IP/09/1310 Brussell, l-14 ta’ Settembru 2009 Inizjattiva dwar il-Mediċini Innovattivi: inpoġġu l-Ewropa minn ta' quddiem fil-qasam tal-innovazzjoni bijofarmaċewtika. Illum, l-Inizjattiva dwar il-Mediċini Innovattivi (IMI), is-sħubija bejn is-settur pubbliku u s-settur privat li kien hemm bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-industrija farmaċewtika Ewropea, irrappreżentata mill-EFPIA, għamlet l-ewwel dikjarazzjoni importanti tagħha dwar is-suċċess tal-kollaborazzjoni. L-IMI ħabbret is-suġġetti tar-riċerka tat-tieni sejħa tagħha għal proposti. Permezz ta' dawn is-suġġetti, l-IMI għandha l-għan li tħaffef l-iskoperta u l-iżvilupp ta' mediċini ġodda fil-qasam tal-kanser, u fil-qasam tal-mard infjammatorju u infettiv. Il-finanzjament disponibbli għat-tieni sejħa se jkun ta' € 156.3 miljun, li minnhom € 76.8 miljun se jiġu pprovduti mill-Kummissjoni Ewropea u € 79.5 miljun mistennija li jiġu pprovduti in natura mill-kumpaniji membri tal-EFPIA. L-IMI introduċiet ukoll lil Michel Goldman, id-Direttur Eżekuttiv li għadu kif inħatar u li se jokkupa din il-kariga b'mod uffiċjali mis-16 ta' Settembru. Il-Kummissarju tal-UE għax-Xjenza u r-Riċerka Janez Potočnik enfasizza l-kisbiet u l-avvanzi ewlenin tal-inizjattiva: "L-IMI hija r-reazzjoni tagħna għall-ħtieġa li l-Ewropa tkun aktar attraenti għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-qasam tal-farmaċewtika u sabiex jiġi żgurat li r-riżultati ta' riċerka fundamentali jkunu jistgħu jinbidlu malajr fi trattamenti innovattivi ġodda. Ir-riżultati ta' dan il-mekkaniżmu ta' riċerka ġdid u eċċitanti għandna narawhom dalwaqt, u permezz ta' dan il-mediċini innovattivi l-ġodda għandhom jkunu disponibbli aktar malajr għall-pazjenti Ewropej." Waqt li Arthur J. Higgins, is-CEO tal-Bayer Healthcare u l-President tal-EFPIA, kien qed jindirizza l-midja, huwa faħħar il-kollaborazzjoni bejn l-industrija u l-Kummissjoni: "L-IMI hija dikjarazzjoni ċara li l-Ewropa trid tkun minn ta' quddiem fil-qasam tal-innovazzjoni bijofarmaċewtika. Jekk inħaffu u kemm jista' jkun intejbu l-proċessi tar-Riċerka u l-Iżvilupp inkunu qed nippruvaw neliminaw l-ostakli fil-proċess tal-iżvilupp tal-mediċini. Għaldaqstant, diġà investejna € 246 miljun – inklużi € 136 miljun mill-industrija – fil-proposti ta' suċċess li kellna sa issa. L-akbar suċċess ta' din l-inizjattiva kien li laqqajna flimkien kumpaniji farmaċewtiċi li normalment jikkompetu bejniethom mal-partijiet interessati akkademiċi fi sforz li qatt qabel ma kien hemm bħalu sabiex inħaffu l-iskoperta tal-mediċini innovattivi." Id-Direttur Eżekuttiv li għadu kif inħatar, il-Professur Michel Goldman, stqarr: "Inħossni tassew kuntent li se ningħaqad mal-IMI f'mument daqshekk eċċitanti fl-iżvilupp tagħha. Abbażi tal-esperjenza preċedenti tiegħi fi sħubiji bejn is-settur pubbliku u s-settur privat, l-ewwel prijorità tiegħi se tkun li nsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-akkademja u l-industrija fl-interess tal-pazjenti". Il-ħatra ta' Michel Goldman bħala d-Direttur Eżekuttiv il-ġdid tal-IMI hija pass importanti lejn l-awtonomija sħiħa tal-IMI mill-Kummissjoni Ewrope a u mill-EFPIA. Is-suġġetti l-ġodda ta' riċerka ġew approvati mill-Bord tal-IMI, wara konsultazzjoni estensiva bejn il-partijiet interessati varji; inklużi l-kumitat xjentifiku tal-IMI, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-kumpaniji farmaċewtiċi li huma membri tal-EFPIA. Kollha kemm huma impenjaw irwieħhom biex jikkollaboraw mal-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati sabiex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b'mod aktar effiċjenti. It-tieni sejħa għal proposti tal-IMI għandha titvara fit-30 ta' Ottubru 2009. Sfond L-IMI hija sħubija bejn is-settur pubbliku u s-settur privat li tvarat fl-2007 bil-għan li tappoġġa skoperti u żvilupp aktar effiċjenti ta' mediċini aħjar għall-pazjenti billi telimina l-ostakli fil-proċess attwali tal-iżvilupp tal-mediċini. Il-baġit totali tal-IMI għall-perjodu 2008-2017 huwa ta' € 2 biljuni (biljun mill-Komunità Ewropea u biljun mill-industrija). L-ewwel sejħa għal proposti tal-IMI tvarat f'April 2008. Intbagħtu 134 proposta u minnhom intgħażlu 15 sabiex jirċievu € 246 miljun. Dwar Michel Goldman Michel Goldman huwa professur tal-immunoloġija fil-fakultà tal-mediċina tal-Université Libre de Bruxelles (ULB) fil-Belġju. Il-kisbiet tiegħu fl-oqsma tal-mard medjat mis-sistema immunitarja u tal-bijoterapiji immunoloġiċi wasslu għall-pubblikazzjoni ta' aktar minn 380 artiklu f'ġurnali speċjalizzati Fis-sena 2000 irċieva l-Premju ta' Joseph Maisin, premju importanti fl-ambitu tax-xjenzi kliniċi li ngħata mill-Fond Belġjan għar-Riċerka Xjentifika. Fl-2006, ġie rrikonoxxut bħala 'ISI Highly Cited Scientist' mit-Thomson Institute for Scientific Information. Il-lista tad-disa' suġġetti tat-tieni sejħa għal proposti tal-IMI Bijomarkaturi li jipproduċu immaġnijiet għall-iżvilupp tal-mediċini kontra l-kanser. Għodod ġodda għall-validazzjoni tat-targits sabiex titjieb l-effikaċja tal-mediċina (onkoloġija). Bijomarkaturi molekulari: li jħaffu l-iżvilupp tat-terapija għall-kanser u jirfinaw il-kura għall-pazjenti. L-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' testijiet dijanjostiċi veloċi li jsiru fil-post tal-kura għad-dijanjożi tal-batterji sabiex jitħaffef it-twettiq tal-provi kliniċi u l-prassi klinika. Fehim tal-mekkaniżmi anormali tas-sistema immunitarja adattiva. Riċerka ta' konverżjoni fil-qasam tal-mard kroniku medjat mis-sistema immunitarja: konnessjoni bejn il-mudelli tal-annimali u l-bnedmin. Mudellar tal-mediċina/marda: librerija u qafas. Spazju farmakoloġiku miftuħ. Reġistri tas-Saħħa Elettroniċi (EHR). Għal aktar tagħrif dwar l-IMI ara s-siti http://imi.europa.eu   u http://www.imi-europe.org Ara wkoll IP/08/662 u IP/09/802