza, irċeviet l-appoġġ sħiħ tal-industrija Ewropea tat-telefonija mobbli. Ir-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni GSM tal-industrija seddqu l-impenn tagħhom għal din it-teknoloġija li ssava l-ħajjiet billi ffirmaw il-memorandum ta' Ftehim tal-UE għall-implimentazzjoni tal-eCall madwar l-Ewropa. L-eCall iċempel awtomatikament lill- 112, in-numru waħdieni tal-emerġenza fl-Ewropa , meta karozza jkollha inċident serju, u jibgħat il-lokazzjoni tagħha lill-eqreb servizz ta' emerġenza – anki meta l-passiġġeiri ma jafux jew ma jistgħux jgħidu fejn ikunu jinsabu. L-adozzjoni tal-eCall teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet pubbliċi, il-kumpaniji tal-karozzi u l-operaturi tat-telefonija mobbli u tista' ssalva mal-2,500 ħajja kull sena fl-UE meta implimentata għal kollox u tnaqqas il-gravità tat-tidrib b'10 sa 15%. "Ix-xahar li għadda, il-Kummissjoni Ewropea appellatlill-gvernijiet u lill-industriji awtomotivi u tat-telekomunikazzjoni tal-Ewropa biex jagħmlu aktar biex l-eCall tibda tiffunzjona. Nifraħ lill-industrija tat-telfonija mobbli li wieġbet daqshekk malajr għal din is-sejħa. Bl-appoġġ li qed tagħti għas-sistema tal-Ewropa għas-sejħiet tal-emerġenza mill-karozza, l-industrija wriet ir-responsabbiltà soċjali u l-ftuħ tagħha għal applikazzjonijiet innovattivi tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni fil-ħajja ta' kuljum," qalet Viviane Reding, il-Kummissjonu tal-UE għat-Telekomunikazzjonijiet. "Madankollu, l-adozzjoni tal-eCall pan-Ewropew teħtieġ il-kooperazzjoni ta' kulħadd". Illum l-operaturi tat-telefonija mobbli wrew l-impenn tagħhom favur l-eCall, billi ngħaqdu mal-industrija Ewropea tal-karozzi u l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE. Sitt Stati Membri għandhom ma ffirmawx il-Memorandum ta’ Ftehim tal-eCall – id-Danimarka, Franza, l-Irlanda, Latvja, Malta u r-Renju Unit. Hemm bżonn jaqilgħu sieqhom minn fuq il-brejk u jħaffu l-introduzzjoni ta' sistema li tista' ssalva l-ħajjiet. Inkella, il-Kummissjoni jkollha tipproponi leġiżlazzjoni s-sena d-dieħla." Waqt ċerimonja llum organizzata mill-Kummissarju Reding, Martin Whitehead, id-direttur tal-Assoċjazzjoni GSM Europe għall-Ewropa, iffirma l-Memorandum ta' Ftehim tal-eCall f'isem l-industrija tal-komunikazzjonijiet mobbli. L-Assoċjazzjoni GSM tkopri 219-il pajjiż, u tgħaqqad kważi 800 mill-operaturi mobbili tad-dinja u aktar minn 200 kumpanija, inklużi manifatturi tal-mowbajls, kumpaniji tas-softwer, fornituri ta' tagħmir, kumpaniji tal-internet, u organizzazzjonijiet tal-midja u tad-diver timent. Sabiex l-eCall tiġi adottata bis-sħiħ, l-industriji tal-Ewropa tal-karozzi u t-telekomunikazzjoni u l-amministrazzjonijiet nazzjonali fil-pajjiżi kollha tal-UE jridu jiżguraw li s-servizzi tagħhom tal-emerġenza, speċjalment iċ-ċentri li jirċievu s-sejħiet, ikunu mgħammra biex jirċievu l-eCalls. Għalkemm it-teknoloġija hija lesta u hemm qbil fuq l-istandards komuni tal-UE mis-servizzi tal-industrija u tal-emerġenza, id-Danimarka, Franza, l-Irlanda, il-Latvja, Malta u r-Renju Unit għadhom mhumiex lesti jagħtu l-impenn tagħhom għal dan il-proġett, l-aktar minħabba tħassib dwar spejjeż. 