IP/09/1315 Brussell, 15 ta’ Settembru 2009 Il-Kummissjoni tniedi netwerk dwar "Master's Ewropew fit-Traduzzjoni" Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat lista ta' programmi universitarji li ġew magħżula biex jissieħbu fin-netwerk dwar "Master's Ewropew fit-Traduzzjoni" (EMT), wara sejħa f'Marzu ta' din is-sena. L-inizjattiva tal-Kummissjoni ġiet milqugħa tajjeb mill-komunità akkademika . Xejn inqas minn 93 programm ta' traduzzjoni fil-livell ta' Master's minn 24 Stat Membru u tliet pajjiżi mhux membri tal-UE pparteċipaw fis-sejħa, u 34 minn dawn ġew magħżula biex ikunu membri tan-netwerk dwar EMT għal perjodu inizjali ta' erba' snin . Ser titnieda sejħa oħra fl-2010 . In-netwerk se jgħin biex jippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattika bejn l-universitajiet parteċipanti u, finalment, isaħħaħ l-istandards tat-tagħlim, u jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' suq verament Ewropew għal tradutturi ta' ħila . "L-Ewropa għandha bżonn ta' taħriġ ta' kwalità tajba għal tradutturi fil-lingwi kollha biex tassigura forniment ta' professjonisti ta' ħila. Il-komunikazzjoni multilingwistika, f'sens aktar wiesa', teħtieġ li dawn jiżdiedu", qal Leonard Orban, il-Kummissarju Ewropew għall-Multilingwiżmu. Hu żied "In-netwerk dwar EMT se jikkontribwixxi biex jgħolli l-istandards tat-taħriġ għat-traduttur fl-UE u jinkoraġġixxi kooperazzjoni u skambji bejn universitajiet li joffru korsijiet ta' traduzzjoni". Is-sejħa għas-sħubija man-netwerk dwar EMT kienet miftuħa għall-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla kollha tal-UE li joffru programmi ta ' traduzzjoni fil-livell ta' Master's. Din ġiet ppubblikata f'Marzu ta' din is-sena b'data ta' skadenza għall-31 ta' Mejju. Il-proposti kollha kienu evalwati minn grupp ta' esperti akkademiċi. Sħubija inizjali hija limitata għal erba' snin li matulu, il-programmi li jkollhom suċċess se jkunu intitolati li jużaw it-tikketta "membru tan-netwerk dwar EMT". It-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet hija skedata għall-aħħar tal-2010. EMT hija mistennija li ssir tikketta ta' kwalità għal taħriġ għat-traduttur minn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla. Il-proġett dwar EMT tnieda fl-2005 bl-inizjattiva tad-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, u ġie żviluppat f'kooperazzjoni mill-qrib ma' esperti rikonoxxuti fil-professjoni tat-traduzzjoni mid-dinja akkademika. Sabiex jiġi inkoraġġut l-iskambju ta' metodi u esperjenzi ta' tagħlim, dawk kollha li pparteċipaw fis-sejħa, kemm jekk kellhom suċċess u anki jekk le, se jkunu mistiedna għall-ewwel laqgħa tan-netwerk dwar EMT fi Brussell f'Diċembru 2009. Dan l-avveniment se jikkostitwixxi l-laqgħa inawgurali tan-netwerk. Il-lista tal-programmi ta' traduzzjoni li kellhom suċċess hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/dgs/translation/programmes/emt/network/index_en.htm. Għal aktar tagħrif dwar il-proġett dwar EMT: http://ec.europa.eu/dgs/translation/programmes/emt/index_en.htm