IP/ 09/1333 Brussell, l- 17 ta' Settembru 2009 Ħalib: Il-Kummissjoni tipproponi aktar miżuri biex tgħin is-settur fil-medda l-qasira, medja u fit-tul Illum, il-Kummissarju għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali Miriann Fischer Boel spjegat f'dettall l-aħħar fażi tal-kampanja kurrenti tal-Kummissjoni biex tgħin lill-bdiewa tal-UE li jipproduċu l-ħalib joħorġu mill-kriżi attwali tas-suq. Il-pakkett ta' miżuri, ippreżentat illum lill-Parlament Ewropew, isegwi r-rapport tal-Kummissjoni ta' Lulju li għadda, u jinkludi miżuri kemm fil-medda l-qasira kif ukoll biex iseddqu l-futur aktar fit-tul tas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib. Il-Kummissjoni diġà bdiet il-proċess li tħalli lill-Istati Membri jħallsu għajnuna temporanja lill-bdiewa sa ammonti ta’ EUR 15 000. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li s-settur tal-ħalib jiġi protett minn klawżola ta' emerġenza li diġà teżisti għal setturi agrikoli oħra, sabiex tkun possibbli tweġiba aktar malajr għal tfixkil tas-suq li jista' jinqala' fil-ġejjieni. Bis-saħħa ta' bidliet fil-funzjonament tal-iskemi ta' xiri ta' kwoti mill-Istati Membri, għandu jiġi żgurat li kwoti mixtrija miżmuma fir-riżerva nazzjonali ma jibqgħux jgħoddu bħala parti mill-kwota nazzjonali meta wieħed jiġi biex jiddeċiedi jekk għandhiex tiġi imposta soprataxxa. Jekk tinġabar soprataxxa, il-parti li tikkorrispondi għall-kwota mixtrija tista' tintuża għar-ristrutturar. B'perspettiva aktar fit-tul, il-Kummissjoni se twaqqaf grupp ta' esperti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. Dan il-grupp se jagħti ħarsa, fost l-oħrajn, lejn ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-bdiewa u l-industrija tal-ħalib, ir-riżultati tar-rapport dwar il-funzjonament tal-katina tal-ikel fis-settur tal-ħalib (li se jiġi ppubblikat sal-aħħar tas-sena), u l-possibbiltà ta' suq tal-futuri fil-ħalib. "Dan il-pakkett jibni fuq il-ħafna miżuri li diġà ħadna, u li jidher li qegħdin jaħdmu sew," qalet Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali. "Qed nibdew naraw id-dawl f'tarf il-mina għall-bdiewa li jipproduċu l-ħalib. Huwa għalhekk li ninsab determinata bħal qatt qabel li ma mmorrux 'lura lejn il-futur' b'modi li kieku jagħmlu ħsara lis-settur tal-ħalib tagħna fil-medda t-twila, u li jħallu lill-bdiewa mingħajr l-ebda sens ta' possibbiltà ta' tbassir. Kif talabna espliċitament il-Kunsill Ewropew, ma nistgħux nagħmlu kutrumbajsi fuq deċiżjonijiet meħudin fil-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK. Jiena konvinta li l-ideat tal-lum se jipprovdu għajnuna reali u konkreta lill-produtturi tal-ħalib tagħna. Jeħtieġ ukoll li nkomplu naħsbu dwar il-passi li għandhom jittieħdu għaż-żmien medju u fit-tul. F'dan ir-rigward diġà rċevejna ideat kostruttivi mressqa minn Franza u mill-Ġermanja." Miżuri għall-medda l-qasira: Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni se tbiddel ir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat sabiex tippermetti lill-Istati Membri joffru lill-bdiewa għajnuna temporanja sa ammonti ta' EUR 15 000 fil-Qafas Temporanju ta' għajnuna minħabba l-Kriżi. Fil-ġejjieni, is-settur