15-il pajjiż tal-UE (l-Awstrija, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja, l-Olanda, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, Spanja, u l-Iżvezja), kif ukoll tliet pajjiżi taż-ŻEE (l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera) qablu dwar arranġamenti komuni għall-implimentazzjoni tal-eCall. Sitt pajjiżi oħra (il-Belġju, il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Lussemburgu, ir-Rumanija u l-Polonja) jappoġġaw l-eCall u lesti jiffirmaw il-ftehim. Il-Parlament Ewropew jappoġġa wkoll b'qawwa l-adozzjoni tal-eCall fil-karozzi madwar l-Ewropa. Sfond F'Awwissu, il-Kummissjoni Ewropea sejħet lill-pajjiżi tal-UE u lill-industriji tal-karozzi u tat-telekomunikazzjoni tal-Ewropa biex jagħmlu aktar biex l-eCall tibda tiffunzjona ( IP/09/1245 ). Il-Kummissjoni fasslet strateġija biex l-eCall tiġi introdotta malajr fil-vetturi ġodda kollha (ta' kull tip u pajjiż tal-oriġini) madwar l-Ewropa. It-teknoloġija tkun miftuħa għal kulħadd, u tuża n-numru waħdieni Ewropew għall-emerġenzi 112 , li llum huwa disponibbli madwar l-UE ( IP/08/1968 ). Il-Kummissjoni ffinanzjat proġetti eCall li jiżguraw li t-teknoloġija taħdem b'mod transkonfinali (E-MERGE u GST-Rescue ) u bil-kooperazzjoni tal-industrija permezz tal-Inizjattiva eSafety . L-eCall hija waħda mill-prijoritajiet tal-inizjattiva għall-"karozza intelliġenti" ( Intelligent Car Initiative ) u l-Pjan ta' Azzjoni għas-Sistemi Intelliġenti tat-Trasport ( Intelligent Transport Systems Action Plan ) li jippromwovu l-użu ta' teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni (ICT) sabiex naslu għal trasport aktar intelliġenti, aktar sikur u aktar nadif ( IP/06/191 ). Fl-aħħar sentejn, l-UE pprovdiet mal-€160 miljun għar-riċerka fl-ICT għat-trasport. L-aċċidenti tat-triq jiswew lill-ekonomija tal-UE aktar minn €160 biljun fis-sena. Jistgħu jiġi ffrankati €26 biljun fis-sena jekk il-230 miljun karozza tal-UE jiġu mgħammra bl-eCall. Is-sistema eCall se tiffaċilita wkoll il-ġestjoni tal-konġestjoni tat-traffiku tat-triq u għall-istallazzjoni ta' servizzi bħan-navigazzjoni satellitari fil-karozzi. Il-Memorandu m ta' Ftehim tal-UE u l-lista tal-firmatarji hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/information_society/activities/esafety/doc/esafety_library/mou/invehicle_ecall_mou.pdf http://ec.europa.eu/information_society/activities/esafety/doc/esafety_library/mou/list_of_signatures_mou.pdf L-istrateġija tal-Kummissjoni għal sistema eCall tal-UE u l-ftehim iffirmat minn 15-il Stat Membru u aktar minn 80 oragnizzazzjoni jinsab fuq: http://ec.europa.eu/information_society/activities/esafety/ecall/index_en.htm Għal aktar tagħrif dwar l-eCall żur: http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/cf/news.cfm?item_type=library&item_subtype=audiovisual&tpa_id=144 L-istqarrija għall-istampa tal-lum mill-GSM Association Europe tinsab fuq: http://www.gsmworld.com/newsroom/index.htm