tal-ħalib se jkun kopert mill-Artikolu 186 tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq Waħdanija, li jippermetti lill-Kummissjoni tieħu azzjoni temporanja malajr, bis-setgħat proprju tagħha, fi żminijiet ta' tfixkil fis-suq. Il-Kummissjoni tipproponi bidliet fil-funzjonament tal-iskemi għax-xiri ta' kwoti mill-Istati Membri. Bħalissa, għal raġunijiet ta' ristrutturar, l-Istati Membri jistgħu 'jixtru' kwoti mill-bdiewa u jqiegħdu din il-kwota fir-riżerva nazzjonali. Ir-riżerva nazzjonali tgħodd bħala parti mill-kwota nazzjonali tal-Istat Membru. Jekk produtturi individwali jaqbżu l-kwota, iżda l-Istat Membru kollu kemm hu ma jaqbiżhiex (bl-inklużjoni tar-riżerva nazzjonali), ma titħallas l-ebda soprataxxa. Il-Kummissjoni tipproponi li l-kwota mixtrija miżmuma fir-riżerva nazzjonali ma tibqax tgħodd bħala parti mill-kwota nazzjonali meta wieħed jiġi biex jiddeċiedi jekk għandhiex titħallas soprataxxa jew le. Jekk tinġabar soprataxxa, il-parti li tikkorrispondi għall-kwota mixtrija tista' tintuża għar-ristrutturar. Miżuri għaż-żmien medju u għat-tul: Il-Kummissjoni tissuġġerixxi t-twaqqif ta' grupp ta' esperti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Dan il-grupp għandu jagħti ħarsa lejn għadd ta' kwistjonijiet, fosthom: Il-possibbiltà li jiġi stabbiliti qafas legali għar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-bdiewa li jipproduċu l-ħalib u l-industrija tal-prodotti tal-ħalib, sabiex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-provvista u d-domanda fis-suq, filwaqt li l-kompetizzjoni ġusta tiġi ssalvagwardjata. Il-konklużjonijiet tar-rapport imwiegħed mill-Kummissjoni għall-aħħar tas-sena dwar l-funzjonament tal-katina ta' provvista tas-settur tal-ħalib. Il-possibbiltà li suq Ewropew tal-futuri fil-ħalib jgħin biex fit-tul il-prezzijiet isiru aktar trasparenti. Metodi biex tinfirex il-prassi t-tajba f'dak li jirrigwarda l-kostijiet tal-produzzjoni u l-innovazzjoni fis-settur Ewropew tal-ħalib kollu kemm hu. Żviluppi reċenti fis-suq tal-ħalib: L-aktar dejta reċenti turi li l-prezzijiet bdew jitjiebu. F'temp ta' xahar, il-prezzijiet tal-butir telgħu b'4 % fi Franza, b'8 % fil-Ġermanja, u saħansitra b'aktar fir-Renju Unit. Madwar l-UE, il-prezzijiet tal-ħalib xkumat telgħu b'medja ta' bejn 2 % u 3 %. Mindu ġew emendati r-regoli tal-esportazzjoni f'Awwissu li għadda, il-prezzijiet tal-ġobon telgħu b'bejn 5 % u 7 %. Il-prezz medju tal-ħalib fl-UE tela' bi kważi 2 % f'Awwissu, u x-xiri ta' intervent wasal biex jitwaqqaf. Miżuri li diġà ttieħdu: Il-Kummissjoni tistenna li tonfoq EUR 600 miljun aktar fuq miżuri tas-suq matul din is-sena. 70 % mill-ħlasijiet diretti għal din is-sena aktarx jitħallsu aktar kmieni mis-soltu, f'Ottubru li ġej. Fil-qafas tal-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK u l-Pakkett għall-Irkupru Ekonomiku, hemm EUR 4.2 biljun disponibbli biex jintlaqgħu 'sfidi ġodda', inkluż ir-ristrutturar tas-settur tal-ħalib. Dan jiżdied ma' dak li diġà hemm disponibbli fil-politika ta' Żvilupp Rurali. Il-Kummissjoni saħħet ukoll il-Programm tal-Ħalib għall-Iskejjel, kif ukoll miżuri ta' promozzjoni għall-prodotti tal-ħalib.